Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 17 ta' Ġunju 2024 11:50

Direttiva qafas dwar l-iskart: il-Kunsill mistenni jibda taħditiet dwar ir-reviżjoni tagħha

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu ("approċċ ġenerali") dwar ir-reviżjoni mmirata tad-direttiva qafas dwar l-iskart, b'enfasi fuq l-iskart tal-ikel u tat-tessuti.

<p>Alain Maron, ministru tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali, responsabbli mit-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-enerġija u d-demokrazija parteċipattiva </p>

L-approċċ ġenerali għandu l-għan li jipprevjeni l-iskart mill-moda mgħaġġla u li jiffaċilita l-użu mill-ġdid. Jistabbilixxi wkoll miri ambizzjużi biex sal-2030 titnaqqas b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel. Minħabba li s-setturi tal-ikel u tat-tessuti huma l-ewwel u r-raba' l-aktar intensivi fl-użu tar-riżorsi rispettivament, il-ftehim tal-lum jirrappreżenta pass kruċjali lejn ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u ċirkolari.

<p>Alain Maron, ministru tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali, responsabbli mit-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-enerġija u d-demokrazija parteċipattiva </p>

Alain Maron, ministru tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali, responsabbli mit-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-enerġija u d-demokrazija parteċipattiva

Is-settur tal-ikel

Inqas ħela tal-ikel sal-2030

Id-direttiva proposta tistabbilixxi miri vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel sal-2030:

  • − 10% fl-ipproċessar u l-manifattura
  • − 30% per capita fil-bejgħ bl-imnut, fir-ristoranti, fis-servizzi tal-ikel u fid-djar

L-approċċ ġenerali jaqbel mal-miri kif proposti mill-Kummissjoni u jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri għall-ikel li jittiekel sal-31 ta' Diċembru 2027, meta l-Kummissjoni ser tirrieżamina l-miri tal-2030.

Sena ta' referenza u fatturi ta' korrezzjoni

Il-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel ser jiġu kkalkulati meta mqabbla mal-ammont iġġenerat fl-2020, peress li kienet l-ewwel sena li għaliha nġabret id-data dwar l-iskart tal-ikel skont metodu armonizzat. L-istati membri jistgħu jużaw sena ta' referenza qabel l-2020, jekk fil-livell nazzjonali kienu fis-seħħ metodi adegwati għall-ġbir tad-data.

L-approċċ ġenerali jippermetti lill-istati membri jużaw ukoll l-2021, l-2022 jew l-2023 bħala snin ta' referenza, peress li d-data għall-2020 tista' f’xi każijiet ma tkunx rappreżentattiva minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Il-ministri qablu wkoll li jeħtieġ li jiġu żviluppati fatturi ta' korrezzjoni, sabiex jittieħed kont tal-fluttwazzjonijiet fit-turiżmu u fil-livelli tal-produzzjoni fl-ipproċessar u l-manifattura tal-ikel fir-rigward tas-sena ta' referenza.

Is-settur tat-tessuti

Id-direttiva qafas attwali dwar l-iskart, li ilha fis-seħħ sa mill-2008, tobbliga lill-istati membri jiżguraw il-ġbir separat tat-tessuti għall-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ sal-1 ta' Jannar 2025. Skont l-approċċ ġenerali, sa tmiem l-2028, il-Kummissjoni ser tikkunsidra li tistabbilixxi miri speċifiċi għall-prevenzjoni, il-ġbir, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart tat-tessuti.

Responsabbiltà estiża tal-produttur

Il-proposta għar-reviżjoni tad-direttiva qafas dwar l-iskart tipprevedi skemi armonizzati ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) li jirrikjedu li l-marki tal-moda u l-produtturi tat-tessuti jħallsu t-tariffi sabiex jgħinu fil-finanzjament tal-kostijiet tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart tat-tessuti. Dawn l-iskemi ser jiġu stabbiliti sa 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva u l-ministri qablu li jinkludu l-mikrointrapriżi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

Il-livell ta' dawk it-tariffi ser ikun ibbażat fuq iċ-ċirkolarità u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tat-tessuti (magħrufa bħala ekomodulazzjoni). Peress li l-prevenzjoni tal-iskart hija l-aħjar għażla, l-approċċ ġenerali jistabbilixxi li l-istati membri jistgħu jirrikjedu tariffi ogħla għall-kumpaniji li jsegwu prattiki industrijali u kummerċjali tal- "moda mgħaġġla".

L-approċċ ġenerali fih ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-istati membri fejn hemm sehem ogħla ta' prodotti tat-tessuti vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid fis-suq. Dawk l-istati membri jistgħu jitolbu lill-operaturi kummerċjali tal-użu mill-ġdid biex iħallsu tariffa (aktar baxxa) meta jagħmlu dawk il-prodotti disponibbli fis-suq tagħhom għall-ewwel darba.

Entitajiet tal-ekonomija soċjali

L-approċċ ġenerali jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali (inkluż l-organizzazzjonijiet tal-karità, l-intrapriżi soċjali u l-fondazzjonijiet) fis-sistemi eżistenti tal-ġbir tat-tessuti. Dan jippermettilhom iżommu u joperaw il-punti ta' ġbir separat tagħhom stess. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-istati membri jistgħu jeżentawhom minn ċerti rekwiżiti ta' rappurtar biex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat.

Il-passi li jmiss

L-approċċ ġenerali tal-Kunsill li ntlaħaq illum jippermetti lill-presidenza b'rotazzjoni tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar it-test finali, li ser isir taħt iċ-ċiklu leġiżlattiv il-ġdid. Il‑Parlament Ewropew adotta l‑pożizzjoni tiegħu f'Marzu 2024.

Kuntest

Fl-UE jiġi ġġenerat aktar minn 58 miljun tunnellata ta' skart tal-ikel (jiġifieri 131 kg għal kull abitant) kull sena, li jirrappreżentaw telf stmat ta' €132 biljun. Barra minn hekk, l-iskart tal-ikel jammonta għal madwar 16% tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra mis-sistema tal-ikel tal-UE.

L-UE tiġġenera wkoll 12.6-il miljun tunnellata ta' skart tat-tessuti fis-sena. L-ilbies u ż-żraben waħedhom jammontaw għal 5.2 miljun tunnellata ta' skart, ekwivalenti għal 12 kg ta' skart għal kull persuna kull sena. Bħalissa, 22% biss ta' tali skart jinġabar separatament għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, filwaqt li l-bqija spiss jiġi inċinerat jew mormi f'landfill.

Fil-5 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex tirrevedi d-direttiva qafas dwar l-iskart, immirata speċifikament lejn is-setturi tal-ikel u tat-tessuti. L-għan ġenerali tal-proposta huwa li jitnaqqsu l-impatt ambjentali u dak klimatiku assoċjati mal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tat-tessuti u tal-ikel.

L-infografika tippreżenta l-miżuri ewlenin tal-UE għat-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel.
Ħela ta' ikel: prevenzjoni, użu mill-ġdid u riċiklaġġ (Infografika)

Ħela ta' ikel: prevenzjoni, użu mill-ġdid u riċiklaġġ (Infografika)

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025