"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 17 ta' Ġunju 2024

Riżultati ewlenin

Il-ministri għall-ambjent tal-UE ltaqgħu fil-Lussemburgu u laħqu approċċ ġenerali dwar id-direttiva dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi, id-direttiva dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija u d-direttiva qafas riveduta dwar l-iskart. Huma adottaw formalment il-liġi dwar ir-restawr tan-natura.

Alain Maron, Ministru għat-Tranżizzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija u d-Demokrazija Parteċipattiva tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali

L-UE ħatfet opportunità unika biex treġġa' lura t-telf tal-bijodiversità u biex tiftaħ din it-tieqa li qed tingħalaq malajr, filwaqt li tiżgura futur abitabbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Illum qbilna wkoll dwar tliet direttivi ewlenin tal-UE għall-ekonomija ċirkolari u s-saħħa tal-ħamrija fl-UE: urejna l-impenn tagħna għal tranżizzjoni ekoloġika, billi qed nipproteġu lill-konsumaturi tagħna mill-greenwashing, qed nimmiraw l-iskart tal-ikel u tat-tessuti u qed nipproteġu l-ħamrija tagħna mid-degradazzjoni.

L-UE qed timxi 'l quddiem b'mod kostanti bl-objettivi ambjentali u klimatiċi tagħha u bil-mira li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE sal-2050.

Alain Maron, Ministru għat-Tranżizzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija u d-Demokrazija Parteċipattiva tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali

Alain Maron, Ministru għat-Tranżizzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija u d-Demokrazija Parteċipattiva tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell-Kapitali

Liġi dwar ir-restawr tan-natura

Illum, il-Kunsill adotta formalment ir-regolament dwar ir-restawr tan-natura - l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu. Din il-liġi għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri ta' rkupru li jkopru mill-inqas 20% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

Tistabbilixxi miri u obbligi speċifiċi u legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura fl-ekosistemi terrestri, tal-baħar, tal-ilma ħelu, tal-foresti, agrikoli u urbani. Miżuri speċifiċi jinkludu l-protezzjoni tal-pollinaturi u tal-friefet tal-artijiet bil-ħaxix, il-protezzjoni tal-ispazji ħodor urbani u t-tħawwil ta' mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali sal-2030 fil-livell tal-UE.

Direttiva qafas dwar l-iskart

Il-ministri għall-ambjent tal-UE laħqu approċċ ġenerali dwar proposta biex tiġi riveduta d-direttiva qafas dwar l-iskart, li tiffoka speċifikament fuq is-setturi tat-tessuti u tal-ikel. L-għan ġenerali huwa li jitnaqqsu l-impatt ambjentali u dak klimatiku assoċjati mal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tat-tessuti u tal-ikel. Għandha wkoll l-għan li trawwem iċ-ċirkolarità fis-settur tat-tessuti.

Ir-regoli l-ġodda jintroduċu skemi obbligatorji u armonizzati ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) għall-produtturi tat-tessuti fl-istati membri kollha tal-UE. L-approċċ ġenerali jistabbilixxi wkoll miri legalment vinkolanti għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel għall-istati membri, li għandhom jintlaħqu sal-2030: 10% fl-ipproċessar u l-manifattura, u 30% (per capita) fil-bejgħ bl-imnut, fir-ristoranti, fis-servizzi tal-ikel u fid-djar.

L-infografika tippreżenta l-miżuri ewlenin tal-UE għat-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel.

Ħela ta' ikel: prevenzjoni, użu mill-ġdid u riċiklaġġ (Infografika)

Asserzjonijiet ambjentali

Il-ministri laħqu approċċ ġenerali dwar id-direttiva proposta dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi.

Id-direttiva għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi mill-greenwashing: tistabbilixxi rekwiżiti minimi madwar l-UE fir-rigward tas-sostanzjar, il-komunikazzjoni u l-verifika ta' asserzjonijiet ambjentali espliċiti (bil-miktub jew orali) u tikketti ambjentali.

L-għan huwa li titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija ċirkolari u nadifa fl-UE, u b'hekk tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

Direttiva dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija

Il-ministri għall-ambjent tal-UE laħqu approċċ ġenerali dwar id-direttiva dwar il-monitoraġġ u r-reżiljenza tal-ħamrija. L-għan tad-direttiva huwa li l-UE titqiegħed fit-triq lejn ħamrija f'saħħitha sal-2050.

Biex jintlaħaq dan l-għan ta' aspirazzjoni, l-approċċ ġenerali li ntlaħaq illum jistabbilixxi miżuri biex il-monitoraġġ tas-saħħa tal-ħamrija jsir obbligatorju, jipprovdi prinċipji gwida għall-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, u jindirizza sitwazzjonijiet fejn il-kontaminazzjoni tal-ħamrija toħloq riskji inaċċettabbli għas-saħħa u għall-ambjent.

It-tmien programm ta' azzjoni ambjentali

Il-ministri approvaw konklużjonijiet fir-rigward tar-rieżami ta' nofs it-terminu tat-tmien programm ta' azzjoni ambjentali, li jwitti t-triq 'il quddiem għal tranżizzjoni ekoloġika, ġusta u inklużiva għal Ewropa sostenibbli.

Dan is-sett ta' konklużjonijiet jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ser tkun kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-konklużjonijiet jindirizzaw, fost affarijiet oħra, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għar-riskji, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, it-tniġġis żero u l-ekonomija ċirkolari.

L-istati membri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aċċettazzjoni soċjali u tranżizzjoni ġusta. Dan is-sett ta' konklużjonijiet ser jiggwida lill-Kummissjoni dwar l-aġġustament tal-miżuri biex jintlaħqu b'mod effettiv l-objettivi tal-2030.

Mira klimatika għall-2040

Il-ministri għall-ambjent tal-UE ħadu sehem ukoll f'dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar mira klimatika tal-UE għall-2040.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-mira klimatika għall-2040, b'kont meħud tal-kontribut tagħha għall-kompetittività tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Huma qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar il-qafas ta' wara l-2030, inkluż il-potenzjal tal-miżuri min-naħa tad-domanda u l-ekonomija ċirkolari.

Ġestjoni tar-riskji klimatiċi

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi.

Il-ministri rrikonoxxew li huwa meħtieġ rispons politiku sistemiku fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha. Huma esprimew il-fehmiet tagħhom dwar modi ġodda possibbli ta' kooperazzjoni fil-livelli differenti ta' governanza, inkluż fil-livell tal-UE, biex jiġu indirizzati r-riskji klimatiċi. Huma qasmu wkoll mal-ministri l-oħra kwalunkwe miżura li daħħlu fis-seħħ biex jintegraw il-ġestjoni tar-riskju klimatiku fl-ippjanar baġitarju tagħhom.

Trattat dwar l-Ibħra Internazzjonali

Taħt punti mhux għad-diskussjoni, il-Kunsill adotta deċiżjoni biex l-UE tikkonkludi l-Ftehim taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (il-ftehim BBNJ), magħruf ukoll bħala t-Trattat dwar l-Ibħra Internazzjonali.

Il-ftehim għandu l-għan li jipproteġi l-oċean tad-dinja u l-amministrazzjoni tiegħu f'isem il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri f'żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. Dawk iż-żoni jammontaw għal madwar żewġ terzi tal-wiċċ tal-oċean u 95% tal-volum tiegħu.

Fajls leġiżlattivi oħra

Il-ministri semgħu mill-presidenza Belġjana dwar il-ħidma leġiżlattiva li għaddejja fir-rigward tar-regolament propost dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-mikroplastik mit-telf ta' pellets tal-plastik u r-regolament propost dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw.

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar l-eżitu tar-raba' sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar biex jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis tal-plastik, inkluż fl-ambjent tal-baħar (INC-4).

Il-Polonja, iċ-Ċekja u l-Ungerija pprovdew (f'sessjoni mhux pubblika) informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-irkant tal-2024 tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2024 għall-fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika (RFNBO) tal-idroġenu (it-tieni ċiklu tal-irkant H2).

Id-delegazzjoni Ungeriża ppreżentat il-programm ambjentali tagħha bħala l-presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-listi ta' punti A.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025