Ħela tal-ikel
Il-ħela tal-ikel tpoġġi pressjoni bla bżonn fuq ir-riżorsi naturali u taffettwa s-sigurtà tal-ikel. Ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jipprevjenu u jnaqqsu t-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel.
L-impatt tal-ħela tal-ikel
Il-ħela tal-ikel, u t-telf tal-ikel li jseħħ meta l-ikel jintilef qabel ma jasal għand il-konsumaturi, huma sfida globali. Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), madwar terz tal-ikel kollu prodott fid-dinja jintilef jew jinħela f'xi mument fil-katina tal-provvista tal-ikel.
Fl-UE, kull sena jinħlew aktar minn 59 miljun tunnellata ta' ikel, li jammonta għal
132 kg għal kull persuna.
Minn fejn tiġi ġġenerata l-ħela tal-ikel
Aktar minn nofs il-ħela tal-ikel fl-UE tiġi mill-unitajiet domestiċi. Dan huwa kważi d-doppju tal-ħela tal-ikel iġġenerata matul il-produzzjoni jew l-ipproċessar. Il-graff turi l-ammont ta' ħela tal-ikel għal kull settur abbażi ta' total ta' 132 kg ta' ħela per capita.
Grafika li turi fejn tiġi ġġenerata l-ħela tal-ikel, abbażi ta' total per capita ta' 132 kg:
- 72 kg: unitajiet domestiċi
- 25 kg: ipproċessar
- 15 kg: ristoranti u servizzi
- 11 kg: bejgħ u distribuzzjoni
- 10 kg: produzzjoni
Sors: Eurostat 2024, data mill-2022.
L-ineffiċjenzi tul il-katina tal-provvista tal-ikel u fil-konsum għandhom impatt kbir fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà.
L-impatti ewlenin tal-ħela tal-ikel
Ambjent
Il-ħela tal-ikel tikkawża 16% mit-total ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra tas-sistema tal-ikel tal-UE.
Ekonomija
Jintilfu sa €132 biljun kull sena minħabba l-ħela tal-ikel.
Soċjetà
Kważi 33 miljun ruħ fl-UE ma għandhomx biex jixtru ikla kompluta kull jumejn, filwaqt li tunnellati ta' ikel jintremew.
Kif l-UE tindirizza l-ħela tal-ikel
L-UE u l-pajjiżi tagħha huma impenjati għall-għan ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti li titnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel per capita fid-dinja fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur u jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista sal-2030.
Biex taċċellera l-azzjoni lejn dan l-għan, l-UE introduċiet miżuri speċifiċi biex tillimita t-telf u l-ħela tal-ikel.
Id-direttiva qafas tal-UE dwar l-iskart tistabbilixxi ordni ta' prijorità għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu t-telf u l-iskart. Il-prevenzjoni hija l-ewwel miżura li l-pajjiżi membri għandhom jinfurzaw. Meta l-prevenzjoni ma tkunx possibbli, il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu passi għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ jew l-użu tal-ikel għal skopijiet oħra.
Ordni ta' prijorità biex jitnaqqsu t-telf u l-ħela
1. PREVENZJONI: jiġu evitati qabelxejn it-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel
2. UŻU MILL-ĠDID: użu mill-ġdid għall-konsum mill-bniedem permezz tar-ridistribuzzjoni u l-banek tal-ikel, jew adattament bħala għalf għall-annimali
3. RIĊIKLAĠĠ: irkupru ta' prodotti sekondarji u użu mill-ġdid ta' nutrijenti għal użi oħra bħall-ikkompostjar
4. IRKUPRU: inċinerazzjoni bl-irkupru tal-enerġija
Id-direttiva qafas tal-UE dwar l-iskart tirrikjedi li l-istati membri:
- inaqqsu l-ammont ta' ikel li jintilef matul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni
- inaqqsu l-ħela tal-ikel fid-djar
- iħeġġu d-donazzjoni tal-ikel
- jissorveljaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel tal-UE
Miżuri oħra mmirati lejn it-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel jinkludu l-adattament għal skop ġdid ta' prodotti tal-ikel żejda, pereżempju bħala għalf tal-annimali jew kompost.
Miri għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel
F'Lulju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għar-reviżjoni tad-direttiva qafas tal-UE dwar l-iskart. Ir-reviżjoni tinkludi miri ġodda legalment vinkolanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel għall-2030.
F'Ġunju 2024, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-miri proposti.
Fi Frar 2025 intlaħaq qbil proviżorju bejn il-koleġiżlaturi. Dan jinkludi l-miri li ġejjin biex titnaqqas il-ħela tal-ikel.
L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Frar 2025