Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Ġunju 2024 15:30

Faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti: rwol imsaħħaħ tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti

Ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE (Coreper) qablu dwar il-mandat għal negozjati tal-Kunsill għal regolament li jsaħħaħ ir-rwol tal-Europol fl-appoġġ lill-istati membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar ta' bnedmin.

L-abbozz ta' regolament ibiddel ir-regolament attwali tal-Europol u jsaħħaħ il-mandat tal-Europol sabiex jappoġġa b'mod aktar attiv lill-istati membri fl-indirizzar ta' dawn ir-reati, u jintroduċi rekwiżiti akbar għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex tittejjeb il-kooperazzjoni nazzjonali u fil-livell tal-UE. L-Europol hija l-aġenzija tal-UE li tassisti lill-korpi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

<p>Annelies Verlinden, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Belġju</p>

Il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti hija negozju kriminali li jiġġenera madwar biljun euro u li jisfrutta lill-dawk l-aktar dgħajfa. Irridu nwaqqfu l-kuntrabandisti u l-Europol jista' jkollu rwol importanti f'dan.

<p>Annelies Verlinden, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Belġju</p>

Annelies Verlinden, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Belġju

Elementi ewlenin tal-pożizzjoni tal-Kunsill

L-Europol ser ikun jista' jkollu rwol aktar sinifikanti fl-appoġġ lill-istati membri permezz tal-ipproċessar ta' data bijometrika biex jingħalqu l-lakuni li l-kriminali jfittxu li jisfruttaw billi jaħbu wara identitajiet foloz u multipli.

Sabiex tiġi rregolata l-prattika attwali, issa hija prevista l-possibbiltà għall-aġenzija tal-UE, fuq talba tal-istati membri, li tibgħat persunal tal-Europol jew esperti nazzjonali sekondati fit-territorju tal-istati membri u f'pajjiżi terzi biex jipprovdu appoġġ analitiku, operazzjonali, tekniku u forensiku. Dan l-appoġġ operazzjonali jista' pereżempju jsir fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri.

Sabiex l-Europol ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u jżid il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-uffiċjali ta' kollegament dwar l-immigrazzjoni tal-infurzar tal-liġi tal-istati membri jistgħu jkunu konnessi mas-SIENA, il-pjattaforma ta' komunikazzjoni sigura tal-Europol għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambju aħjar ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità, il-Frontex – l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE – u l-Eurojust – l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali – ser jiġu mistiedna jissekondaw b'mod permanenti uffiċjali ta' kollegament għaċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti (EMSC) tal-Europol.

L-Europol ser isaħħaħ ukoll l-appoġġ tiegħu għall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), l-għodda ewlenija tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.

Il-Kunsill iddeċieda wkoll li l-Europol għandu jirċievi riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Il-passi li jmiss

Il-mandat għal negozjati tal-lum ser jippermetti lill-Kunsill jimpenja ruħu mal-Parlament Ewropew biex jaqbel dwar test legali finali, hekk kif il-Parlament ikun iddeċieda dwar il-pożizzjoni tiegħu.

Sfond

Fit-28 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti. Minbarra r-regolament biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Europol – li llum l-istati membri laħqu qbil dwaru – il-Kummissjoni pproponiet ukoll liġi tal-ġustizzja kriminali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti.

Skont l-Europol, aktar minn 90% tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE jagħmlu użu mis-servizzi tal-kuntrabandisti, u n-NU tistma li n-networks tal-kuntrabandisti jqanqlu profitti ta' bejn €4.7 u €6 biljun fis-sena.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025