"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Tassazzjoni: il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-VAT fil-pakkett tal-era diġitali
Illum il-Kunsill laħaq qbil dwar miżuri ġodda li ser jadattaw ir-regoli tal-UE dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-era diġitali. B'regoli ġodda dwar fatturi elettroniċi u rappurtar tad-data f'ħin reali, kif ukoll negozju mwettaq permezz ta' pjattaformi diġitali, dan il-pakkett ta' leġiżlazzjoni ser jiġġieled il-frodi tat-taxxa, jappoġġa lin-negozji u jippromwovi d-diġitalizzazzjoni.
Wara negozjati li damu kważi sentejn, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pakkett tal-VAT. Dan huwa pedament għat-tranżizzjoni diġitali u pass sinifikanti fit-titjib tal-kompetittività tal-UE. Ir-regoli l-ġodda ser jaġġornaw is-sistemi tal-VAT tagħna biex jirriflettu d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna, jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, u jiffaċilitaw l-obbligi amministrattivi għall-kumpaniji ż-żgħar u l-fornituri individwali ta' servizzi. Id-deċiżjoni tal-lum ittieħdet wara diskussjonijiet intensi mmexxija mill-presidenza Ungeriża; għalhekk ninsabu grati lejn id-delegazzjonijiet kollha għall-approċċ kostruttiv u l-ħidma iebsa tagħhom.
Mihály Varga, ministru għall-finanzi tal-Ungerija
Il-ftehim ikopri tliet atti – direttiva, regolament u regolament ta' implimentazzjoni – li flimkien jibdlu tliet aspetti differenti tas-sistema tal-VAT. Ir-regoli l-ġodda ser:
jiddiġitalizzaw għalkollox, sal-2030, l-obbligi ta' rappurtar tal-VAT għat-tranżazzjonijiet transfruntiera
jeħtieġu li l-pjattaformi online iħallsu l-VAT fuq servizzi ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir u ta' trasport tal-passiġġieri fil-biċċa l-kbira tal-każijiet fejn fornituri individwali ta' servizzi ma jitolbux VAT
itejbu u jespandu punti uniċi ta' servizz tal-VAT online sabiex in-negozji ma jkollhomx għalfejn jgħaddu minn reġistrazzjonijiet għaljin għall-VAT f'kull stat membru fejn iwettqu negozju
Rappurtar diġitali tal-VAT
Bħalissa, in-negozji jintalbu biex kull ftit xhur jippreżentaw lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom "dikjarazzjonijiet rikapitolattivi" ta' prodotti u servizzi mibjugħa lil negozji fi stati membri oħra tal-UE li huma taxxabbli f'dawk l-istati membri.
Dan jagħti opportunità lill-frodaturi jisfruttaw id-diffikultà li l-awtoritajiet jiffaċċaw biex jidentifikaw malajr tranżazzjonijiet suspettużi jew frodulenti, billi d-data ma tkunx kompluta u ma tkunx disponibbli f'ħin reali.
Il-Kunsill issa laħaq qbil li ser tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar diġitali f'ħin reali għall-finijiet tal-VAT, permezz ta' fatturi elettroniċi.
In-negozji ser joħorġu fatturi elettroniċi għat-tranżazzjonijiet transfruntieri minn negozju għal ieħor, u ser jirrappurtaw id-data awtomatikament lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom. Dan ser ikun ibbażat fuq l-istandard Ewropew eżistenti għall-fatturazzjoni elettronika fil-qasam tal-akkwist pubbliku. L-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa mbagħad jikkondividu d-data permezz ta' sistema ġdida tal-IT li ser tkun kapaċi tipprovdi analiżijiet ta' attivitajiet suspettużi.
Qafas fil-livell nazzjonali ser jiżgura l-kwalità tad-data inkluża fil-fatturi elettroniċi, bi flessibbiltà għall-istati membri fl-operazzjonalizzazzjoni ta' dak il-qafas.
Dan ser jipprovdi lill-istati membri b'informazzjoni rapida u kompluta dwar it-tranżazzjonijiet transfruntieri, li tista' tintuża biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.
Il-Kunsill laħaq qbil li s-sistema tal-UE għandha tkun fis-seħħ fl-2030 u li s-sistemi nazzjonali eżistenti kollha għandhom isiru interoperabbli mas-sistema tal-UE sal-2035.
VAT għall-ekonomija tal-pjattaformi
Bħalissa, ħafna fornituri ta' servizzi online ta' kiri ta' akkomodazzjoni u ta' trasport tal-passiġġieri ma jħallsux VAT. Dan huwa dovut prinċipalment għall-fatt li hemm tendenza jkunu jew fornituri individwali (bħal sewwieq jew persuna li tikri l-appartament tagħha) jew inkella negozji żgħar, li normalment ma jkunux meħtieġa jirreġistraw għall-VAT jew spiss sempliċiment ma jkunux jafu l-obbligi tagħhom jew kif jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa fi stati membri oħra.
Dan jirriżulta f'ammonti kbar ta' VAT li ma jinġabrux, u xi drabi għal kompetizzjoni inġusta bejn servizzi tradizzjonali ta' akkomodazzjoni u trasport u dawk li joperaw permezz tal-pjattaformi.
Skont ir-regoli l-ġodda, l-operaturi tal-ekonomija tal-pjattaformi ser ikunu responsabbli għall-ġbir u r-remissjoni tal-VAT, f'każijiet fejn il-fornituri ta' servizzi tagħhom ma jħallsux il-VAT huma stess (skont l-hekk imsejjaħ mudell tal-"fornitur preżunt"). Il-pjattaforma ser tiġbor il-VAT direttament mingħand il-klijent u tgħaddiha lill-awtoritajiet tat-taxxa.
Il-Kunsill ta aktar flessibbiltà lill-istati membri billi espanda d-definizzjoni ta' kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir għall-finijiet tat-taxxa, u qed jagħti lill-istati membri l-possibbiltà li jeżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) mir-regoli dwar il-fornitur preżunt. Il-Kunsill laħaq ukoll qbil dwar perjodu ta' tranżizzjoni qasir biex jiġu applikati r-regoli dwar il-fornitur preżunt.
Punt uniku ta' servizz għar-reġistrazzjoni tal-VAT
Għalissa, sistema ta' "punti uniċi ta' servizz" tagħmilha possibbli li n-negozji jużaw amministrazzjoni ta' stat membru wieħed u lingwa waħda biex jiddikjaraw u jgħaddu l-VAT dovuta fuq il-bejgħ tagħhom ta' prodotti u servizzi lil konsumaturi minn pajjiż għal ieħor tal-UE. Madankollu, il-kumpaniji li jixtiequ jbigħu prodotti lill-konsumaturi fi stat membru li ma jkunx tagħhom stess (jiġifieri minn maħżen jew suq ta' kull ġimgħa f'dak l-istat membru) xorta waħda jkollhom jirreġistraw darbtejn għall-finijiet tal-VAT.
Għalhekk, ir-regoli l-ġodda issa ser jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tal-"punti uniċi ta' servizz" eżistenti għall-bejgħ ta' ċerti prodotti min-negozji għall-konsumaturi, bħall-elettriku jew il-gass, li jsir fi stat membru li ma jkunx tagħhom stess - u mhux biss għall-provvisti transfruntieri. Dan ser jinkludi sitwazzjonijiet fejn il-kumpaniji sempliċiment ikunu jixtiequ jittrasferixxu l-istokk lejn stat membru ieħor sabiex aktar tard ibigħuh direttament lill-konsumaturi hemmhekk.
B'dan il-mod, il-punt uniku ta' servizz estiż ser iħalli lil saħansitra aktar negozji jissodisfaw l-obbligi tal-VAT tagħhom permezz ta' portal wieħed online u b'lingwa waħda.
Il-Kunsill laħaq ukoll qbil li r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT fi tranżazzjonijiet minn negozju għal ieħor tiġi trasferita mill-fornitur ta' prodott jew servizz għax-xerrej, jekk dak il-fornitur ma jkunx stabbilit fl-istat membru fejn tkun dovuta l-VAT (skont l-hekk imsejjaħ "mekkaniżmu tar-reverse charge"). Dan kien diġà possibbli f'xi sitwazzjonijiet, iżda ser isir obbligatorju fil-futur.
Għall-kuntrarju tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li ma jestendix id-dispożizzjoni eżistenti dwar il-fornitur preżunt - li tagħmel il-ġbir tal-VAT responsabbiltà tal-pjattaformi li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet minflok tal-fornituri sottostanti - għall-prodotti kollha fornuti minn pjattaformi online u għat-trasferimenti ta' prodotti proprji. Il-Kunsill laħaq ukoll qbil li ma jibdilx ir-regoli dwar l-opri tal-arti u l-oġġetti antiki.
Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jiddiskuti l-proposta li l-punt uniku ta' servizz għall-importazzjoni jsir obbligatorju fil-qafas tal-aspetti tal-VAT tal-proposta għar-riforma tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill.
Kuntest u l-passi li jmiss
Fit-8 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett "Il-VAT fl-era diġitali" li jikkonsisti fi tliet proposti:
proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali;
proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali
proposta għal regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda r-regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT
Id-direttiva u r-regolament huma soġġetti għal proċedura leġiżlattiva speċjali. Fil-Kunsill hija meħtieġa l-unanimità għat-tliet atti legali. Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta' Novembru 2023. Madankollu, minħabba bidliet sostanzjali li saru mill-Kunsill fid-direttiva, il-Parlament Ewropew ser jerġa' jiġi kkonsultat dwar it-test maqbul.
Imbagħad jeħtieġ li t-test jiġi adottat formalment mill-Kunsill qabel ma jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ.