"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 5 ta' Novembru 2024
Riżultati ewlenin
Il-VAT fl-era diġitali
Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar pakkett ta' leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-era diġitali. Il-pakkett jikkonsisti fi tliet proposti li għandhom l-għan li jindirizzaw il-frodi tal-VAT, jappoġġaw lin-negozji u jippromwovu d-diġitalizzazzjoni.
Wara negozjati li damu kważi sentejn, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pakkett tal-VAT. Dan huwa pedament għat-tranżizzjoni diġitali u pass sinifikanti fit-titjib tal-kompetittività tal-UE. Ir-regoli l-ġodda ser jaġġornaw is-sistemi tal-VAT tagħna biex jirriflettu d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna, jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, u jiffaċilitaw l-obbligi amministrattivi għall-kumpaniji ż-żgħar u l-fornituri individwali ta' servizzi. Id-deċiżjoni tal-lum ittieħdet wara diskussjonijiet intensi mmexxija mill-presidenza Ungeriża; għalhekk ninsabu grati lejn id-delegazzjonijiet kollha għall-approċċ kostruttiv u l-ħidma iebsa tagħhom.
Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Sal-lum, l-RRPs kollha ġew approvati, waslu 70 talba għal pagament u ġew żborżati aktar minn €268 biljun.
Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw emendi mmirati ppreżentati miċ-Ċekja u min-Netherlands għall-pjanijiet modifikati tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
Il-Kunsill ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Il-ministri ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja fl-Ukrajna, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna u l-istat tal-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim rilevanti tal-G7 dwar self addizzjonali ta' $50 biljun (€45 biljun) lill-Ukrajna li għandu jiġi sservizzjat u mħallas lura minn flussi futuri ta' dħul straordinarju li jirriżulta mill-immobilizzazzjoni ta' assi sovrani Russi.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-rapport annwali tal-2024 tal-Bord Fiskali Ewropew (EFB) fil-preżenza tal-eks President tal-EFB, Niels Thygesen.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-progress li sar fil-prijoritajiet statistiċi tal-UE, filwaqt li pprovda gwida għal aktar ħidma.
Bħala punt mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta wkoll regolament li għandu l-għan li jtejjeb aktar l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar ir-riżultati ewlenin tal-laqgħa tal-G20 tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali li saret fit-23 u l-24 ta' Ottubru 2024 f'Washington.
Il-Kunsill ippubblika ċ-ċifri internazzjonali tal-finanzjament għall-klima għall-2023, bi tħejjija għall-Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP29), li ser issir mill-11 sat-22 ta' Novembru f'Baku, l-Ażerbajġan.
Fl-2023, l-Unjoni Ewropea u s-27 stat membru tagħha kkontribwew €28.6 biljun f'finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta' €7.2 biljun f'finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
Iċ-ċifri huma bbażati fuq ir-regoli tal-UE dwar ir-rappurtar tal-finanzjament għall-klima stabbiliti fir-regolament dwar il-governanza.
Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dawn huma punti rikorrenti fuq l-aġenda tal-ECOFIN.
Bħala punt mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta żewġ atti leġiżlattivi li jibdlu d-direttiva Solvenza II, l-att leġiżlattiv ewlieni tal-UE fil-qasam tal-assigurazzjoni, u jintroduċu regoli ġodda dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-assigurazzjoni (IRRD).
Fl-4 ta' Novembru, fil-marġini tal-laqgħa, sar djalogu makroekonomiku fil-livell politiku (MEDPOL).
Is-sħab soċjali kellhom skambju ta' fehmiet mal-presidenza u ż-żewġ presidenzi li jmiss, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-president tal-Grupp tal-Euro. Il-laqgħa ffukat fuq ir-rieżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali, il-prospetti u r-rispons ta' politika xieraq, kif ukoll l-indirizzar tal-bidliet demografiċi u l-impatt fuq il-kompetittività.
Djalogu ministerjali UE-EFTA
Fil-marġini tal-laqgħa fil-5 ta' Novembru sar djalogu ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-EFTA (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles).
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif tista' tittejjeb il-kompetittività fit-tul, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi tad-demografija u l-produttività.
Djalogu Ministerjali ECOFIN-EFTA: Ritratt tal-Grupp
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.