"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Settur tal-biedja kompetittiv tal-UE bbażat fuq politika agrikola komuni ffukata fuq il-bdiewa: il-Kunsill japprova konklużjonijiet
Illum il-Kunsill approva b'mod unanimu sett ta' konklużjonijiet dwar politika agrikola komuni (PAK) ta' wara l-2027 li tkun iffukata fuq il-bdiewa, lejn agrikoltura futura tal-UE kompetittiva, reżistenti għall-kriżijiet, sostenibbli, favur il-bdiewa u bbażata fuq l-għarfien.
Il-konklużjonijiet approvati llum mis-27 ministru għall-agrikoltura tal-UE jindikaw l-importanza tal-PAK biex jintlaħqu dawk l-objettivi, u jissottolinjaw l-għanijiet ewlenin li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jiġi ggarantit standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.
Il-konklużjonijiet jirriflettu l-aspettattivi tal-Kunsill għall-politika agrikola komuni futura, bl-għan ta' settur kompetittiv u ffukat fuq il-bdiewa – waħda mill-prijoritajiet ġenerali tal-presidenza Ungeriża. Il-konklużjonijiet jappellaw għal riżorsi ddedikati u xierqa għall-PAK biex tirrispondi b'mod effiċjenti għall-objettivi multipli tagħha u jħeġġu li tinżamm PAK separata u indipendenti li jkun fiha żewġ pilastri. Il-pagamenti diretti għandhom ikomplu jappoġġaw l-istabbiltà tal-introjtu tal-bdiewa. Huma jenfasizzaw ukoll l-impenn tagħna li nipprovdu soluzzjonijiet u inċentivi konkreti biex nappoġġaw lill-bdiewa fit-tranżizzjoni ekoloġika.
István Nagy, Ministru għall-Agrikoltura Ungeriż
PAK futura ffukata fuq il-bdiewa
Is-27 ministru għall-agrikoltura tal-UE enfasizzaw l-importanza strateġika tal-PAK u r-rwol tagħha fl-iżgurar tas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel.
F'dan il-kuntest, huma nnutaw li huma meħtieġa riżorsi ddedikati u xierqa sabiex il-PAK tirrispondi b'mod effiċjenti għall-objettivi multipli tagħha u ħeġġew biex tinżamm PAK separata u indipendenti li jkun fiha żewġ pilastri. Il-ministri enfasizzaw il-fatt li l-PAK, permezz ta' pagamenti diretti lill-bdiewa u forom oħra ta' appoġġ, għandha tgħin biex jiġi żgurat li l-bdiewa jkollhom introjtu stabbli u tipprovdilhom inċentivi biexjikkontribwixxugħat-tranżizzjoni ekoloġika.
Il-Kunsill qabel ukoll li l-iżvilupp rurali għandu jkompli jkollu rwol b'saħħtu fl-arkitettura tal-PAK billi jappoġġa l-vijabbiltà taż-żoni rurali.
Tisħiħ tal-kompetittività u titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel
Il-Kunsill irrikonoxxa li huwa importanti li jittejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel u d-distribuzzjoni tal-valur miżjud u li jiġu żgurati aktar trasparenza u remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa. Il-ministri enfasizzaw l-importanza tal-istabbiltà tal-introjtu tal-bdiewa biex jinżammu attivitajiet agrikoli u produzzjoni tal-ikel ekonomikament vijabbli u kompetittivi fir-reġjuni kollha tal-UE.
Il-ministri għall-agrikoltura rrikonoxxew ukoll ix-xejra negattiva tal-popolazzjoni tal-bdiewa li qed tixjieħ u l-importanza ta' tiġdid ġenerazzjonali suffiċjenti. Il-ministri qablu li l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda għandu jissaħħaħ, biex jgħin biex jiġi żgurat li s-settur jibqa' attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, l-azjendi agrikoli żgħar u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur ġew enfasizzati bħala elementi importanti għall-vijabbiltà taż-żoni rurali.
Il-Kunsill enfasizza wkoll li hu meħtieġ appoġġ għall-investimenti biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà.
Mudell ta' implimentazzjoni favur il-bdiewa
Il-konklużjonijiet jappellaw għal regoli aktar favorevoli għall-bdiewa u jenfasizzaw il-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssimplifikati l-proċeduri.
F'dan ir-rigward, il-ministri appellaw għal proċedura simplifikata u aċċellerata għall-approvazzjoni u l-emendar tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK u għat-tħaffif tal-obbligi ta' rappurtar għall-bdiewa.
Il-Kunsill enfasizza li s-sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għandha tkun aktar effiċjenti, trasparenti u simplifikata, u s-sistema ta' kontroll u sanzjoni ma għandhiex iżżid l-għadd ta' verifiki fuq il-post.
L-għoti ta' inċentivi lill-bdiewa għat-tranżizzjoni ekoloġika
Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE rrikonoxxew li l-bdiewa jaqdu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika u li l-PAK għandha tkompli tgħin lis-settur fit-tranżizzjoni tiegħu lejn prattiki aktar sostenibbli. Il-Kunsill iqis li l-bdiewa għandu jkollhom inċentivi adegwati għal dak l-għan.
Il-ministri ssottolinjaw il-ħtieġa li jiġi żgurat il-bilanċ it-tajjeb bejn is-sostenibbiltà ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali.
Agrikoltura tal-UE reżistenti għall-kriżijiet
Il-Kunsill irrikonoxxa li l-kompetittività tal-agrikoltura ġiet affettwata minn għadd dejjem akbar ta' każijiet ta' temp straordinarju, kif ukoll minn tifqigħat ta' mard tal-annimali u t-tixrid ta' pesti tal-pjanti.
L-għodod għall-ġestjoni tar-riskju u l-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima jitqiesu bħala essenzjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-settur.
Barra minn hekk, biex jittejjeb il-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jittrattaw il-kriżijiet, il-Kunsill appella għal aktar flessibbiltà fl-użu tal-istrumenti tal-PAK. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal proċeduri aktar rapidi u aktar sempliċi għall-appoġġ tal-bdiewa f'każijiet ta' temp eċċezzjonali.
Riċerka u Innovazzjoni
Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol ċentrali fl-ilħuq tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tagħna u fl-iżgurar li ikel sostenibbli, tajjeb għas-saħħa u affordabbli jkun disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. F'dan il-kuntest, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq l-għarfien għall-agrikoltura.
Il-konklużjonijiet enfasizzaw ukoll l-importanza tal-ekonomijaċirkolari u l-tal-bioekonomija biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika fis-setturi tal-biedja u l-forestrija.
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni l-ġdida biex tqis il-konklużjonijiet meta tħejji l-proposti leġiżlattivi li jmiss dwar il-PAK ta' wara l-2027 u t-test huwa maħsub bħala gwida politika għal dak l-għan.
Il-Kummissjoni hija mistiedna wkoll tikkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill meta tħejji l-viżjoni għall-agrikoltura u l-ikel, li għandha tiġi ppubblikata fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni l-ġdida.
Sfond
Fid-dawl tal-proposti leġiżlattivi li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-PAK futura, il-Kunsill nieda l-proċess ta' riflessjoni dwar il-futur tal-agrikoltura. Il-konklużjonijiet tal-lum jimmarkaw pass importanti f'dak il-proċess, u jibagħtu messaġġi ċari u magħqudin mill-ministri għall-agrikoltura.
F'Settembru tal-2024, il-Kunsill Agrikoltura u Sajd kellu ikla informali ta' nofsinhar fejn iddiskuta r-riżultati tad-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE, mibdi mill-Kummissjoni bl-għan li jiddepolarizza d-dibattiti dwar l-agrikoltura u t-tranżizzjoni ekoloġika.
F'Ġunju 2024, il-presidenza Belġjana tal-Kunsill approvat sett ta' konklużjonijiet tal-presidenza dwar il-futur tal-agrikoltura fl-UE, li kienu appoġġati minn 26 stat membru.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill approvati b'mod unanimu llum mill-Kunsill, bħala punt mhux għad-diskussjoni, kienu nħarġu qabel bħala konklużjonijiet tal-presidenza matul il-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Ottubru, meta ġew appoġġati minn 26 stat membru.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: