Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) jaħdem biex joħloq ekonomiji b'saħħithom u reżiljenti mal-UE kollha.

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji huwa responsabbli għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE li għandhom l-għan li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u jippromwovu t-tkabbir ekonomiku mal-Unjoni Ewropea kollha.

Nofs il-munita tal-euro, bin-nofs l-ieħor juri ċarts sempliċi u elementi grafiċi.

Oqsma ta' ħidma tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Il-Kunsill jikkoordina l-politiki ekonomiċi nazzjonali biex jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, isaħħaħ ir-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern.

Il-Kunsill jaħdem biex jarmonizza l-istandards tat-tassazzjoni għall-kumpaniji u l-individwi, jappoġġa l-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi, jiġġieled il-frodi tat-taxxa, u jadatta r-regoli tat-taxxa għal dinja dejjem aktar diġitalizzata.

Il-Kunsill jaħdem biex isaħħaħ l-unjoni tas-swieq kapitali biex itejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament u jżid l-opportunitajiet ta' investiment għaċ-ċittadini.

Il-Kunsill jaħdem biex iżomm sistema bankarja sigura u reżiljenti, biex jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja u t-tfaddil taċ-ċittadini.

Il-Kunsill jieħu ħsieb l-aspetti legali tal-munita unika, inkluż li l-istati membri tal-UE jintroduċu l-euro.

Il-Kunsill jadotta l-baġit annwali tal-UE u jaħdem fuq ir-riżorsi proprji tal-UE, filwaqt li jiżgura finanzjament għall-prijoritajiet tal-UE.

Il-Kunsill jikkoordina wkoll il-pożizzjonijiet tal-UE għal laqgħat internazzjonali, bħall-G20 u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Huwa wkoll responsabbli mill-aspetti finanzjarji tan-negozjati internazzjonali dwar miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

Kif jaħdem il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Skont l-aġenda, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jlaqqa' flimkien il-ministri responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi, il-finanzi u l-baġit tal-UE mill-istati membri kollha. Il-Kunsill Ekonomiku u Finanzjarju jiltaqa' f'żewġ kompożizzjonijiet differenti.

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji huwa magħmul mill-ministri għall-ekonomija u l-finanzi. Huma jiffukaw fuq il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali, kwistjonijiet ta' tassazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji fl-UE. Il-laqgħat ġeneralment isiru darba fix-xahar.

Baġit

Il-Kunsill ECOFIN (Baġit) huwa magħmul mill-ministri responsabbli għall-baġit tal-UE mill-istati membri kollha tal-UE. Il-laqgħa ssir mill-inqas darba fis-sena bl-għan li jitħejja l-baġit annwali tal-UE.

Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Il-ħidma tal-Kunsill ECOFIN titħejja minn għadd ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati u minn Coreper II.

Programm ta' ħidma matul il-presidenza Irlandiża

Il-prijoritajiet tal-presidenza Irlandiża jinkludu t-tisħiħ tal-kompetittività u l-produttività tal-UE, is-salvagwardja tar-reżiljenza ekonomika u s-sostenibbiltà fiskali, u li nibqgħu naġixxu malajr fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi internazzjonali.

Il-presidenza tiffoka fuq l-avvanz tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti, il-progress fil-ħidma fuq l-euro diġitali, it-tisħiħ tas-swieq kapitali Ewropej, u t-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-kompetittività tas-settur bankarju tal-UE.

Il-presidenza tagħmel ukoll enfasi qawwija fuq is-simplifikazzjoni u l-effettività regolatorji, filwaqt li tavvanza l-koordinazzjoni ekonomika permezz tas-Semestru Ewropew b'appoġġ għal politiki fiskali sodi u s-sostenibbiltà tad-dejn.

Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-Euro jlaqqa' flimkien il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro responsabbli għall-finanzi biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-munita komuni tal-UE, l-euro.

Ir-rwol ewlieni tiegħu, bħala korp informali, huwa li jikkoordina l-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-euro u li jippromwovi l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu.

Il-Grupp tal-Euro jiltaqa' darba fix-xahar, lejliet il-laqgħa tal-ECOFIN.

Abstract illustration combining a stylised logo of the Council of the EU on the left with an image of a euro coin on the right, suggesting analysis or monitoring of euro-area finances.
Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Lulju 2026