Kif il-vaċċini abbażi ta' proteini jaħdmu kontra l-COVID-19
X'inhuma l-vaċċini abbażi ta' proteini kontra l-COVID-19?
Il-vaċċini abbażi ta' proteini jużaw il-partijiet speċifiċi tal-virus li s-sistema immunitarja għandha bżonn tagħraf sabiex tiżviluppa rispons immunitarju. Ma fihomx il-virus kollu jew virus ieħor.
Il-coronavirus għandu bċejjeċ żgħar fuq is-superfiċe tiegħu li jisimhom proteini spiki u li jippermettulu jinfetta ċ-ċelloli tiegħek u jmardek.
Vaċċini abbażi ta' proteini fihom frammenti ta' proteina magħmula f'laboratorju.
Il-funzjoni tagħhom hija li tippermetti lis-sistema immunitarja tagħraf lill-virus u tiġġilidlu f'każ li tiġi infettat bih, sabiex int ma timradx jew inkella tesperjenza sintomi ħfief biss.
L-użu ta' partijiet mill-virus magħmula f'laboratorju għal vaċċin hija teknoloġija stabbilita sew li tintuża b'mod diġà mifrux f'vaċċini oħra.
X'jiġri f'ġismek meta titlaqqam b'vaċċin abbażi ta' proteini
- meta tirċievi l-vaċċin, ġismek jiġi f'kuntatt mal-proteini virali
- is-sistema immunitarja tiegħek tidentifika l-proteini estranji u tipproduċi antikorpi u ċelloli immunitarji biex tattakkahom
- ġismek jeħles ruħu mill-proteini
- jekk tiġi infettat bil-coronavirus, is-sistema immunitarja tiegħek tiftakar kif għandha teqred lill-virus
- b'hekk int ma timradx bil-COVID-19 jew inkella tesperjenza sintomi ħfief biss
Teknoloġija magħrufa sew b'diversi vantaġġi
Il-vaċċini abbażi ta' proteini ilhom jintużaw għal ħafna snin u għandhom profil ta' sikurezza tajjeb.
Huma relattivament faċli biex jiġu prodotti.
Jistgħu jinżammu f'temperatura normali ta' friġġ (2-8°C) għal bosta xhur.
Fl-20 ta' Diċembru 2021, l-UE awtorizzat l-ewwel vaċċin abbażi ta' proteini (prodott minn Novavax) għall-użu fl-UE, wara rakkomandazzjoni pożittiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
Il-vaċċin ta' Novavax kontra l-COVID-19 huwa l-ħames vaċċin disponibbli għall-pajjiżi tal-UE biex jiġġieldu l-pandemija tal-COVID-19.
Il-vaċċini l-oħra kontra l-COVID-19 awtorizzati għall-użu fl-UE huma vaċċini abbażi tal-mRNA (Pfizer/BioNTech u Moderna) jew vaċċini abbażi ta' vettur virali (AstraZeneca u Janssen).