Skip to content

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'ċifri

Skopri kif is-suġġetti u t-tul tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew inbidlu bejn l-1975 u l-2024 – aktar minn 50 sena tal-eżistenza tal-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew huwa l-istituzzjoni tal-UE li tiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet fil-biċċa l-kbira tal-laqgħat tiegħu.

Il-konklużjonijiet jgħinu biex jiġu identifikati kwistjonijiet speċifiċi ta' tħassib u biex jiġu stipulati azzjonijiet jew għanijiet speċifiċi tal-UE.

Temi diskussi l-aktar ta' spiss

Analiżi tal-intestaturi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew bejn l-1975 u l-2024 turi li l-affarijiet barranin huma bil-bosta l-aktar tema rikorrenti. Fit-tieni post insibu l-kompetittività. It-tielet tema l-aktar imsemmija fl-intestaturi tal-konklużjonijiet tkopri t-trattati tal-UE u l-istituzzjonijiet.

Prominenza tal-affarijiet barranin matul dawn l-aħħar 50 sena

Verżjoni testwali

Bar chart li turi kemm-il darba kull wieħed mis-seba' suġġetti dehru fl-intestaturi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'dawn l-aħħar 50 sena. L-affarijiet barranin dehru kważi 400 darba, il-kompetittività ħafna aktar minn 200 darba, u t-trattati u l-istituzzjonijiet kważi 200 darba. L-affarijiet soċjali, is-soċjetà u d-drittijiet issemmew madwar 150 darba, il-ġustizzja, il-fruntieri u s-sigurtà ftit inqas ta' spiss u l-ambjent issemma kważi 100 darba.

Għal informazzjoni dettaljata dwar is-suġġetti inklużi f'kull tema u kif ġiet ikkalkulata l-frekwenza, ara n-nota metodoloġika ta' hawn taħt.

Il-prominenza tal-affarijiet barranin tista' tiġi spjegata parzjalment mill-istorja tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE. Qabel il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (permezz tat-Trattat ta' Liżbona fl-2009), it-tweġibiet għal avvenimenti globali kienu tipikament annessi mal-konklużjonijiet.

Affarijiet barranin: diżaggregazzjoni skont ir-reġjun

L-enfasi fuq diversi reġjuni tad-dinja fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tirrifletti l-iżviluppi ġeopolitiċi. Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq jidhru aktar ta' spiss fil-konklużjonijiet kull meta jiżdied l-inkwiet fir-reġjun. L-enfasi qawwija fuq l-Ewropa tal-Lvant f'dawn l-aħħar 5 snin hija marbuta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Mexxi l-cursor jew ikklikkja fuq kaxxi aktar skuri għal aktar informazzjoni.

Verżjoni testwali

Heatmap li turi liema reġjuni tad-dinja ġew indirizzati l-aktar ta' spiss fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew matul iż-żmien. Żewġ xejriet jiġbdu partikolarment l-għajn:

  • il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq huma r-reġjuni li jissemmew l-aktar ta' spiss, speċjalment f'dawn l-aħħar ħames snin u fis-snin 2000
  • L-Ewropa tal-Lvant dehret ta' spiss f'dawn l-aħħar ħames snin, minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll fis-snin 90 u fis-snin 2000, minħabba l-kollass tal-Unjoni Sovjetika u t-tranżizzjoni lejn id-demokrazija u ekonomija tas-suq ta' dawk li qabel kienu pajjiżi komunisti li aktar tard issieħbu fl-UE fit-tkabbir tal-2004 u l-2007

Okkorrenzi ta' suġġetti magħżula tul iż-żmien

Hawn taħt tista' ssib ċarts għal suġġetti fejn il-bidla tal-fokus tul iż-żmien hija l-aktar evidenti.

Ekonomija u finanzi

L-avvenimenti ewlenin li kellhom l-akbar impatt fuq il-frekwenza ta' suġġetti relatati mal-ekonomija u l-finanzi kienu l-ħolqienu l-implimentazzjoni tal-euro (lejn l-aħħar tas-snin 90 u l-bidu tas-snin 2000) u l-kriżijiet ekonomiċi tal-aħħar tas-snin 2000 u l-bidu tas-snin 2010.

Mexxi l-cursor jew ikklikkja fuq kaxxi aktar skuri għal aktar informazzjoni.

Verżjoni testwali

Heatmap li turi liema suġġetti fil-qasam tal-ekonomija u l-finanzi ssemmew b'mod partikolari ta' spiss bejn l-1975 u l-2024. Xejriet li jiġbdu partikolarment l-għajn huma:

  • il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, li kien is-suġġett l-aktar imsemmi matul iż-żmien, bl-ogħla popolarità bejn is-snin 90 u s-snin 2000 minħabba t-tħejjija u l-introduzzjoni tal-euro u aktar tard minħabba kriżijiet ekonomiċi)
  • u l-euro, kif ukoll il-banek, it-tassazzjoni u s-swieq kapitali, li lkoll kellhom l-ogħla popolarità fl-ewwel deċennju tas-snin 2000

Kompetittività

Il-kompetittività u l-industrija għadhom fuq quddiem fl-aġenda tal-UE, iżda l-importanza tagħhom hija affettwata minn diversi avvenimenti. L-enfasi fuqis-suq uniku fil-konklużjonijiet tirrifletti diversi stadji tal-iżvilupp tas-suq uniku. L-enfasi fuq il-klima u l-enerġija kibret lejn l-aħħar tas-snin 2000 minħabba l-impenji tal-UE dwar in-newtralità klimatika.

Mexxi l-cursor jew ikklikkja fuq kaxxi aktar skuri għal aktar informazzjoni.

Verżjoni testwali

Heatmap li turi liema suġġetti fil-qasam tal-kompetittività ssemmew b'mod partikolari ta' spiss bejn l-1975 u l-2024. Wieħed jista' jinnota b'mod partikolari:

  • is-suġġetti tal-kompetittività u l-industrija kif ukoll is-suq uniku, li ta' spiss issemmew matul il-perjodu kollu ta' 50 sena, b'livelli ogħla fis-snin 2000 u matul l-aħħar ħames snin
  • is-suġġetti tal-enerġija u l-klima, li kienu partikolarment prominenti fl-aħħar tas-snin 2000 u fil-bidu tas-snin 2010

Ġustizzja, fruntieri u sigurtà

L-enfasi fuq il-ġustizzja, il-fruntieri u s-sigurtà hija marbuta mal-kompetenzi li qed jespandu tal-UE f'dan il-qasam (eż. il-ħolqien u l-iżvilupp taż-żona Schengen fis-snin 80 u 90, l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar l-ażil u l-migrazzjoni). L-isfidi relatati mal-flussi migratorji fil-bidu tas-snin 2000 u fl-aħħar tas-snin 2010 huma wkoll fattur viżibbli.

Mexxi l-cursor jew ikklikkja fuq kaxxi aktar skuri għal aktar informazzjoni.

Verżjoni testwali

Heatmap li turi liema suġġetti fil-qasam tal-ġustizzja, il-fruntieri u s-sigurtà dehru b'mod partikolari ta' spiss bejn l-1975 u l-2024. Ta' min jinnota b'mod partikolari li:

  • mis-snin 90 'l hawn, is-suġġetti kollha f'dan il-qasam issemmew ta' spiss minħabba l-kompetenzi dejjem akbar tal-UE f'dak il-qasam
  • is-suġġetti tal-migrazzjoni u l-ażil, u l-fruntieri u l-viżi laħqu ogħla popolarità fil-bidu tas-snin 2000 u fil-bidu tas-snin 2010 minħabba l-isfidi tal-migrazzjoni
  • l-enfasi fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità saret partikolarment prominenti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fil-bidu tas-snin 90 u fil-bidu tas-snin 2000.

Trattati u istituzzjonijiet

Id-diskussjonijiet relatati mal-parteċipazzjonita' membri ġodda fl-UE, kif ukoll mat-trattati, il-bidliet istituzzjonali u r-riformi, huma viżibbli b'mod ċar fit-test tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Il-frekwenza tar-referenzi għat-tkabbir kibret mill-bidu tas-snin 80 biex laħqet il-quċċata madwar iż-żmien tat-tkabbir tal-2004 (meta 10 pajjiżi ġodda ssieħbu fl-UE). L-istess mudell japplika għat-trattati u r-riformi, li għalihom il-perjodu bejn l-1990 u l-2010 kien partikolarment intens.

Mexxi l-cursor jew ikklikkja fuq kaxxi aktar skuri għal aktar informazzjoni.

Verżjoni testwali

Heatmap li turi liema suġġetti fil-qasam tat-trattati u l-istituzzjonijiet ssemmew b'mod partikolari ta' spiss bejn l-1975 u l-2024.

Kif inbidel it-tul tal-konklużjonijiet?

It-tul tal-konklużjonijiet evolva b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar 50 sena. Fis-snin 70, il-konklużjonijiet kienu jinkludu medja ta' inqas minn 1800 kelma bl-Ingliż. Fis-snin 80, l-għadd medju ta' kliem qabeż l-2600 kelma. Mill-1988 'il quddiem, id-dokumenti saru itwal u inkludew diversi annessi. L-annessi ffukaw prinċipalment fuq l-affarijiet barranin (pereżempju d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-iżviluppi ġeopolitiċi).

L-ogħla medji ġew irreġistrati fis-snin 90 u s-snin 2000, meta l-annessi xi drabi kienu itwal mill-ewwel parti tal-konklużjonijiet.

L-annessi saru inqas frekwenti wara l-2009, meta t-Trattat ta' Liżbona daħal fis-seħħ u wassal għall-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Minn dak iż-żmien 'l hawn, dawn rarament dehru u meta jidhru jkunu tipikament limitati għall-qafas finanzjarju pluriennali (il-baġit fit-tul tal-UE) jew għall-aġenda strateġika (il-prijoritajiet politiċi li l-mexxejja tal-UE jaqblu dwarhom kull ħames snin).

Ponte Vasco da Gama Bridge in Lisbon, at sunset.
Trattat ta' Liżbona: it-tiswir tal-UE kif nafuha

Trattat ta' Liżbona: it-tiswir tal-UE kif nafuha

It-tul tal-konklużjonijiet laħaq il-quċċata fis-snin 90 u naqas wara t-Trattat ta' Liżbona

Verżjoni testwali

Bar chart b'saffi li turi l-għadd medju ta' kliem fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'perjodi ta' ħames snin mill-1975. Il-medja bdiet tiżdied fis-snin 90 u s-snin 2000, prinċipalment minħabba annessi u dikjarazzjonijiet itwal. Fis-snin 2010 u s-snin 2020, l-għadd ta' kliem niżel taħt l-4000 kelma bħala medja.

Liema konklużjonijiet kienu l-itwal?

L-itwal żewġ settijiet ta' konklużjonijiet s'issa kellhom aktar minn 30 000 kelma bl-annessi b'kollox.

Il-konklużjonijiet mil-laqgħa f'Madrid f'Diċembru 1995 fihom il-pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tal-munita unika (inkluż il-ftehim dwar isimha – euro) u dikjarazzjonijiet importanti dwar it-tħejjija tal-Unjoni Ewropea għall-bidla fit-trattati u għal aktar tkabbir.

Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saretf'Nizza f'Diċembru 2000 fihom id-deċiżjoni dwar ir-riforma istituzzjonali qabel it-tkabbir tal-2004 (id-dettalji dwar dak li qablu dwaru l-mexxejja ġew stabbiliti fit-Trattat ta' Nizza, li daħal fis-seħħ fl-2003). Id-dokument jinkludi wkoll l-Aġenda Soċjali Ewropea u r-rapport dwar il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża.

Il-konklużjonijiet kollha tal-Kunsill Ewropew meħuda flimkien jinkludu aktar minn 900 000 kelma – ikun hemm bżonn ta' madwar 40–60 siegħa biex jinqara dan l-ammont ta' test.

Nota metodoloġika

Il-kontenut tal-konklużjonijiet ġie kkwantifikat abbażi tal-intestaturi użati matul iż-żmien. L-intestaturi mbagħad ġew imqabbla ma' tema waħda jew aktar (7 kategoriji wiesgħa, bħall-affarijiet barranin, il-kompetittività, l-ekonomija u l-finanzi) kif ukoll suġġett wieħed jew aktar (kategoriji aktar speċifiċi u idjaq).

Il-kategorizzazzjoni għal temi u suġġetti ssegwi l-istruttura użata fis-sit web tal-Kunsill – b'tema addizzjonali waħda: trattati u istituzzjonijiet.

Is-suġġetti u t-temi li jinsabufil-bidu tal-konklużjonijiet iġibu aktar punti minn oħrajn sabiex jirriflettu l-importanza tal-ewwel punt imsemmi. Bonus jiżdied ukoll f'każijiet rari meta l-konklużjonijiet ikun fihom intestatura waħda biss.

Il-kalkoli li jikkonċernaw it-tul tal-konklużjonijiet jinkludu l-annessi. Għall-finijiet tal-kalkolu, il-konklużjonijiet relatati mal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) li ttrattaw il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ngħaqdu mal-parti dwar suġġetti oħra u ġew trattati bħala anness.

Għal dokumenti aktar antiki, minħabba l-kwalità baxxa tal-iscans, it-teknoloġija ottika tal-għarfien tal-karattri wasslet għal xi ineżattezzi u impreċiżjonijiet żgħar fir-riżultati (mingħajr impatt kbir fuq il-medji).

Ara wkoll

Illustrazzjoni ta' laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li turi delegati bilqiegħda madwar mejda tonda kbira fuq art b'ħafna kuluri, flimkien ma' ikona stilizzata ta' dokument uffiċjali b'simbolu ta' mmarkar blu, li tissimbolizza l-konklużjonijiet adottati.
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew

Diskussjoni madwar il-mejda mis-summit ta' Pariġi fid-9 u l-10 ta' Diċembru 1974. Ir-ritratt hu mdawwar b'disinn ikkulurit.
50 sena tal-Kunsill Ewropew f'ċifri

50 sena tal-Kunsill Ewropew f'ċifri

Collage tal-bini Europa b’ger kbir warajh.
Kif jaħdem il-Kunsill Ewropew

Kif jaħdem il-Kunsill Ewropew

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' April 2026