Miżuri fis-suq tal-gass biex tiġi żgurata u kondiviża l-provvista fl-UE
Biex jiżgura l-provvista tal-enerġija bi prezzijiet li jintlaħqu għaċ-ċittadini u l-ekonomija, f'Diċembru 2022, il-Kunsill adotta regoli li jsaħħu s-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE billi jippermettulhom jixtru l-gass flimkien u billi jiżguraw li l-provvisti tal-gass jiġu kondiviżi madwar l-UE. Il-miżuri għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu l-fluttwazzjoni fil-prezzijiet tal-gass.
Wara l-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata f'Ottubru 2022, il-pajjiżi tal-UE qablu dwar il-kontenut tal-miżuri fil-Kunsill straordinarju tal-Enerġija fl-24 ta' Novembru 2022. Il-ministri adottaw ir-regoli l-ġodda formalment fid-19 ta' Diċembru 2022. F'Diċembru 2023, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri sal-31 ta' Diċembru 2024.
L-infografika ta' hawn taħt tippreżenta l-miżuri kif adottati fl-2022.
Infografika - Miżuri fis-suq tal-gass biex tiġi żgurata u kondiviża l-provvista fl-UE
Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu flimkien biex jilqgħu għall-impatt tal-gwerra tar-Russja fuq is-suq tal-enerġija u biex inaqqsu d-dipendenzi tal-enerġija.
- l-importazzjonijiet tal-gass bil-pipeline mir-Russja naqsu minn 41% fl-2021 għal 9% f'Settembru 2022 (% tal-importazzjonijiet totali tal-gass fl-UE)
- l-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) żdiedu biex ikopru 32% tal-importazzjonijiet kollha tal-gass fl-UE
- il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE huma mimlija sa 94.8% (Novembru 2022)
Madankollu, peress li l-prezzijiet għadhom mhux stabbli, il-pajjiżi tal-UE qablu dwar il-kontenut ta' miżuri ġodda li jressquhom eqreb lejn suq Ewropew tal-enerġija aktar integrat għall-gass.
Nixtru l-gass flimkien
Ir-Russja m'għadhiex fornitur affidabbli tal-gass u l-pajjiżi tal-UE jeħtieġu provvista sigura tal-gass minn sorsi oħra għal din ix-xitwa u għall-futur.
Ix-xiri konġunt fil-livell tal-UE ser jgħin lill-pajjiżi tal-UE jixtru l-gass bi prezzijiet irħas billi d-domanda għal gass issir flimkien u tiġi evitata l-kompetizzjoni ma' xulxin.
Fil-prattika
- Il-kumpaniji tal-gass fil-pajjiżi tal-UE (flimkien mas-sħab tal-Komunità tal-Enerġija: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Georgia, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, l-Ukrajna) jagħmlu stimi tal-ħtiġijiet tal-importazzjoni tal-gass
- L-UE tikkalkula d-domanda aggregata, tidentifika l-ħtiġijiet totali u ssib il-fornituri
- Il-kumpaniji jistgħu jagħżlu b'mod volontarju li jixtru l-gass permezz tal-pjattaforma tal-UE għax-xiri konġunt
- Mandatorja: mill-anqas 15% tal-ħżin tal-gass ta' kull pajjiż tal-UE irid ikun koperta minn aggregazzjoni tad-domanda.
- Il-gass Russu hu eskluż mix-xiri konġunt.
Kondiviżjoni tal-provvisti u l-faċilitajiet
Is-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE hija l-aħjar assigurazzjoni kontra l-iskarsezzi fil-provvista. Ir-regoli l-ġodda jħeġġu arranġamenti ta' solidarjetà fost l-istati membri u jiżguraw li l-gass jista' jiċċirkola fejn ikun meħtieġ.
- illum jeżistu biss 6 ftehimiet bilaterali ta' solidarjetà bejn l-istati membri (il-Ġermanja mad-Danimarka, il-Finlandja mal-Estonja, l-Estonja mal-Latvja, il-Latvja mal-Litwanja, il-Ġermanja mal-Awstrija u l-Italja mas-Slovenja). Madankollu huma mistennija sa 40 ftehim taħt ir-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista mill-2017.
Fil-prattika
Ir-regoli l-ġodda japplikaw b'mod awtomatiku għall-pajjiżi mingħajr arranġamenti ta' solidarjetà:
- jekk pajjiż tal-UE jiffaċċja emerġenza fil-provvista, pajjiż ieħor ser jipprovdi l-gass u jirċievi kumpens xieraq
- ir-regoli japplikaw ukoll għall-pajjiżi b'faċilitajiet tal-LNG li mhumiex direttament konnessi mal-grilja Ewropea tal-gass
- il-pajjiżi jistgħu jitolbu s-solidarjetà mingħand xulxin jekk ma jkollhomx il-provvista meħtieġa għas-sistema tal-elettriku tagħhom
- pajjiżi jistgħu b'mod eċċezzjonali jillimitaw il-provvista għall-konsum tal-gass mhux essenzjali biex ifornu servizzi essenzjali. Il-familji vulnerabbli għandhom ikunu protetti dejjem.
Limitazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet
Il-prezzijiet tal-gass għadhom ivarjaw wisq fis-swieq. Miżuri ġodda jillimitaw il-qabżiet fil-prezzijiet u jgħinu biex iżommuhom baxxi.
Valur ta' referenza ġdid għall-gass naturali likwifikat
It-Title Transfer Facility (TTF) mhijiex adatta għall-għoti ta' valur ta' referenza tal-prezzijiet tal-LNG (peress li ġiet żviluppata għall-gass tal-pipeline). Valur ta' referenza ġdid ser jiżgura li l-prezz tal-LNG ma jibqax aktar dipendenti fuq it-TTF u li jirrifletti aħjar ir-realtà tas-suq.
L-importazzjonijiet tal-LNG jirrappreżentaw parti kbira u li qed tikber mill-importazzjonijiet tal-gass tal-UE. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti żdiedu minn 0.65 biljun metru kubu f'Jannar 2021 għal 4.63 biljun metru kubu f'Awwissu 2022.
X'inhi t-TTF? – It-Title Transfer Facility (TTF) hija pjattaforma virtwali għan-negozjar tal-gass li tintuża b'mod ġenerali għat-tranżazzjonijiet tal-gass fl-UE, u li sservi bħala l-valur ta' referenza ewlieni li jiddefinixxi l-prezz tal-gass.
Il-ħidma inizjali ser issir fix-xhur li ġejjin sabiex l-indiċi l-ġdid ikun disponibbli għas-suq sal-31 ta' Marzu 2023.
Barra minn hekk, qed jiġi introdott mekkaniżmu ġdid fit-TTF biex jillimita l-volatilità tal-prezzijiet tal-gass fl-istess jum.
- Il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista: il-Kunsill jaqbel li jestendi l-miżuri ta' emerġenza (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Diċembru 2023)
- Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 19 ta' Diċembru 2022
- Il-Kunsill jaqbel dwar is-sustanza ta' miżuri ġodda dwar ix-xiri konġunt tal-gass u mekkaniżmu ta' solidarjetà (stqarrija għall-istampa, 24 ta' Novembru 2022)
- Il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista (informazzjoni ġenerali)
- L-impatt tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq is-swieq: rispons tal-UE (informazzjoni ġenerali)
- Ir-rispons tal-UE għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja (informazzjoni ġenerali)