Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 19/02/2018, 19 ta' Frar 2018

Riżultati ewlenin

Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja: Politika Agrikola Komuni wara l-2020

Illum kellna diskussjoni li tat il-frott dwar uħud mill-aktar aspetti importanti tal-Politika Agrikola Komuni: l-appoġġ dirett, l-ambjent u l-iżvilupp rurali. Għandna r-responsabbiltà li nqiegħdu l-pedamenti għal politika moderna li tippremja kif xieraq lill-bdiewa talli jipprovdu beni pubbliċi ta’ valur għoli bħas-sigurtà tal-ikel, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien taż-żoni rurali. Rumen Porodzanov, ministru għall-agrikoltura, l-ikel u l-forestrija tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar il-komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Waqt sessjoni pubblika, il-Kunsill iffoka b’mod partikolari fuq l-appoġġ dirett li l-UE tagħti lill-bdiewa Ewropej, id-dimensjoni ambjentali tal-PAK, u l-iżvilupp rurali.

Waqt id-dibattitu l-ministri saħqu dwar l-importanza tal-pagamenti diretti u qiesu li t-tfassil tagħhom jista’ jkompli jittejjeb billi jsiru aktar ġusti, aktar immirati u aktar effettivi għall-bdiewa madwar l-UE. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-kontribut tal-bdiewa għall-ħarsien tal-ambjent u biex jittaffa t-tibdil fil-klima. Appellaw għal ambizzjoni ambjentali akbar tal-PAK sakemm il-bdiewa jiġu ppremjati biżżejjed għall-provvediment ta’ dawn il-beni pubbliċi. Fl-aħħar nett il-ministri saħqu dwar il-bżonn li jinżammu żoni rurali ħajjin u reżiljenti, b’mod partikolari billi jinħolqu impjiegi, jiġi promoss it-tkabbir u jiġi megħjun it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur tal-biedja. Ikkonfermaw l-effettività tal-pilastru 2 fi ħdan il-PAK u appellaw għal simplifikazzjoni ġenwina tal-programmi ta’ żvilupp rurali.

L-agrikoltura u l-bijoekonomija

Il-Kunsill imbagħad kellu skambju ta’ fehmiet dwar ir-rwol tal-agrikoltura fir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar il-bijoekonomija tal-2012. Il-bijoekonomija tħaddan fiha dawk il-partijiet tal-ekonomija li jużaw riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli mill-art u l-baħar għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud bħall-ikel, l-għalf, il-materjali u l-enerġija.

Il-bijoekonomija hija opportunità ekonomika kbira għall-bdiewa u l-forestiera tagħna. Irridu nkunu żguri li jkunu f’pożizzjoni biex jisfruttaw dan il-potenzjal b’mod sħiħ u li ngħinuhom biex jintegraw aħjar fil-katini ta’ valur tal-bijoekonomija. Rumen Porodzanov, ministru għall-agrikoltura, l-ikel u l-forestrija tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Il-Pjan tal-UE dwar il-proteini

Il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill dwar l-intenzjonijiet tagħha għal pjan tal-UE dwar il-proteini biex jindirizza n-nuqqas sinifikanti ta’ proteini fl-għalf li l-UE ilha tbati minnu. Il-pjan, li għandu jiġi ppubblikat sa tmiem l-2018, ser jiffoka fuq: ir-riċerka u l-innovazzjoni, sfidi agronomiċi u l-benefiċċji ambjentali ta’ prodotti tar-raba’ li fihom il-proteini, l-iżvilupp ta’ katini tal-provvista/valur u l-potenzjal tas-suq għal proteini tal-pjanti tal-UE f’segmenti differenti tas-suq.

Il-ministri laqgħu l-inizjattivi tal-Kummissjoni u enfasizzaw l-importanza li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod li hu kompatibbli mal-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Il-ministri kellhom dibattitu informali waqt l-ikel dwar is-suġġett ‘għażliet strateġiċi tal-PAK’ u ġew mgħarrfa dwar:

  • id-dikjarazzjoni tal-grupp Visegrád u l-Kroazja dwar il-PAK wara l-2020
  • il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni u politiki oħrajn tal-UE għall-iżvilupp rurali wara l-2020
  • it-tnedija imminenti tal-bidu tat-task force għall-Afrika rurali

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025