Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 29/01/2018, 29 ta' Jannar 2018

Riżultati ewlenin

Il-Presidenza ppreżentat il-programm ta’ ħidma u l-prijoritajiet tagħha fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd, u b'mod partikolari orjentat id-dibattitu fuq il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2020 u l-baġit għall-agrikoltura fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Prijoritajiet oħra jinkludu prattiki kummerċjali inġusti, il-forestrija, il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tas-suq u negozjati kummerċjali li għaddejjin. Il-ġestjoni sostenibbli tas-saħħa tal-annimali u l-pakkett dwar il-mediċini tal-annimali ser jidhru wkoll b'mod prominenti fl-aġenda tas-sitt xhur li ġejjin flimkien ma’ pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali u miżuri tekniċi fil-qasam tas-sajd.

Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja: Politika Agrikola Komuni wara l-2020

Il-ġejjieni tal-PAK mhuwiex biss il-prijorità ewlenija tal-presidenza tagħna għas-sitt xhur li ġejjin, iżda wkoll kwistjoni prinċipali għall-unjoni tagħna kollha kemm hi. Din hija r-raġuni għaliex iddeċidejna li norganizzaw id-dibattiti kollha tagħna fil-pubbliku. Irridu ninvolvu ruħna f’dibattitu miftuħ li ser itejjeb il-PAK futura u jattrezzaha bl-għodod adatti biex tkun kompetittiva u tilqa' l-isfida tas-sostenibbiltà. Rumen Porodzanov, ministru għall-agrikoltura, l-ikel u l-forestrija tar-Repubblika tal-Bulgarija u president tal-Kunsill

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni dwar "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja", li tistabbilixxi l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-perijodu futur tal-PAK wara l-2020. Waqt seduta pubblika, il-Kunsill iffoka b'mod partikolari fuq il-valur miżjud tal-PAK, l-objettivi ewlenin tal-UE li kellhom jinżammu u l-livell xieraq ta' sussidjarjetà.

Il-ministri enfasizzaw il-valur miżjud tal-PAK għall-bdiewa, iċ-ċittadini u s-soċjetà b'mod ġenerali, u r-rwol ewlieni tagħha fil-kontribut lejn introjtu ġust għall-bdiewa, l-iżgurar tas-sigurtà alimentari u l-produzzjoni mal-UE kollha, il-kontribut lejn l-isfida ambjentali u dik marbuta mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u biex iż-żoni rurali jibqgħu b'saħħithom u sostenibbli. Il-ministri qablu wkoll li sabiex jiġi ppreservat dan il-valur miżjud kien importanti li l-PAK tibqa' tiġi ffinanzjata b’mod adegwat.

Dwar is-sostenibbiltà, il-ministri wissew kontra l-possibbiltà ta’ rinazzjonalizzazzjoni ta' dik li hija l-politika tal-UE li ilha l-aktar stabbilita u ssottolinjaw li, filwaqt li kien importanti li l-PAK tkun aktar flessibbli u adattabbli għall-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali, kien hemm riskji li l-mudell ġdid ta’ twettiq jista' jżid il-piż amministrattiv, ifixkel il-kompetizzjoni u jwassal għal dewmien fir-rimborż ta’ pagamenti diretti.

Is-Swieq u l-Kummerċ

Il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill dwar l-aħħar żviluppi fl-aktar swieq agrikoli importanti, b'mod partikolari is-swieq tal-prodotti tal-ħalib, taz-zokkor u tal-laħam tal-majjal, u dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kwistjonijiet agrikoli relatati mal-kummerċ, b'attenzjoni partikolari fuq in-negozjati mal-Messiku u Mercosur fi ħdan id-WTO.

Il-ministri laqgħu l-prospettiva u s-sitwazzjoni ekonomika ġeneralment pożittivi fis-swieq agrikoli ewlenin, iżda ddikjaraw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom lejn monitoraġġ mill-qrib ta' żviluppi futuri, speċjalment fir-rigward ta': kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, kundizzjonijiet tat-temp diffiċli u l-impatt possibbli ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fuq prodotti agrikoli sensittivi.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Il-ministri kellhom dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar dwar il-possibbiltà ta’ approċċ ikkoordinat tal-UE għall-parteċipazzjoni tal-UE fil-FAO u l-proċess li jmiss għall-elezzjoni tad-direttur-ġenerali tal-FAO.

Il-ministri ġew informati dwar:

  • is-sitwazzjoni fis-swieq taz-zokkor u l-laħam tal-majjal Pollakki
  • il-ġestjoni tal-istokkijiet pubbliċi tat-trab tal-ħalib xkumat
  • il-konklużjonijiet tal-konferenza ministerjali reċenti dwar il-Xylella fastidiosa
  • id-deni Afrikan tal-ħnieżer
  • l-Għaxar Forum Globali għall-Ikel u l-Agrikoltura

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025