"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill qabel dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti tal-istati membri tal2020 għall-għaxar stokkijiet tal-ħut l-iktar importanti kummerċjalment fil-Baħar Baltiku.
F'konformità mal-aħħar parir xjentifiku li jenfasizza l-kundizzjonijiet ħżiena fil-Baħar Baltiku, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas l-opportunitajiet tas-sajd għall-maġġoranza tal-istokkijiet tal-ħut. It-TACs żdiedu moderatament għall-aringa fil-Golf ta' Riga biss u nżammu għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja.
It-tnaqqis għall-bakkaljaw kien partikolarment sinifikanti, bi tnaqqis ta' 60% fil-parti tal-Punent tal-Baħar Baltiku, u l-permess għall-qabdiet aċċessorji fil-parti tal-Lvant biss.
Kellhom jittieħdu xi deċiżjonijiet kuraġġużi biex tinżamm is-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sajd fiż-żona. Il-qbil tal-lum ma jippermettix biss l-irkupru tal-istokkijiet, iżda jgħin ukoll biex jittaffew l-effetti soċjoekonomiċi fuq is-sajjieda tal-UE.
Jari Leppä, Ministru għall-Agrikoltura u l-Forestrija tal-Finlandja u President tal-Kunsill
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd wara l-2020
Il-Kunsill qabel ukoll li jissupplimenta l-approċċ ġenerali parzjali eżistenti dwar il-proposta għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) li jmiss ta' wara l-2020.
Il-qbil ikkompleta l-pożizzjoni tal-Kunsill biż-żieda ta' dawk l-elementi li ma kinux koperti fl-approċċ ġenerali parzjali maqbul mill-Kunsill f'Ġunju 2019, b'mod partikolari elementi relatati mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-fond u l-allinjament mar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE waqt il-konsultazzjonijietannwali man-Norveġja fil-qafas tal-ftehim bilaterali tagħhom dwar is-sajd, u waqt il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), skedata għal bejn it-18 u l-25 ta' Novembru 2019 f'Palma de Mallorca, Spanja.
Punti ewlenin tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-14 ta' Ottubru 2019
Agrikoltura
Pakkett ta' riforma tal-PAK ta' wara l-2020
F'sessjoni pubblika, il-Kunsill iddiskuta rapport ta' progress dwar il-ħidma mwettqa fil-korpi preparatorji tal-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta' wara l-2020.
Il-ministri ffukaw b'mod partikolari fuq dawk l-elementi li huma qiesu kruċjali fil-pakkett ta' riforma, u qiesu li l-mudell ta' implimentazzjoni ġdid u l-"arkitettura ekoloġika" kienu l-elementi ewlenin li jeħtieġu aktar dibattitu.
Il-Kunsill kien infurmat ukoll dwar dikjarazzjoni konġunta minn diversi stati membri dwar il-baġit tal-PAK.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja, b'enfasi partikolari fuq dawk li qies bħala prijoritajiet għal azzjoni. Il-ministri kellhom ukoll l-opportunità li jiskambjaw ideat dwar il-futur tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti ta' wara l-2020, u ġew infurmati dwar dikjarazzjoni konġunta minn diversi stati membri dwar il-forestrija sostenibbli.
Id-deforestazzjoni għaddejja b'rata allarmanti u tenħtieġ azzjoni urġenti biex titwaqqaf. Il-forestrija hija għalhekk prijorità ewlenija għall-Presidenza Finlandiża u qed naħdmu biex nenfasizzaw, anke permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-ħtieġa ta' afforestazzjoni, ġestjoni soda u sostenibbli, u protezzjoni u restawr tal-foresti.
Jari Leppä, Ministru għall-Agrikoltura u l-Forestrija tal-Finlandja u President tal-Kunsill
Il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill dwar l-aħħar żviluppi fis-swieq agrikoli l-aktar importanti.
Il-ministri laqgħu s-sitwazzjoni ekonomika ġeneralment pożittiva u l-prospett fis-segmenti ewlenin tas-suq, iżda esprimew ukoll tħassib dwar is-sitwazzjoni diffiċli tas-setturi taz-zokkor, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, iċ-ċanga u r-ross. Il-ministri ddiskutew ukoll l-effetti potenzjali tat-tħabbira reċenti tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li kien ser jimponi dazji addizzjonali fuq lista ta' prodotti agroalimentari tal-UE mit-18 ta' Ottubru 2019, b'rabta tad-deċiżjoni tad-WTO dwar il-kawża tal-Airbus.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.