"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 21 ta' Frar 2022

Riżultati ewlenin

Agrikoltura

Koerenza bejn il-politiki tal-biedja, kummerċjali u ambjentali

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar modi kif tista' tissaħħaħ il-koerenza bejn il-Patt Ekoloġiku, il-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika kummerċjali, sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli.

B'mod ġenerali, il-ministri rrikonoxxew il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki settorjali u kummerċjali tal-UE sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġiji settorjali relatati tiegħu.

Ħafna ministri enfasizzaw l-importanza li tittejjeb il-koerenza bejn l-istandards tas-saħħa u dawk ambjentali tal-UE stess u dawk applikati għall-prodotti agroalimentari importati, skont ir-regoli tad-WTO u f'kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari billi jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-limiti massimi għal residwi fitofarmaċewtiċi u jiġu introdotti klawżoli mera fid-dritt tal-UE.

L-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "l-impenn tal-UE għal Codex Alimentarius ambizzjuż adattat għall-isfidi tal-lum u ta’ għada," ukoll tagħmel parti minn dan l-għan li jiġu promossi l-valuri Ewropej fil-kuntest ta' negozjati internazzjonali, b'mod partikolari billi titrawwem l-inklużjoni ta' dimensjoni ta' sostenibbiltà.

Julien Denormandie, Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel ta' Franza
Il-laqgħa tal-lum tal-Kunsill iffukat fuq ir-reċiproċità tal-istandards u l-promozzjoni tal-istandards u l-valuri Ewropej fil-livell internazzjonali. Kemm id-diskussjonijiet dwar il-koerenza bejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-PAK u l-politika kummerċjali u dawk dwar ir-regolament propost dwar il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Codex Alimentarius, urew b'mod ċar li l-Ewropej mhux ser jibqgħu jaċċettaw prodotti li jmorru kontra l-isforzi tagħna biex nagħmlu s-sistemi tal-ikel tagħna aktar sostenibbli.
Julien Denormandie, Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel ta' Franza
Julien Denormandie, Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel ta' Franza

Prodotti mingħajr deforestazzjoni

Il-ministri għall-biedja kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tiżgura li l-prodotti kkunsmati fis-suq tal-UE ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja. Ser tagħmel dan billi tistabbilixxi regoli dwar id-diliġenza dovuta għall-operaturi sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-komoditajiet li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, bħas-sojja, iċ-ċanga, iż-żejt tal-palm, l-injam, il-kawkaw u l-kafè, ikunu assoċjati mad-deforestazzjoni.

B'mod ġenerali, il-ministri laqgħu r-regolament propost. B'mod partikolari, enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari u mhux ambigwi, skont il-politika tal-UE dwar il-foresti, li jiġu evitati piżijiet amministrattivi u finanzjarji sproporzjonati (b'mod partikolari għal operaturi żgħar), li jiġi żgurat li r-regolament jiġi implimentat b'mod konsistenti fl-UE, li tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tad-WTO u li jiġu stabbiliti relazzjonijiet tajbin ma' pajjiżi mhux tal-UE.

Dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta ser isir matul il-Kunsill Ambjent fis-17 ta' Marzu 2022.

Sitwazzjoni tas-suq

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u l-istati membri, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tas-suq għall-prodotti agrikoli. Matul id-diskussjoni, l-istati membri xeħtu dawl fuq għadd ta' tħassib, b'mod partikolari l-impatt fuq l-agrikoltura taż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, tal-fertilizzanti u tal-għalf. Id-delegazzjoni Pollakka tkellmet ukoll biex tipprovdi informazzjoni dwar l-isfidi li qed jiffaċċa s-settur tal-laħam tal-majjal fl-Ewropa; dan il-punt segwa fuq punti simili mqajma f'laqgħat preċedenti tal-Kunsill u kien appoġġat minn stati membri oħra. Suġġetti oħra diskussi inkludew l-impatt ekonomiku tal-mard veterinarju, bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja, kif ukoll żviluppi rrappurtati mill-istati membri li għandhom impatt partikolari fuq l-agrikoltura. Il-ministri ħadu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal grupp ta' livell għoli dwar is-settur tal-laħam tal-majjal, li jaħdem biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali fuq perjodu ta' żmien medju sa twil.

Suġġetti oħra fl-aġenda

Matul il-laqgħa, il-ministri rċevew informazzjoni mill-istati membri dwar ir-reviżjoni tal-politika ta' promozzjoni agrikola tal-UE u l-kundizzjonijiet tan-nixfa fil-Portugall u Spanja. Iddiskutew ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat introjtu ġust għall-bdiewa.

Il-ministri rċevew informazzjoni mill-Kummissjoni dwar rapporti dwar il-miżuri fitosanitarji fuq l-importazzjonijiet fl-UE u dwar l-estensjoni tal-użu tal-passaporti tal-pjanti. Suġġetti oħra li ġew diskussi inkludew il-ħtieġa li jittejbu l-benesseri u s-saħħa tal-klieb imrobbija għal skopijiet kummerċjali u t-tikkettar tal-bajd tat-tiġieġ imrobbi fil-beraħ.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni il-punti li dehru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025