Mill-għalqa sal-platt
L-għan ewlieni tal-ħidma ta' politika tal-UE mill-għalqa sal-platt huwa li l-ikel tal-Ewropa jsir aktar tajjeb għas-saħħa u aktar sostenibbli.
Għaliex l-ikel għandu jsir aktar tajjeb għas-saħħa u aktar sostenibbli?
Is-sistema tal-ikel tal-UE tiżgura ikel frisk u sikur għal aktar minn 400 miljun ċittadin Ewropew. Il-produzzjoni tal-ikel mhijiex biss servizz vitali iżda wkoll sors ta' dħul. Il-katina agroalimentari tal-UE hija settur ekonomiku ewlieni tal-UE.
Madankollu, is-settur agroalimentari għandu impatt konsiderevoli fuq l-ambjent. Madwar terz tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fid-dinja jiġu mis-sistemi tal-ikel, skont rapport mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). Il-mudell tal-ikel kif inhu bħalissa huwa wkoll ta' ħsara għas-saħħa tan-nies, b'riżultat li aktar minn 50% tal-adulti fl-Ewropa għandhom piż żejjed.
L-UE qed tittrasforma l-mod kif l-ikel jiġi prodott u kkunsmat fl-Ewropa biex:
- tnaqqas l-impronta ambjentali tas-sistemi tal-ikel
- issaħħaħ ir-reżiljenza għall-kriżijiet
- tkompli tiżgura li jkun hemm ikel bnin u bi prezz li jintlaħaq għall-ġenerazzjonijiet futuri
X'inhi l-istrateġija mill-għalqa sal-platt?
Il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija mill-għalqa sal-platt f'Mejju 2020, bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bil-kontribut tagħha għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, l-istrateġija għandha l-għan li tibdel is-sistema tal-ikel tal-UE minn kif inhi bħalissa għal mudell sostenibbli.
Filwaqt li tfakkar li s-sigurtà u s-sikurezza alimentari huma prijoritajiet, l-għanijiet ewlenin tal-istrateġija huma li:
- tiżgura ikel suffiċjenti, bi prezz li jintlaħaq u nutrittiv fil-limiti planetarji
- tnaqqas bin-nofs l-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti u l-bejgħ ta' antimikrobiċi
- iżżid l-ammont ta' art iddedikata għall-biedja organika
- tippromwovi dieti tajbin għas-saħħa u konsum ta' ikel aktar sostenibbli
- tnaqqas it-telf u l-ħela tal-ikel
- tiġġieled il-frodi tal-ikel fil-katina tal-provvista
- ittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali
It-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel li tħares aktar l-ambjent għandha l-għan li tiġġenera opportunitajiet ta' negozju ġodda li għandhom impatt pożittiv fuq id-dħul tal-operaturi agroalimentari.
F'Ottubru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija, li japprovaw l-għan li tiġi żviluppata sistema tal-ikel sostenibbli Ewropea, mill-produzzjoni sal-konsum. L-Istati membri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati:
- ikel biżżejjed u bi prezz li jintlaħaq filwaqt li jikkontribwixxi għan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050
- dħul ġust u appoġġ sħiħ għall-produtturi primarji
- kompetittività tal-agrikoltura tal-UE fil-livell globali
L-istrateġija mill-għalqa sal-platt hija allinjata mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 — iż-żewġ proposti qed jiġu ppreżentati bħala komplementari.
X'inhuma l-inizjattivi ewlenin tal-politika mill-għalqa sal-platt?
Pjan ta' azzjoni favur biedja organika
Il-pjan ta' azzjoni għall-biedja organika, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Marzu 2021 bħala parti mill-istrateġija 'mill-għalqa sal-platt', jiddeskrivi ġabra ta' azzjonijiet biex tiżdied il-biedja organika fl-UE.
L-għan ewlieni tiegħu huwa li jagħti spinta lill-produzzjoni organika biex tilħaq 25% tal-użu tal-art agrikola tal-UE sal-2030. L-istati membri tal-UE huma mħeġġa jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-biedja organika.
F'Lulju 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-pjan ta' azzjoni. Il-punti ewlenin maqbula mill-ministri tal-UE kienu:
- il-biedja organika hija importanti għas-sostenibbiltà tal-agrikoltura Ewropea
- l-iżvilupp tal-produzzjoni organika jgħin biex jiżgura d-dħul u joħloq ix-xogħol
- id-domanda u l-provvista bilanċjati ta' prodotti organiċi jiżguraw il-profittabbiltà għas-settur
- l-ispeċifiċitajiet u s-sitwazzjonijiet differenti fl-istati membri jeħtieġ li jitqiesu meta jiġu definiti l-miri u l-interventi
- l-involviment ta' partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija
Il-pjan tas-sigurtà alimentari
Il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 żvela l-vulnerabbiltà tal-katina tal-ikel tal-Ewropa għal sfidi kbar fil-provvista. F'Novembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tiddeskrivi pjan ta' kontinġenza biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari fl-Ewropa matul il-kriżijiet.
Matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Diċembru 2021, il-ministri tal-UE approvaw konklużjonijiet dwar il-pjan li jirrikonoxxu l-ħtieġa li s-sistema tal-ikel fl-Ewropa tibqa' valida fil-futur fil-konfront ta' riskji u kriżijiet potenzjali. Il-ministri qablu li t-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 għandhom jiggwidaw l-approċċ futur tal-UE għal diżastri futuri.
Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jgħinu lill-UE tiffaċċa l-isfidi inkluż avvenimenti estremi tat-temp, kwistjonijiet tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u nuqqas ta' kontributi ewlenin bħal fertilizzanti, l-enerġija u x-xogħol. Dawn jinkludu:
- il-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (EFSCM)
- l-istabbiliment ta' grupp ta' esperti biex jgħin jiżgura li l-UE tkun ippreparata bis-sħiħ għal sfidi potenzjali fil-provvista tal-ikel
Standards globali dwar is-sikurezza alimentari
Fi Frar 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-istandards tas-sikurezza alimentari fil-kummerċ internazzjonali, li appellaw għal integrazzjoni akbar tat-tħassib dwar is-sostenibbiltà fil-ħidma tal-Kummissjoni Codex Alimentarius. Stabbilit fl-1963 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-korp globali jipprovdi forum għal negozjati dwar standards, linji gwida u kodiċijiet ta' prattika internazzjonali fil-qasam alimentari. L-UE u l-istati membri tagħha huma membri ta' dan il-korp.
Sekwestru tal-karbonju f'art agrikola
Il-biedja u l-forestrija jista' jkollhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jassorbu l-karbonju mill-atmosfera. F'April 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli li ġiet ippreżentata f'Diċembru 2021, u li għandha l-għan li tinkoraġġixxi prattiki agrikoli li jgħinu biex jinqabad il-karbonju mill-atmosfera u jinħażen fil-ħamrija jew fil-bijomassa b'mod sostenibbli.
Prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-klima jistgħu jinkludu:
- it-tħawwil ta' sisien tal-ħaxix jew siġar
- it-tkabbir tal-legumi
- l-użu tal-għelejjel tat-titwiq u tal-għelejjel ta' kopertura
- il-prattika tal-agrikoltura ta' konservazzjoni u ż-żamma tat-torbieri
- l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni
Fil-konklużjonijiet, il-ministri rrikonoxxew l-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju li joffri inċentiv suffiċjenti lill-bdiewa u lill-forestiera biex iħeġġuhom jadottaw dawn il-prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-klima.
Akkwakultura sostenibbli
L-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Madankollu, hemm potenzjal sabiex dan is-settur jikber fl-UE.
F'Lulju 2022, il-ministri tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jappellaw għal settur tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiv fl-UE.
It-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi
Qabel l-2022, ir-rekwiżiti għall-ikel organiku għall-annimali domestiċi kienu ġeneralment stabbiliti fil-livell nazzjonali. Dan kien ifisser li l-ikel għall-annimali domestiċi seta' jiġi ttikkettat bħala organiku anke jekk mhux l-ingredjenti kollha kienu jkunu ġejjin mill-produzzjoni organika.
Regolament ġdid tal-UE jistabbilixxi regoli komuni dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi. Għandu l-għan li:
- jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw ingredjenti organiċi fl-ikel għall-annimali domestiċi
- jiżgura li l-ikel għall-annimali domestiċi li jġorr il-logo organiku tal-UE jkun fih mill-inqas 95 % ingredjenti organiċi
- jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika fl-UE
Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill f'Ottubru 2023.
Standards ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni għall-għasel, il-ġamm u aktar
Il-Kunsill qed jaħdem fuq regoli aġġornati biex tittejjeb l-informazzjoni għall-konsumatur dwar għadd ta' prodotti agroalimentari. Dan jinkludi:
- għasel
- ġamm tal-frott u marmellati
- meraq u nektar tal-frott
- ħalib disidratat
L-aġġornament jikkonċerna sett ta' direttivi (imsejħa "direttivi dwar il-kolazzjon") u l-għan tiegħu huwa li jippromwovi bidla lejn dieti aktar tajbin għas-saħħa, li jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati, u li jiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-regoli l-ġodda f'Jannar 2024. L-adozzjoni formali miż-żewġ istituzzjonijiet hija meħtieġa biex ir-regoli jidħlu fis-seħħ.
Nitimgħu lill-Ewropa: 60 sena ta' politika agrikola komuni
Sittin sena mit-twelid tagħha, il-politika agrikola komuni tal-UE tappoġġa suq uniku miftuħ għall-prodotti tal-ikel agrikoli tal-UE, filwaqt li tiżgura prezzijiet affordabbli, iżżomm uħud mill-ogħla standards ambjentali u ta' sikurezza u fid-dinja, u żżomm il-komunitajiet rurali vibranti. Biex niċċelebraw dan l-anniversarju, ġbarna testimonjanzi mill-bdiewa u l-benefiċjarji tal-Ewropa.
L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Frar 2025