Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 7 ta' Diċembru 2023

Riżultati prinċipali

Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti

Il-ministri qablu dwar approċċ ġenerali (il-pożizzjoni tal-Kunsill) għar-regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta' prodotti ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti, magħruf aħjar bħala l-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti.

Jordi Hereu Bohm, Ministru għall-Industrija u t-Turiżmu ta' Spanja
Bl-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti, l-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tikseb pożizzjoni fuq quddiem fid-dinja fit-tranżizzjoni ekoloġika, bl-użu tat-teknoloġiji tal-futur biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tagħna, toħloq impjiegi ta' kwalità u ssaħħaħ is-sovranità strateġika miftuħa tagħna.
Jordi Hereu Bohm, Ministru għall-Industrija u t-Turiżmu ta' Spanja
Jordi Hereu Bohm, Ministru għall-Industrija u t-Turiżmu ta' Spanja

L-approċċ ġenerali jinkludi fjuwils nukleari u alternattivi fil-lista ta' teknoloġiji strateġiċi b'emissjonijiet żero netti u jkabbar ukoll il-lista ta' teknoloġiji mhux strateġiċi b'soluzzjonijiet tal-bijoteknoloġija għall-klima u l-enerġija, teknoloġiji nukleari oħra u teknoloġiji industrijali trasformattivi għall-industriji li jużaw ħafna enerġija. L-infrastrutturi tat-trasport għas-CO2 huma wkoll inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2. L-approċċ ġenerali jiċċara l-proċeduri tal-akkwist pubbliku biex jiġu żgurati rekwiżiti siguri, trasparenti, implimentabbli u armonizzati għat-teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti kif ukoll id-diversifikazzjoni fil-provvista ta' teknoloġiji strateġiċi lill-UE. Fir-rigward tal-irkanti, il-proposta tal-Kunsill tippermetti lill-istati membri japplikaw kemm il-kriterji tal-prekwalifika kif ukoll il-kriterji tal-aġġudikazzjoni. Il-Kummissjoni ser tiddefinixxi dawn il-kriterji f'att ta' implimentazzjoni. L-approċċ ġenerali tal-Kunsill iżomm il-possibbiltà li l-istati membri jistabbilixxu ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorji. In-negozji l-ġodda għandhom jibbenefikaw ukoll mill-miżuri speċjali għall-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'dawk l-ambjenti ta' esperimentazzjoni.

Illustrazzjoni li tirrappreżenta ċ-ċmieni industrijali u l-imtieħen tar-riħ lil hinn mill-kosta
Att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti: punt ta' riferiment għall-kapaċità ta' manifattura ta' prodotti tat-teknoloġija strateġiċi b'emissjonijiet żero netti (Infografika)

Att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti: punt ta' riferiment għall-kapaċità ta' manifattura ta' prodotti tat-teknoloġija strateġiċi b'emissjonijiet żero netti (Infografika)

Ix-xogħol furzat

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta għal Regolament dwar il-projbizzjoni ta' prodotti magħmulin b'xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni. L-istati membri kollha jappoġġaw l-għan ġenerali tar-Regolament propost biex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-isforzi tal-UE f'dan il-qasam billi r-regolament propost jiġi allinjat kemm mal-istandards internazzjonali kif ukoll mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet abbażi ta' nota ta' dibattitu ta' orjentazzjoni mħejjija mill-Presidenza Spanjola, li ffukat prinċipalment fuq il-livell ta' involviment tal-Kummissjoni fil-fażijiet differenti tal-investigazzjoni u l-prova tal-użu tax-xogħol furzat, bħall-ġbir ta' informazzjoni, ta' sottomissjonijiet, il-preinvestigazzjoni, l-investigazzjoni, it-teħid ta' deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-impożizzjoni ta' penali.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-ministri ġew infurmati dwar tmien kwistjonijiet:

  • il-Presidenza infurmat lill-istati membri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-inizjattivi leġiżlattivi differenti li qed jiġu diskussi bħalissa
  • il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-istati membri dwar il-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) li l-Kulleġġ adotta fit-23 ta' Ottubru 2023
  • il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Gateway Diġitali Unika
  • tressaq ukoll punt ta' informazzjoni dwar it-tħejjija għall-infurzar tal-att dwar is-servizzi diġitali
  • id-delegazzjoni Daniża, Franċiża u dik Ġermaniża infurmaw lill-ministri dwar il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji fi żminijiet bla preċedent
  • id-delegazzjoni Awstrijaka, Belġjana, Bulgara, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Latvjana, Litwana, Lussemburgiża, Maltija, Portugiża, Slovena, Taljana u dik Żvediża infurmaw lill-ministri dwar id-dħul fl-operat tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi
  • il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-istati membri dwar ir-rapport tal-2023 tan-Network ta' Rappreżentanti tal-SMEs
  • id-delegazzjoni Belġjana infurmat lill-ministri dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza Belġjana li jmiss fil-qasam tas-suq intern u l-industrija

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025