Il-politika industrijali tal-UE
Il-politika industrijali tal-UE għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE u li tippromwovi ekonomija aktar sostenibbli, reżiljenti u diġitalizzata li toħloq l-impjiegi.
L-istrateġija industrijali Ewropea
L-UE għandha l-għan li tagħmel l-industriji tagħha aktar kompetittivi globalment, u faċilitaturi tal-bidla, tal-innovazzjoni u t-tkabbir.
L-istrateġija industrijali għall-Ewropa tiffoka fuq tliet oqsma:
- l-indirizzar tad-dipendenzi strateġiċi tal-UE
- it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq uniku
- l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali
Ġew proposti inizjattivi addizzjonali taħt il-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku biex titħaffef it-trasformazzjonital-industrija lejn emissjonijiet żero netti u biex l-Ewropa titqiegħed fit-triq lejn in-newtralità klimatika.
Barra minn hekk, taħt il-boxxla għall-kompetittività, il-Kummissjoni pproponiet patt għal industrija nadifa u att għall-aċċellerazzjoni industrijali, biex tgħin lill-manifatturi jaqilbu għal produzzjoni u teknoloġiji nodfa, tagħti spinta lill-manifattura u ssaħħaħ it-tkabbir u l-kompetittività tal-UE.
Awtonomija strateġika
L-awtonomija strateġika tikkonsisti fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq ħaddieħor, pereżempju għall-materjali u t-teknoloġiji kritiċi, l-ikel, l-infrastruttura u s-sigurtà.
Hija wkoll opportunità biex jiġu żviluppati swieq, prodotti u servizzi u tingħata spinta lill-kompetittività fl-UE.
L-istrateġija industrijali tipproponi:
- ħidma lejn sħubijiet internazzjonali diversifikati li jgħinu fil-bini tar-reżiljenza ekonomika permezz tal-investiment u l-kummerċ
- appoġġ ta' alleanzi industrijali ġodda f'oqsma strateġiċi li jattiraw investituri privati u jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi
- monitoraġġ tad-dipendenzi strateġiċi
Materja prima kritika
L-att dwar il-materja prima kritika, adottat f'Marzu 2024, għandu l-għan li:
- iżid u jiddiversifika l-provvista tal-UE ta' materja prima kritika
- itejjeb iċ-ċirkolarità, inkluż ir-riċiklaġġ
- jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-iżvilupp ta' sostituti
L-UE stabbiliet l-objettivi li ġejjin għall-2030 fir-rigward tal-konsum annwali tal-UE:
- mill-inqas 10% mill-estrazzjoni tal-UE
- mill-inqas 40% mill-ipproċessar tal-UE
- mill-inqas 25% mir-riċiklaġġ domestiku
Att dwar il-materja prima kritika (Infografika)
L-industrija taċ-ċipep
L-att tal-UE dwar iċ-ċipep jindirizza l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċa l-industrija tas-semikondutturi, bil-ħsieb li:
- itaffi n-nuqqasijiet
- isaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-UEu t-tnaqqis tad-dipendenza fuq atturi barranin
- joħloq impjiegi ta' kwalità tajba u opportunitajiet ta' negozju
L-objettiv huwa li sal-2030 jiġi rduppjat is-sehem tal-UE mis-suq globali tas-semikondutturi.
L-industrija taċ-ċipep tal-UE
Reżiljenza tas-suq uniku
L-UE adottat l-att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern, li jipprovdi qafas strutturat għall-antiċipazzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal tfixkil sinifikanti fis-suq intern tal-UE.
B'dan l-att, l-UE għandha l-għan li:
- issaħħaħ is-suq intern tagħha billi timplimenta miżuri proattivi li jippermettu risponsi effettivi għall-emerġenzi
- tissalvagwardja l-ktajjen ta' provvista kritiċi
- tiżgura li jkompli l-moviment liberu ta' oġġetti, servizzi u persuni
It-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali
L-industrija tal-UE taqdi rwol ċentrali fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Hija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji, prodotti, servizzi, swieq u mudelli kummerċjali ġodda. Issawwar ukoll tipi ġodda ta' impjiegi li ser jeħtieġu ħiliet ġodda.
Prodotti tat-teknoloġija b'emissjonijiet żero netti
Bis-saħħa tal-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti, l-UE ser iżżid il-manifattura ta' teknoloġiji nodfa fl-UE.
Dawn ir-regoli l-ġodda ser jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għall-investimenti f'teknoloġiji ekoloġiċi.
L-objettiv huwa li jiġu koperti 40% tal-ħtiġijiet tal-UE fi prodotti teknoloġiċi strateġiċi b'emissjonijiet żero, bħall-pannelli fotovoltajċi solari, it-turbini tar-riħ, il-batteriji u l-pompi tas-sħana.
L-att ser jaċċellera l-progress lejn il-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, filwaqt li jagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija tal-UE, joħloq impjiegi ta' kwalità u jappoġġa l-isforzi tal-UE biex issir indipendenti fl-enerġija.
Att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti: punt ta' riferiment għall-kapaċità ta' manifattura ta' prodotti tat-teknoloġija strateġiċi b'emissjonijiet żero netti (Infografika)
Is-suq tal-elettriku
Ir-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku għandha l-għan li:
- jagħmlu l-prezzijiet tal-elettriku inqas dipendenti mill-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili
- iħarsu lill-konsumaturi minn żidiet qawwijin fil-prezzijiet
- iħaffu l-varar tal-enerġiji rinnovabbli
Fl-istess ħin, ir-riforma ser tipprovdi aktar stabbiltà u kompetittività għall-kumpaniji.
Riforma tas-suq tal-elettriku
Ara wkoll
Suq uniku
Boxxla għall-Kompetittività
Att dwar l-emerġenza u r-reżiljenza tas-suq intern
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Marzu 2026