"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 25 ta' Settembru 2023

Riżultati ewlenin

Rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji

Il-ministri adottaw approċċi ġenerali dwar il-pakkett tal-Kummissjoni biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-disinji: wieħed dwar id-direttiva dwar il-protezzjoni legali tad-disinji u wieħed dwar ir-regolament dwar id-disinji tal-Unjoni. Dawn it-testi leġiżlattivi għandhom l-għan li jimmodernizzaw ir-regoli Ewropej li ilhom jeżistu 20 sena dwar id-disinji u jadattawhom sabiex ikunu adatti għall-era diġitali u tal-istampar 3D (jiġifieri jagħmlu r-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tad-disinji fis-suq uniku aktar rapidi, sikuri u affordabbli).

Héctor Gómez Hernández, aġent Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu ta' Spanja
Protezzjoni tajba tad-disinji hija essenzjali għall-kompetittività tal-industrija tagħna. Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu biex tingħata spinta lill-kreattività tad-disinjaturi u tal-kumpaniji tagħna b'mod aktar rapidu u aktar affidabbli, adattat għall-isfidi tal-era diġitali, fil-ġlieda kontra l-kontrafazzjonijiet.
Héctor Gómez Hernández, aġent Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu ta' Spanja
Héctor Gómez Hernández, aġent Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu ta' Spanja

L-approċċi ġenerali tal-Kunsill jappoġġaw l-objettivi ġenerali tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda jintroduċu wkoll għadd ta' elementi ta' titjib sabiex il-protezzjoni tad-disinji ssir aktar faċli (b'mod partikolari billi jinżammu d-data tar-reġistrazzjoni u r-rappreżentazzjoni tad-disinji, anke jekk xi dokumenti jkunu neqsin). Jagħtu wkoll lill-istati membri l-possibbiltà li jipprevedu proċeduri amministrattivi ta' appell f'każ li d-drittijiet tad-disinn jiġu ddikjarati invalidi. Jiżguraw li t-tariffi tar-reġistrazzjoni nazzjonali jkunu orħos minn dawk għall-Ewropa kollha u jippermettu l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tad-disinn u tad-drittijiet tal-awtur. Il-pożizzjonijiet tal-Kunsill iżommu wkoll il-"klawżola dwar it-tiswija", li tarmonizza l-protezzjoni tad-disinji għall-partijiet ta' rikambju tal-komponenti użati għat-tiswija ta' prodotti kumplessi (eż. partijiet tal-karozzerija).

Euro7

Il-Kunsill adotta wkoll il-pożizzjoni tiegħu ('approċċ ġenerali') dwar ir-regolament Euro 7, li jistabbilixxi regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni, iżda wkoll ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati, fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom u d-durabbiltà tal-batteriji. Ir-regolament il-ġdid ikopri, f'att legali wieħed, il-limiti tal-emissjonijiet għal karozzi, vannijiet, xarabanks u trakkijiet.

L-Ewropa hija magħrufa madwar id-dinja għall-produzzjoni ta' karozzi b'emissjonijiet baxxi u tal-ogħla kwalità. Irridu nkomplu nsegwu l-għan li ntejbu l-kwalità tal-arja. Il-pożizzjoni tagħna hija li nkomplu mmexxu l-mobbiltà tal-futur u nadottaw livelli realistiċi ta' emissjonijiet għall-vetturi tal-għaxar snin li ġejjin filwaqt li ngħinu lill-industrija tagħna tagħmel qabża definittiva lejn karozzi nodfa fl-2035. Il-presidenza Spanjola uriet sensittività għad-diversi esiġenzi u talbiet tal-istati membri u nemmnu li, b'din il-proposta, ksibna appoġġ wiesa', bilanċ fl-ispejjeż tal-investiment tad-ditti tal-manifattura u qed intejbu l-benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mir-regolament. Héctor Gómez Hernández, aġent Ministru għall-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu ta' Spanja

Il-ministri sabu bilanċ adegwat bejn rekwiżiti stretti għall-emissjonijiet tal-vetturi u investimenti addizzjonali fl-industrija, f'mument meta l-manifatturi Ewropej tal-karozzi qed jersqu lejn il-produzzjoni ta' karozzi b'emissjonijiet żero.

L-approċċ ġenerali jżomm il-limiti tal-emissjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-test eżistenti għall-vetturi ħfief, iżda għall-vetturi tqal, il-limiti tal-emissjonijiet tnaqqsu u l-kundizzjonijiet tat-test ġew aġġustati kemxejn. Euro 7 fih ukoll dispożizzjoni speċjali dwar ix-xarabanks urbani biex tiġi żgurata l-koerenza mal-mira ta' emissjonijiet żero ta' CO2 għall-2030 għal dawn il-vetturi li għadha kif ġiet proposta.

L-infografika tispjega l-mira l-ġdida tal-UE għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, għalfejn hija importanti u l-benefiċċji mistennija għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-industrija awtomobilistika tal-UE.

Lesti għall-mira ta' 55%: għalfejn l-UE qed issaħħaħ l-istandards għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet (Infografika)

Kompetittività u produttività fit-tul – Kontrolli tal-kompetittività fil-proposti leġiżlattivi

Il-ministri kellhom dibattitu politiku dwar ir-rwol tal-kontrolli tal-kompetittività fil-formulazzjoni ta' proposti leġiżlattivi. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq nota mill-presidenza Spanjola li tistabbilixxi l-kuntest ġenerali u li titlob lid-delegazzjonijiet jippreżentaw il-ħsibijiet tagħhom dwar erba' mistoqsijiet:

  1. Liema elementi għandhom ikunu indispensabbli fil-kontrolli tal-kompetittività?
  2. X'jista' jsir biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dawn il-kontrolli?
  3. Il-kontrolli tal-kompetittività għandhom japplikaw biss għal proposti leġiżlattivi jew ukoll għal strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni?
  4. Il-Kunsill Kompetittività kif jista' jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-kompetittività tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni?

Id-diskussjoni tal-lum kienet segwitu għad-dibattiti preċedenti li ffukaw fuq il-kompetittività fit-tul u fuq ir-rwol futur tas-suq uniku li saru matul il-Kunsilli Ewropej ta' Marzu u Ġunju 2023, u fil-Kunsill COMPET ta' Mejju. B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu appella biex tiġi avvanzata l-ħidma fuq qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir, billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u jitwettqu kontrolli tal-kompetittività għal proposti leġiżlattivi ġodda.

Il-ministri rreferew għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-30 Sena mis-Suq Uniku u l-kompetittività fit-tul tal-UE, li ġew ippreżentati f'Marzu, u għall-pakkett ta' għajnuna għall-SMEs li ġie adottat mill-Kummissjoni għaxart ijiem ilu.

Eżatt qabel id-dibattitu politiku, il-ministri kellhom ikla ta' nofsinhar ma' Enrico Letta, President tal-Istitut Jacques Delors u eks Prim Ministru tal-Italja, li bħalissa qed iħejji rapport indipendenti dwar il-futur tas-suq uniku fuq talba tal-Kunsill Ewropew. Is-Sur Letta informa lill-ministri dwar il-progress fir-rigward ta' dan id-dokument, li ser jiġi ppreżentat lill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2024.

Illustrazzjoni ta' mara u żewġt irġiel, b'mappa li turi l-pajjiżi membri tas-suq uniku tal-UE fl-isfond

It-30 anniversarju tas-suq uniku tal-UE (Infografika)

Affarijiet oħra

Rapport tal-Forum Ibero-Amerikan tal-Aġenziji Governattivi għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tal-Forum Ibero-Amerikan tal-Aġenziji Governattivi għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (FIAGC), li sar f'Madrid fit-13 u l-14 ta' Settembru 2023.

Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-ftehim proviżorju li ntlaħaq dwar id-direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika wara t-trilogu li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Settembru. Il-proposta maqbula nhar l-Erbgħa li għadda għandha l-għan li tiġġieled prattiki kummerċjali inġusti (eż. greenwashing) li jxekklu lill-konsumaturi milli jagħżlu prodotti u servizzi aktar ekoloġiċi jew aktar ċirkolari.

Għaliex neħtieġu ekonomija ċirkolari? Għall-kuntrarju ta' mudell ekonomiku tradizzjonali li ma jittrattax l-iskart u r-riżorsi limitati, ekonomija ċirkolari għandha l-għan tat-tkabbir sostenibbli, it-tnaqqis tal-iskart u ż-żamma tal-valur tal-materjali.

Għaliex ekonomija ċirkolari? (Infografika)

Il-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE minn perspettiva industrijali u tal-kompetittività

Id-delegazzjoni Awstrijaka u dik Ġermaniża taw preżentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE minn perspettiva industrijali u tal-kompetittività.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025