Skip to content
  • Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 05/03/2019, 5 ta' Marzu 2019

Riżultati ewlenin

Punti ewlenin tal-Kunsill Ambjent, li sar fil-5 ta' Marzu 2019, fi Brussell.

L-istrateġija fit-tul tal-UE dwar il-klima għall-2050

Il-ministri għall-ambjent kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-viżjoni strateġika fit-tul tal-UE għal ekonomija prospera, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima, abbażi ta' xenarji differenti għall-kisba tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra sal-2050 f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi.

Illum iddiskutejna l-importanza li niżviluppaw flimkien strateġija fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra għall-UE. Hekk kif inħarsu lejn l-2050, nafu li jeħtieġ li nipprovdu l-inċentivi meħtieġa għal din it-trasformazzjoni, u ser ikollna niżguraw li nikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet u ċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi differenti. It-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta' gass serra ser ikun impenjattiv, iżda jeżistu wkoll opportunitajiet kbar għall-ekonomiji u ċ-ċittadini tagħna. Graţiela Leocadia Gavrilescu, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ambjent tar-Rumanija
Il-ministri ddiskutew il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-viżjoni fit-tul tal-UE għal ekonomija newtrali għall-klima.

L-ilma tax-xorb

Il-ministri laħqu qbil dwar l-aġġornament propost għad-direttiva dwar l-ilma tax-xorb. Huma qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq it-test li kien jipprevedi regoli aktar stretti għall-ilma tal-vit, inkluż proċedura ġdida li tistabbilixxi rekwiżiti tal-iġjene għal materjali li jiġu f'kuntatt mal-ilma tal-vit bħall-pajpijiet. L-għan huwa li titjieb il-kwalità ta' tali materjali biex jiġi żgurat li s-saħħa tal-bniedem tkun protetta u ma sseħħ l-ebda kontaminazzjoni.

Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew

Il-ministri kellhom l-opportunità li jkollhom skambju ta' fehmiet dwar il-proċess tas-Semestru Ewropew. Huma ddiskutew l-importanza tal-promozzjoni ta' investimenti sostenibbli u l-iżgurar li dawn iġibu benefiċċji soċjali liċ-ċittadini tal-UE. Il-ministri ddiskutew ukoll liema riformi ambjentali u amministrattivi jistgħu l-aħjar jippermettu t-transizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika.

Interferenti endokrinali

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-interferenti endokrinali. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar x'jista' jkun l-aħjar approċċ biex jiġi żviluppat qafas koerenti tal-UE dwar l-interferenti endokrinali. Il-ministri enfasizzaw it-tħassib pubbliku dejjem jikber dwar sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, li għandhom impatt fuq l-ambjent u li huma marbuta ma' problemi ta' saħħa tal-bniedem.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025