Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro, 11/02/2016, 11 ta' Frar 2016

Riżultati ewlenin

Is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro, abbażi tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-previżjoni ekonomika tagħha għax-xitwa 2016.

Skont il-previżjoni, l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro huwa mistenni li jissokta, bi tkabbir fil-PDG li mistenni jilħaq il-1.7% fl-2016 u l-1.9% fl-2017. 

Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tonqos minn 11 % fl-2015 għal 10.5 % fl-2016 u 10.2 % fl-2017. 

Il-previżjoni telenka prezzijiet taż-żejt baxxi, ir-rata tal-kambju attwali tal-euro u rati ta’ interess baxxi bħala wħud mill-fatturi ewlenin li qed jixprunaw l-irkupru. Madankollu, hija tindika wkoll li l-ekonomija qed tiffaċċja ostakli u riskji minħabba t-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir fl-ekonomiji emerġenti. 

B’mod ġenerali, il-ministri qablu mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea u affermaw mill-ġdid li, fl-ambjent attwali ta’ volatilità tas-suq, huwa partikolarment importanti li jiġu implimentati r-regoli li ntlaħaq qbil dwarhom fil-qafas fiskali, ekonomiku u dak ta' governanza finanzjarja fil-livell tal-UE. 

Diskussjoni tematika: il-kwalità tan-nefqa pubblika fiż-żona tal-euro

Il-ministri qablu li huwa importanti li l-infiq pubbliku jsir aktar effiċjenti bil-għan li jissaħħaħ il-potenzjal ekonomiku taż-żona tal-euro għat-tkabbir. 

Huma qablu li jkomplu jiddiskutu oqsma speċifiċi ta’ nfiq pubbliku. Matul il-laqgħat li jmiss tiegħu, il-Grupp tal-Euro ser jagħti attenzjoni partikolari lin-nefqa marbuta mal-investiment, mal-kura tas-saħħa u mat-tixjiħ.

Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu vvalutati l-kompożizzjoni, l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa tal-gvern taż-żona tal-euro f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, u r-riċerka u l-iżvilupp.

Ir-rwol internazzjonali tal-euro

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet dwar l-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro, li twettaq fuq talba tal-Grupp tal-Euro. 

L-istudju juri li ma hemm l-ebda ostaklu sistemiku għall-użu tal-euro fi tranżazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, għal raġunijiet storiċi xi setturi, bħaż-żejt jew l-avjazzjoni, tradizzjonalment jużaw fatturi f’dollari Amerikani.

Il-ministri qablu mal-opinjoni tal-Kummissjoni li politiki makroekonomiċi sodi u t-tkomplija fit-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja huma fost il-fatturi prinċipali li jistgħu jinkoraġġixxu l-użu tal-euro fi tranżazzjonijiet internazzjonali.

Portugall: is-sitwazzjoni attwali

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Portugall għall-2016 u eżamina r-riżultati tat-tielet missjoni ta' sorveljanza ta’ wara l-programm. 

Is-sorveljanza ta’ wara l-programm se tibqa' ssir tal-inqas sa meta jitħallsu lura 75 % tal-għajnuna riċevuta taħt il-programm. 

Skont l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-pjan baġitarju tal-Portugall huwa fir-riskju ta’ nonkonformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Il-Grupp tal-Euro ħareġ dikjarazzjoni li fiha jaqbel mas-sejbiet tal-Kummissjoni u jilqa’ b'sodisfazzjon l-impenn tal-Gvern Portugiż li jħejji minn issa miżuri addizzjonali biex jiġu implimentati meta jkun meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità tal-baġit tal-2016 tiegħu mar-regoli tal-Patt.

Il-Grupp tal-Euro ġie infurmat ukoll mill-istituzzjonijiet dwar ir-riżultati ewlenin tat-tielet missjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm, li saret mill-25 ta’ Jannar sat-2 ta’ Frar 2016. 

Il-Portugall huwa mistenni li jkompli r-riformi mibdija matul il-programm ta’ aġġustament tiegħu sabiex jindirizza sfidi bħalma huma s-sostenibbiltà fiskali, il-kompetittività u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju.

Greċja: stat attwali

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta s-sitwazzjoni attwali tal-ewwel reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja, wara ż-żjara tal-kapijiet tal-missjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE f’Ateni l-ġimgħa l-oħra.

Il-Grupp tal-Euro appella lill-awtoritajiet Griegi u lill-membri tal-persunal tal-missjoni biex ikomplu l-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom u biex iħabirku ħalli tintemm mill-iżjed fis ir-reviżjoni, li tkopri kwistjonijiet bħar-riforma tal-pensjonijiet, l-istrateġija fiskali u l-ħidma bil-għan li l-Fond ta’ Privatizzazzjoni jsir operattiv.

Naħseb li dan huwa mill-iżjed importanti għal-leġittimità ta’ xogħolna. Jeroen Dijsselbloem 

Trasparenza

Fuq l-inizjattiva tal-President tal-Grupp tal-Euro, Jeroen Dijsselbloem, il-ministri ddiskutew iż-żieda tat-trasparenza fl-attivitajiet tal-Grupp tal-Euro. 

Il-Grupp tal-Euro qabel li hija meħtieġa aktar konsistenza fil-mod kif iċ-ċittadini u l-parlamenti nazzjonali fl-istati membri jiġu infurmati dwar l-attivitajiet tiegħu.

Il-ministri qablu, bħala l-ewwel pass, li joħorġu fil-pubbliku l-aġendi annotati għal-laqgħat tal-Grupp tal-Ewro u s-sommarji tad-diskussjonijiet tagħhom. Huma inkarigaw lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro biex ikompli jirfina l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-proposti.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025