Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro, 23/11/2015, 23 ta' Novembru 2015

Riżultati ewlenin

Abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tal-istati membri taż-żona tal-euro

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji għall-2016 tal-istati membri taż-żona tal-euro. Dawn il-pjanijiet għandhom jiġu ppreżentati kull sena sal-15 ta' Ottubru, u l-Kummissjoni Ewropea tevalwa jekk dawn jikkonformawx mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP). 

Il-Grupp tal-Euro qabel b'mod ġenerali mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati fis-17 ta’ Novembru 2015.

Skont is-sejbiet tal-Kummissjoni, erba’ pajjiżi - l-Awstrija, l-Italja, il-Litwanja u Spanja - għandhom pjanijiet baġitarji li huma f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-SGP. 

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-impenn tal-Awstrija, l-Italja u l-Litwanja biex jiżguraw il-konformità mar-regoli. Huwa stenna ukoll b’interess il-preżentazzjoni ta' abbozz tal-pjan baġitarju aġġornat għal Spanja u ġie assigurat mill-ġdid li l-Portugall ser jippreżenta l-abbozz tal-pjan baġitarju tiegħu kemm jista' jkun malajr.

Il-Grupp tal-Euro ħa nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-qagħda fiskali ġeneralment newtrali fil-livell taż-żona tal-euro hija adatta meta jitqies l-irkupru ekonomiku li għadu kajman. Barra minn hekk huwa enfasizza l-importanza tal-użu b'mod prudenti tal-ambjent attwali b’rati ta’ interessi baxxi, u t-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi tingħata prijorità lill-miżuri li jsaħħu t-tkabbir.

Il-ministri qablu wkoll mal-Kummissjoni li r-regoli tal-SGP jipprevedu flessibbiltà suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet baġitarji tal-iżviluppi speċifiċi għall-pajjiż bħall-influss ta’ refuġjati f’ċerti stati membri.

Greċja: stat attwali

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew li l-awtoritajiet Griegi kienu implimentaw b’suċċess l-ewwel sett ta’ miri u l-miżuri ta’ riforma tas-settur finanzjarju li jinħtieġu għar-rikapitalizzazzjoni b'suċċess tas-settur bankarju Grieg.

Wara l-valutazzjoni pożittiva, il-bord tad-diretturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) formalment awtorizza l-ħlas ta’ EUR 2 biljun f’assistenza finanzjarja lill-Greċja, kif previst fil-programm. 

Barra minn hekk, issa jistgħu jsiru disponibbli wkoll sa EUR 10 biljun ta’ fondi allokati għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi. Dawn il-fondi ser jiġu rilaxxati lill-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (HFSF) fuq bażi ta’ każ b’każ, kif meħtieġ, fuq deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-MES wara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar għajnuna mill-istat. 

Il-Grupp tal-Euro jitlob lill-awtoritajiet Griegi biex iżidu l-isforzi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI dwar it-tieni u l-aħħar sett ta’ miri taħt l-ewwel porzjon ta' self (li jiżblokka l-ħlas ta’ somma ulterjuri ta’ EUR 1 biljun) u l-miżuri li jikkonċernaw l-ewwel reviżjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025