Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-Euro, 07/03/2016, 7 ta' Marzu 2016

Riżultati ewlenin

Greċja: is-sitwazzjoni attwali

Il-Grupp tal-Euro ddiskuta s-sitwazzjoni attwali tal-ewwel reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja. Il-ministri ġew informati li l-kapijiet tal-missjoni tal-istituzzjonijiet ser jirritornaw Ateni dalwaqt.

Il-Grupp tal-Euro appella lill-awtoritajiet Griegi u lill-persunal tal-missjoni ta' reviżjoni biex ikomplu l-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom biex ir-reviżjoni tkun tista' tiġi konkluża malajr. Ir-reviżjoni tkopri kwistjonijiet bħar-riforma tal-pensjonijiet, l-istrateġija fiskali u l-ħidma bil-għan li l-fond ta’ privatizzazzjoni jsir operattiv.

Ċipru: is-sitwazzjoni attwali

Il-Grupp tal-Euro kellu skambju ta’ fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà għal Ċipru, li jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2016. Il-Grupp tal-Euro ppubblika dikjarazzjoni li tappoġġa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta' Ċipru li joħorġu mill-programm mingħajr programm suċċessur.

Ċipru implimenta b’suċċess għadd ta’ riformi skont il-programm, inklużi konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali u finanzjarji ambizzjużi. Dan ippermetta li l-pajjiż jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-investituri u jżid il-likwidità fis-suq tal-bonds sovrani.

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-impenn tal-awtoritajiet biex ir-ritmu tar-riforma jinżamm.

Segwitu għall-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-2016

Il-ministri vvalutaw il-progress li sar mill-istati membri taż-żona tal-euro fl-implimentazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2016 u l-impenji li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-23 ta’ Novembru 2015. Il-Grupp tal-Euro ħareġ dikjarazzjoni ġdida.

L-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji ta’ 7 stati membri huma kkunsidrati li qegħdin f’riskju ta’ nonkonformità mar-regoli fiskali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-istati membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżguraw il-konformità ma’ dawn ir-regoli.

Il-Grupp tal-Euro ser ikompli jissorvelja s-sitwazzjoni baġitarja fiż-żona tal-euro u ser jerġa' jindirizza l-kwistjoni aktar tard din ir-rebbiegħa.

Valutazzjoni komparattiva: il-kunċett u l-applikazzjoni fiż-żona tal-euro

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar esperjenzi relatati mad-diskussjonijiet tematiċi tal-Grupp tal-Euro dwar kwistjonijiet strutturali fiż-żona tal-euro. L-għan ta’ dawn id-dibattiti huwa li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa għaż-żona tal-euro u l-istati membri tagħha taħt is-Semestru Ewropew u javvanzawhom.

Il-Grupp tal-Euro qabel li jkompli dawn it-taħditiet, u jipprevedi l-użu ta’ valutazzjoni komparattiva b’mod aktar wiesa’.

Dan għandu jippermetti li l-ministri jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin fl-implimentazzjoni tar-riformi ta’ politika u jqabblu l-prestazzjoni ta' pajjiżhom ma’ dik ta’ oħrajn f’qasam ta’ politika partikolari.

Dan l-eżerċizzju huwa partikolarment rilevanti għall-istati membri taż-żona tal-euro li l-ekonomiji tagħhom jiddependu minn xulxin u għalhekk huma aktar suxxettibbli li jiġu influwenzati mill-politiki domestiċi ta’ xulxin.

Trasparenza

B'segwitu għall-inizjattiva tal-President tal-Grupp tal-Euro biex tiżdied it-trasparenza tal-ħidma tal-Grupp tal-Euro, il-ministri qablu li, fil-futur, id-dokumenti tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jiġu ppubblikati fi żmien qasir wara l-laqgħat.

Dawn id-dokumenti ser jiġu ppublikati dment li l-istituzzjonijiet li jkunu abbozzawhom ma joġġezzjonawx. Id-dokumenti li ma jkunux ġew iffinalizzati jew li jkun fihom informazzjoni sensittiva għas-suq mhux ser jiġu ppubblikati.

Fil-laqgħa tiegħu fi Frar 2016, il-Grupp tal-Euro kien diġà qabel li jippubblika l-aġendi annotati għal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro kif ukoll l-ittri ta' sinteżi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025