"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet mas-Segretarju għat-Teżor tal-Istati Uniti, Janet Yellen, dwar il-perspettiva u r-riskji globali, bl-għan li jibnu fehim komuni tal-isfidi fuq żmien qasir u fit-tul u interkonnessi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, u jiddiskutu l-politiki ekonomiċi u finanzjarji għall-ġejjieni.
Relazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti hija aktar importanti minn qatt qabel biex inħarsu l-impenn tagħna għal-libertà, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Id-diskussjoni tagħna llum iffokat fuq il-perspettiva ekonomika u l-isfidi għall-Istati Uniti u għall-Ewropa, f'dan l-ambjent globali instabbli ħafna. F'dan il-kuntest, il-valutazzjoni tal-isfidi ekonomiċi interkonnessi u tar-riskji li qed niffaċċjaw mill-iżviluppi ġeopolitiċi attwali mhix kompitu sempliċi, iżda ninsabu determinati u kunfidenti li flimkien nistgħu ngħaddu minn din il-burraxka.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Wara l-approċċ maqbul mill-Grupp tal-Euro f'format inklużiv f'Mejju, il-ministri laqgħu lill-parteċipanti fis-suq u semgħu l-esperjenzi tagħhom fl-aċċess għall-finanzjament u l-investiment fis-swieq kapitali Ewropej. L-enfasi kienet fuq kumpaniji Ewropej li qed jikbru malajr li qed ifittxu finanzjament biex jespandu, u fuq investituri li qed ifittxu opportunitajiet ta' investiment attraenti madwar l-Ewropa. L-għan tad-diskussjonijiet kien li jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet għall-iżblukkar tal-finanzjament fis-swieq kapitali tagħna.
Id-diskussjoni interessanti tal-lum uriet il-valur li nisimgħu l-esperjenza diretta mill-parteċipanti fis-suq, hekk kif wasslet għal għadd ta' soluzzjonijiet possibbli biex intejbu s-swieq kapitali tagħna. Dawn jinkludu l-attivazzjoni ta' aktar finanzjament fl-istadju tat-tkabbir għan-negozji tal-UE li qed jespandu u l-iżvilupp ta' suq Ewropew b'saħħtu għan-negozji li joħorġu mis-suq. Tfakkarna wkoll fl-għan aħħari tagħna: aktar finanzjament privat għall-kumpaniji tal-UE biex jinnovaw, ikunu kompetittivi, u jkollhom il-kapaċità li jinvestu fit-tranżizzjoni doppja.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Għal din is-sessjoni interattiva, iż-żewġ mistiedna kienu Zoé Fabian, li siltet mill-esperjenza tagħha ta' għaxar snin fl-ekwità Ewropea tat-tkabbir biex tipprovdi l-perspettiva ta' investituri istituzzjonali li qed ifittxu opportunitajiet attraenti madwar l-UE, u Sebastian Siemiatkowski, kofundatur u CEO ta' Klarna, li ta l-perspettiva ta' kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir.
il-prijoritajiet taż-żona tal-euro fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u n-nota ta' analiżi mis-segretarjat, il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro għall-2023 u l-kontribuzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-objettivi ta' politika taż-żona tal-euro. Dan ippermetta skambju ta' fehmiet dwar l-isfidi ekonomiċi u l-prijoritajiet ta' politika għaż-żona tal-euro fis-sena li ġejja.
Dwar l-isfidi għall-azzjonijiet ta' politika fl-2024, ilkoll qbilna li fil-futur immedjat, l-isfida primarja tinsab fl-indirizzar tal-inflazzjoni u l-impatti tagħha fuq il-politika fiskali, l-istabbiltà finanzjarja, il-pagi, u b'mod aktar ġenerali s-suq tax-xogħol. Madankollu, hekk kif inħarsu aktar lejn il-futur, irridu nibdew naħsbu wkoll dwar l-indirizzar tal-isfidi fit-tul, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetittività tal-ekonomiji tagħna.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri ħadu l-opportunità biex iħarsu lejn il-progress li sar fil-proġett tal-euro diġitali mill-aħħar skambju tagħhom f'Lulju. Il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew ipprovdiet aġġornament qabel id-deċiżjoni tal-kunsill governattiv dwar jekk jgħaddix għall-fażi li jmiss tal-proġett. Il-Kummissjoni u l-presidenza tal-Kunsill ukoll ipprovdew aġġornament dwar il-ħidma li għaddejja fuq il-proposta għall-qafas legali għall-introduzzjoni possibbli ta' euro diġitali.
Il-ministri evalwaw il-laqgħat annwali f'Marrakexx, abbażi ta' informazzjoni mill-president u l-istituzzjonijiet, kif ukoll mill-presidenza tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC).
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.