"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (Kultura u Sport), 28 ta' Novembru 2025

Riżultati ewlenin

Kultura, politika awdjoviżiva u media

Ir-rwol strateġiku tal-kultura

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar ir-rwol strateġiku tal-kultura, il-wirt kulturali u x-xogħlijiet awdjoviżivi biex jinżammu l-valuri Ewropej u r-reżiljenza demokratika.

Jakob Engel-Schmidt, Ministru għall-Kultura tad-Danimarka

Id-demokrazija ma żżommx fuq strutturi politiċi biss. Hija mrawma fil-libreriji, il-mużewijiet, is-swali taċ-ċinema, l-arkivji u t-teatri tagħna – spazji fejn in-nies jitgħallmu jaħsbu b'mod kritiku, jempatizzaw, u jappartjenu. Illum, qed nibagħtu messaġġ ċar: is-salvagwardja tal-kultura u tal-wirt kulturali hija essenzjali għas-salvagwardja tad-demokrazija nnifisha.

Jakob Engel-Schmidt, Ministru għall-Kultura tad-Danimarka

Jakob Engel-Schmidt, Ministru għall-Kultura tad-Danimarka

Il-konklużjonijiet jipprovdu qafas komprensiv għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej u r-reżiljenza demokratika permezz tal-kultura u l-wirt kulturali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-isfidi ġeopolitiċi.

B'mod partikolari, huma jenfasizzaw ir-rwol speċifiku u essenzjali tal-kultura u d-diversità kulturali fit-trawwim tal-koeżjoni, sens ta' komunità u involviment ċiviku fis-soċjetajiet Ewropej.

Aċċess għal aħbarijiet affidabbli

Il-presidenza Daniża approvat il-konklużjonijiet tal-presidenza, bl-appoġġ ta' 26 stat membru, dwar l-aċċess għal aħbarijiet affidabbli bħala parti mit-Tarka Ewropea għad-Demokrazija. It-Tarka, li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fit-12 ta' Novembru 2025, tinkludi miżuri biex tiġi protetta l-media ħielsa u indipendenti bħala pilastru tas-sistemi demokratiċi fl-UE.

Il-konklużjonijiet innutaw li għalkemm l-aċċess għal aħbarijiet affidabbli huwa fundamentali għal demokrazija li tiffunzjona, fatturi bħall-isfidi ġeopolitiċi, il-kontenut xprunat mill-algoritmi u ż-żieda fl-influwenzaturi jistgħu potenzjalment jimminaw il-fiduċja fil-ġurnaliżmu.

L-importanza tar-responsabbiltà editorjali fl-iżgurar tal-aċċess għal aħbarijiet affidabbli u l-aderenza ma' standards ġurnalistiċi ġiet enfasizzata b'mod partikolari, b'sejħa għal standards għoljin simili li għandhom jiġu applikati għal sorsi "ġodda" ta' aħbarijiet (l-aktar online).

Suġġetti oħra koperti kienu jinkludu l-ħtieġa li jiġu żgurati d-dħul u l-finanzjament għall-media tal-aħbarijiet, ir-rilevanza diġitali tal-media tas-servizz pubbliku u l-prominenza tas-servizzi tal-media ta' interess ġenerali. It-test jindika wkoll modi kif jissaħħu l-litteriżmu medjatiku u diġitali u l-integrazzjoni tal-politika dwar il-media fl-għanijiet ta' politika ġenerali.

AgoraEU

Il-presidenza Daniża ppreżentat rapport ta' progress dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi l-programm il-ġdid AgoraEU għall-kultura, il-media u s-soċjetà ċivili.

Il-proposta, li ġiet ippubblikata fis-16 ta' Lulju 2025 fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034, tiġbor flimkien €8.6 biljun f'finanzjament.

Għandha l-għan li tippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi, iżżid il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, tissalvagwarda l-libertà artistika u tal-media, u tipproteġi u tippromwovi l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza attiva, id-drittijiet u l-valuri.

Ikla ta' nofsinhar informali

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, sar dibattitu informali dwar is-suġġett "Insawru l-futur tal-kultura fl-era tal-intelliġenza artifiċjali".

Affarijiet oħra

Matul il-laqgħa, il-ministri ddiskutew punti oħra inkluż il-Boxxla Kulturali għall-Ewropa, il-laqgħa informali tal-ministri għall-kultura li saret f'Copenhagen f'Novembru, u t-Tarka Ewropea għad-Demokrazija.

Sport

Id-demokrazija u t-trasparenza fl-isport

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar kif l-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jgħinu lill-federazzjonijiet sportivi internazzjonali jsaħħu d-demokrazija, it-trasparenza u l-integrità fl-istrutturi ta' governanza tagħhom.

Huma ddiskutew ukoll modi kif jiddefendu u jippromwovu l-pedamenti demokratiċi u soċjali ta' mudell sportiv Ewropew quddiem l-isfida ta' kampjonati separatisti u r-rilokazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej.

Aġenzija Dinjija tal-Antidoping

Il-ministri approvaw riżoluzzjoni li tirrieżamina r-rappreżentanza tal-istati membri tal-UE fuq il-bord ta' fondazzjoni tal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA) u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-istati membri qabel il-laqgħat tal-WADA.

L-għan tar-rieżami huwa li jaġġorna r-riżoluzzjoni tal-2023 biex tingħata aktar ċarezza dwar il-proċess tal-istabbiliment tal-pożizzjonijiet tal-UE, kif ukoll dwar il-mekkaniżmi ta' rapportar. Ir-rieżami għandu wkoll l-għan li jirrevedi l-allokazzjoni tas-siġġijiet tar-rappreżentanti tal-UE fuq il-bord ta' fondazzjoni tal-WADA.

Punti taħt affarijiet oħra

Punti oħra fuq l-aġenda tal-Kunsill kienu jinkludu l-Olimpjadi tax-Xitwa u l-programm ta' ħidma tal-presidenza Ċiprijotta li jmiss.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Diċembru 2025