"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 12 u 13 ta' Mejju 2025

Riżultati ewlenin

It-Tlieta 13 ta' Mejju

Kultura/awdjoviżiv

Servizzi tal-media awdjoviżiva

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-qafas legali għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u s-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing.

Hanna Wróblewska, Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali tal-Polonja

F'xenarju tal-media dejjem jinbidel, neħtieġu regoli li huma kemm robusti kif ukoll adattabbli. Il-konklużjonijiet tal-lum jenfasizzaw l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċa s-settur tal-media awdjoviżiva tal-UE u jappellaw għal approċċ li jiżgura li ċ-ċittadini kollha tagħna jkunu protetti minn kontenut ta' ħsara fis-snin li ġejjin. L-iżvilupp tat-teknoloġija huwa inevitabbli - il-kompitu tagħna mhuwiex li niċħdu dawn il-bidliet iżda li nħejju għall-użu effettiv tagħhom.

Hanna Wróblewska, Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali tal-Polonja

Hanna Wróblewska, Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali tal-Polonja

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza r-rwol kruċjali tal-AVMSD fl-għoti ta' qafas legali għas-salvagwardja u l-promozzjoni ta' suq divers, ġust, sikur, affidabbli u kompetittiv għall-media awdjoviżiva fl-UE, kif ukoll fl-iżgurar ta' kontenut awdjoviżiv indipendenti, affidabbli u kulturalment divers.

Artisti fil-bidu tal-karriera

Il-ministri approvaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-artisti żgħażagħ u l-professjonisti kulturali u kreattivi biex jibdew il-karrieri tagħhom.

L-artisti u l-professjonisti kulturali, u l-appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi, huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026. Madankollu, l-artisti u l-kreaturi żgħażagħ għadhom qed jiffaċċjaw ħafna sfidi, u dawn il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw dawk l-isfidi permezz ta' għadd ta' inizjattivi u azzjonijiet issuġġeriti.

Il-Boxxla Kulturali u l-futur ta' Ewropa Kreattiva

Il-ministri ħadu sehem f'dibattitu ta' orjentazzjoni li ffoka fuq żewġ suġġetti: il-programm Ewropa Kreattiva futur, u l-qafas strateġiku li jmiss għall-kultura magħruf bħala l-"Boxxla Kulturali".

B'mod partikolari, huma ddiskutew l-isfidi attwali li jinsabu quddiem is-setturi kulturali u kreattivi, u jekk il-Programm Ewropa Kreattiva għandux jiġi aġġustat sabiex jindirizza aħjar dawk l-isfidi u sa liema livell.

Huma esploraw ukoll modi kif il-Boxxla Kulturali tista' tagħmel xi ħaġa differenti mill-istatus quo u tiżgura li l-importanza strateġika tal-kultura tiġi rikonoxxuta flimkien mal-prijoritajiet politiċi ġodda li qed ifeġġu fil-livell tal-UE u tal-istati membri.

Affarijiet oħra

  • Suċċessi tal-mudell Ewropew ta' finanzjament u regolatorju għaċ-ċinema (informazzjoni minn Franza)
  • Kiruna: Kapitali Ewropea tal-Kultura 2029 (informazzjoni mill-Iżvezja)
  • White Paper ta' Chemnitz: 40 rakkomandazzjoni minn 40 sena tal-ECoC (informazzjoni mill-Ġermanja)
  • Il-valur tas-settur tal-kultura u dak kreattiv fl-iżvilupp tal-IA: is-salvagwardja tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati u l-iżgurar tat-trasparenza fil-Kodiċi ta' Prattika skont l-Att dwar l-IA (informazzjoni minn Spanja u l-Portugall, appoġġata mill-Italja)
  • Mondiacult 2025: Konferenza Dinjija tal-UNESCO dwar il-Politiki Kulturali u l-Iżvilupp Sostenibbli (Barċellona, 29 ta' Settembru – 1 ta' Ottubru 2025) (informazzjoni minn Spanja)
  • It-trasparenza tas-sjieda u l-finanzjament tal-media (informazzjoni mill-Kroazja)
  • Il-katalizzazzjoni tal-appoġġ globali għall-kultura u l-wirt kulturali tal-Ukrajna fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna f'Ruma, 10-11 ta' Lulju 2025 (informazzjoni mill-Italja)
  • Il-kontribut tal-kooperazzjoni tal-UE fil-kultura għal tifkira Ewropea kondiviża u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE (informazzjoni mil-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja)
  • Il-kontribut tal-kultura għall-preparatezza tal-UE: preservazzjoni fit-tul tal-wirt kulturali diġitali (informazzjoni mill-Estonja)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-Danimarka)

Sport

L-isport fl-edukazzjoni

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar approċċ integrat għall-isport u l-attività fiżika fil-kuntest edukattiv.

It-tfal u ż-żgħażagħ qed isiru dejjem aktar sedentarji, b'konsegwenzi potenzjalment serji għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Enfasi akbar fuq l-attività fiżika fl-edukazzjoni u aċċess aħjar għall-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra din ix-xejra inkwetanti, filwaqt li jippromwovu drawwiet tajbin għas-saħħa u mħabba għall-eżerċizzju fiżiku tul ħajjithom kollha.

Piotr Borys, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Isport u t-Turiżmu

Il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi attwali biex jiżdiedu l-livelli ta' attività fiżika fost it-tfal u ż-żgħażagħ u jiġi promoss l-isport bħala għodda għas-saħħa fiżika u mentali, speċifikament billi jeżaminaw kif il-kuntest tal-iskola (kemm fil-klassijiet kif ukoll barra) jista' jintuża biex l-attività fiżika tiġi inkorporata fil-ħajja ta' kuljum.

Ir-rwol tal-atleti

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-rwol tal-atleti fil-ħolqien ta' politiki tal-isport. Il-ministri ffukaw fuq il-valur tal-esperjenza u l-għarfien professjonali tal-atleti u ddiskutew modi kif jiġu involuti fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-isport fil-livelli kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-isfidi, il-propożizzjoni ta' soluzzjonijiet, u l-iżgurar li l-politiki jirriflettu l-ħtiġijiet tal-komunità sportiva.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • L-impatt tal-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fuq is-settur sportiv tal-Ukrajna (nota ta' informazzjoni mill-presidenza)
  • Id-dimensjoni Ewropea u soċjali tal-XXV Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa, Milan-Cortina 2026: avvenimenti sportivi kbar, il-Mudell Ewropew tal-Isport, u r-rwol tal-volontarjat (informazzjoni mill-Italja)
  • Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA): Laqgħa tal-Bord ta' Fondazzjoni fil-5 ta' Diċembru 2024 (informazzjoni minn rappreżentant tal-istati membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA)
  • 9 ta' Mejju 2025: L-isport jiċċelebra Jum l-Ewropa (informazzjoni minn Spanja)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-Danimarka)

Ikla ta' nofsinhar informali

Il-ministri għall-isport ħadu sehem f'dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar dwar is-suġġett tal-kooperazzjoni transsettorjali għall-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika fl-iskejjel.

It-Tnejn 12 ta' Mejju

Edukazzjoni

Pakkett dwar l-edukazzjoni għolja

Bħala parti mill-pakkett dwar l-edukazzjoni għolja, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar sistema Ewropea ta' assigurazzjoni tal-kwalità u ta' rikonoxximent fl-edukazzjoni għolja u approva riżoluzzjoni dwar tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-passi li jmiss lejn lawrja Ewropea konġunta possibbli.

Andrzej Szeptycki, Viċi Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Il-ftehimiet li ntlaħqu llum iwassluna pass eqreb lejn waħda mill-prijoritajiet strateġiċi ewlenin għall-futur tal-edukazzjoni għolja fl-UE: lawrja Ewropea konġunta possibbli li tagħti spinta lill-attraenza u l-kompetittività tal-edukazzjoni għolja Ewropea fuq skala globali. Dawn jirrappreżentaw pass importanti fl-isforzi tagħna biex napprofondixxu l-kooperazzjoni Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja u nsaħħu l-pożizzjoni globali tiegħu.

Andrzej Szeptycki, Viċi Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Andrzej Szeptycki, Viċi Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Ir-rakkomandazzjoni tiffoka fuq it-titjib tas-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja biex jissaħħu l-fiduċja, ir-responsabbiltà, u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali madwar l-UE. Din tinkludi sett ta' kriterji li abbażi tagħhom tista' tingħata tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta lil programmi konġunti mwassla permezz ta' kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti, li jinkludu mill-inqas żewġ stati membri tal-UE. Ir-riżoluzzjoni tistabbilixxi l-viżjoni tal-Kunsill għal tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u tipproponi pjan direzzjonali bi tliet fażijiet li għandhom jitwettqu sal-2029.

Prattiki inklużivi u ċċentrati fuq l-istudent

Il-ministri approvaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prattiki inklużivi u ċċentrati fuq l-istudent fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni skolastika. Il-konklużjonijiet jirriflettu l-ħtieġa li jinbnew sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi, u li jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja u inklużivi.

Unjoni tal-Ħiliet

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-rwol tal-Unjoni tal-Ħiliet fit-tisħiħ taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA).

Il-ministri ddiskutew kif l-Unjoni u l-EEA jistgħu jikkomplementaw lil xulxin bl-aħjar mod biex jiżguraw edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn.

Huma qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar liema elementi ewlenin tal-Unjoni tal-Ħiliet għandhom jingħataw prijorità sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tal-EEA, u esploraw kif il-governanza tista' tiġi ssimplifikata biex jiġu żgurati koerenza akbar u teħid ta' deċiżjonijiet aktar rapidu.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar l-UE permezz tal-edukazzjoni (informazzjoni mill-presidenza)
  • L-impatt negattiv tal-użu tal-ismartphones fl-iskejjel (informazzjoni mill-Awstrija, l-Italja u l-Iżvezja)
  • Konferenza informali f'Ruma, 27-28 ta' Ġunju 2025: Sena wara l-laqgħa ministerjali tal-G7 dwar l-edukazzjoni, x'passi għandhom jittieħdu biex tittejjeb aktar il-kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni? (informazzjoni mill-Italja)
  • Il-kontribut tal-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-reġimi totalitarji u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE (informazzjoni mill-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja)
  • Is-7 Forum Globali tal-OECD dwar il-Futur tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet 2040 fi Bratislava, 24-26 ta' Novembru 2025 (informazzjoni mis-Slovakkja)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-Danimarka)

Ikla ta' nofsinhar informali

Sar dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar rigward ir-reżiljenza u t-tħejjija tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Żgħażagħ

Impatt tad-diżinformazzjoni online

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-suġġett tad-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni u t-theddid fiċ-ċiberspazju u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja taż-żgħażagħ.

Barbara Nowacka, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Polonja

Iż-żgħażagħ dejjem aktar qed jisfaw vittmi ta' diżinformazzjoni online li tfixkel il-perċezzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet kritiċi u tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tagħhom. Biex niġġieldu kontra dan it-theddid dejjem akbar, jeħtieġ li nieħdu azzjoni fil-livell tal-UE biex inrawmu l-litteriżmu diġitali u medjatiku fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, ngħinuhom jiżviluppaw reżiljenza akbar għall-manipulazzjoni online u nrawmu ambjent diġitali aktar sikur.

Barbara Nowacka, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Polonja

Barbara Nowacka, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Polonja

B'mod partikolari l-ministri ddiskutew kif jistgħu jgħammru aħjar liż-żgħażagħ bil-ħiliet diġitali, il-ħiliet ta' ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku meħtieġa biex jivvalutaw il-kontenut online u jibnu r-reżiljenza għad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni fl-ambjent diġitali.

Huma ssuġġerew ukoll strumenti u azzjonijiet fil-livell tal-UE li jistgħu jtejbu r-reżiljenza taż-żgħażagħ għad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni online, jippromwovu involviment pożittiv u responsabbli mal-għodod diġitali u jħejjuhom aħjar għal parteċipazzjoni demokratika infurmata u attiva fl-era diġitali.

Komunità ta' żgħażagħ fl-Ewropa

Il-ministri għaż-żgħażagħ tal-UE approvaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar komunità ta' żgħażagħ fl-Ewropa bbażata fuq il-valuri Ewropej għal Ewropa komuni u sikura.

F'konformità mal-prijoritajiet tal-presidenza Pollakka, il-konklużjonijiet jesploraw modi kif tissaħħaħ l-identità Ewropea fost iż-żgħażagħ Ewropej, b'mod partikolari billi jiġu promossi aspetti bħall-edukazzjoni u t-taħriġ dwar iċ-ċittadinanza demokratika, il-litteriżmu diġitali u fil-media, u l-bini tal-komunità.

Dawn jirriflettu l-eżitu tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li saret f'Lublin f'Marzu bħala parti mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

Governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

Il-ministri approvaw riżoluzzjoni tal-Kunsill li tirrieżamina l-linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

Ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li taġġorna l-governanza, filwaqt li tqis l-iżviluppi u t-tagħlimiet meħuda mir-rieżami preċedenti fl-2019, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Eżitu tad-diskussjoni li saret fil-laqgħa informali waqt il-kolazzjon tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (informazzjoni mill-presidenza)
  • L-impatt tal-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fuq iż-żgħażagħ Ukreni (informazzjoni mill-presidenza)
  • Il-kontribut tal-kooperazzjoni tal-UE permezz tal-politika għaż-żgħażagħ fit-trawwim ta' tifkira Ewropea kondiviża u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE (informazzjoni mil-Litwanja, appoġġata mill-Estonja u l-Latvja)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-Danimarka)

Kolazzjon informali

Saret laqgħa informali waqt il-kolazzjon, intitolata "Konnessi iżda b'liema prezz? Iż-żgħażagħ, il-media soċjali u l-futur tal-benesseri online".

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Mejju 2025