"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Barranin (Żvilupp), 4 ta' Mejju 2023
Riżultati ewlenin
Il-Kunsill Affarijiet Barranin, fil-konfigurazzjoni tiegħu "Żvilupp", sar fi Brussell fl-4 ta' Mejju 2023.
Il-ministri għall-iżvilupp kellhom skambju ma' Rebeca Grynspan Mayufis, Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) biex jiddiskutu l-konsegwenzi dinjija tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Id-diskussjoni ffukat fuq kif l-UE u n-NU jistgħu jieħdu azzjonijiet biex jirrispondu għall-kriżijiet interkonnessi tal-ikel, l-enerġija u l-finanzjament u jagħtu spinta mġedda lill-Aġenda 2030.
Is-Segretarju Ġenerali informa dwar il-ħidma tal-Grupp tan-NU ta' Rispons għall-Kriżijiet Globali dwar l-Ikel, l-Enerġija u l-Finanzi u dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali.
Għandna bżonn insaħħu r-rispons dinji għall-kriżi tal-ikel, u l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali hija kruċjali f'dan ir-rigward. Bis-saħħa tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, stajna nesportaw kważi 30 miljun tunnellata ta' ħbub u prodotti oħra. Il-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti kienet kruċjali, u nixtieq nirringrazzjahom ta' dan.
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-ministri ddiskutew ukoll ir-riforma tal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs). Il-Kummissarju Gentiloni ngħaqad mad-diskussjoni, li inkludiet azzjonijiet proposti u prinċipji komuni għar-riforma tal-MDBs biex titħejja pożizzjoni koerenti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jippromwovu f'fora internazzjonali.
Taħt il-ġrajjiet kurrenti, ir-Rappreżentant Għoli rrefera għall-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna b'enfasi fuq il-ħtiġijiet finanzjarji u ta' rikostruzzjoni, anke fid-dawl tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna f'Londra fil-21 u l-22 ta' Ġunju.
Ir-rappreżentant Għoli qajjem ukoll is-suġġett tas-Sudan fid-dawl tal-iżviluppi reċenti u tenna li
l-UE u l-istati membri tagħha kkundannaw bil-qawwa l-ġlied li għaddej bejn il-Forzi Armati Sudaniżi u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu, li jhedded is-sikurezza u s-sigurtà tal-poplu tas-Sudan kif ukoll l-għaqda u l-istabbiltà tal-pajjiż.
Il-ministri ttrattaw ukoll l-Afganistan fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, inkluż il-projbizzjoni li n-nisa Afgani jaħdmu mal-aġenziji tan-NU.
Taħt affarijiet oħra, il-Kummissarju Jutta Urpilainen aġġornat lill-ministri dwar l-investimenti tal-Global Gateway fid-dawl tas-Summit UE-CELAC fis-17 u t-18 ta' Lulju.
Ir-Rappreżentant Għoli qajjem ukoll is-suġġett tal-iffirmar tal-ftehim ta' wara Cotonou u ħeġġeġ lill-istati membri biex jilħqu ftehim malajr.
Il-ministri ttrattaw ukoll il-Konferenza internazzjonali tad-donaturi dwar il-kriżi umanitarja fil-Qarn tal-Afrika, li ser tiġi koorganizzata mill-Italja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Qatar fi New York fl-24 ta' Mejju. L-objettiv tal-avveniment huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-kobor tal-kriżi u tinġabar għajnuna finanzjarja biex jiġu indirizzati l-aktar l-ħtiġijiet urġenti kif ukoll il-kawżi ewlenin tal-kriżi.
Qabel il-bidu tal-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet waqt il-kolazzjon ma' Werner Hoyer, President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Il-ministri ffukaw fuq il-kisbiet u l-perspettivi tal-operazzjonijiet tal-BEI Globali barra mill-UE u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp. Id-diskussjoni indirizzat ukoll il-kooperazzjoni tal-BEI ma' atturi oħra ta' Tim Ewropa u dwar ir-rwol tal-Grupp Konsultattiv tal-Bord tal-BEI Globali, li jagħti pariri lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI dwar l-operazzjonijiet barra mill-UE.
Konklużjonijiet tal-Kunsill
Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar il-korruzzjoni bħala ostaklu għall-iżvilupp.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.