Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 20 ta' Marzu 2023

Riżultati ewlenin

Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Qabel id-diskussjoni fil-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, għamel indirizz qasir lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u aġġornahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet militari tal-Ukrajna, b'mod partikolari l-ħtieġa urġenti ta' munizzjon.

F'sessjoni konġunta li laqqgħet flimkien il-ministri għall-affarijiet barranin u għad-difiża tal-UE, il-Kunsill imbagħad qabel dwar il-proposta fuq tliet binarji mressqa mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju Breton biex b'mod urġenti l-Ukrajna tingħata munizzjon tal-artillerija, jew minn stokkijiet eżistenti inkella akkwistati b'mod konġunt.

Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Illum, il-Kunsill ikkonferma l-qbil tiegħu dwar dan l-approċċ fuq tliet binarji. Id-deċiżjoni tal-lum hija importanti minħabba l-ambizzjoni tagħha – aħna ser naħdmu bi skadenzi stretti ħafna peress li l-għan huwa li nipprovdu miljun munizzjon f'sena – minħabba l-ambitu tagħha – ser nikkombinaw il-konsenja minn stokkijiet eżistenti u akkwist konġunt ta' produzzjoni ġdida – u minħabba l-volum finanzjarju tagħha – qed nitkellmu fuq madwar €2 biljun ta' rimborż. [...] Il-Kunsill qabel ukoll li jikkunsidra żieda ulterjuri fil-kapaċità finanzjarja ġenerali tal-EPF bi €3.5 biljun.
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Fil-marġini tal-laqgħa, 17-il stat membru tal-UE u n-Norveġja ffirmaw l-arranġament tal-proġett tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għall-akkwist kollaborattiv ta' munizzjon sabiex tingħata għajnuna lill-Ukrajna u jiġu rikostitwiti l-ħażniet nazzjonali tal-istati membri.

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-formula ta' paċi tal-President Zelenskyy. Il-Kunsill esprima l-appoġġ tiegħu u ser ikompli jwettaq jiġġestixxi l-kuntatti mal-Ukrajna u ma' sħab oħra biex jippromwovi l-pjan u paċi ġusta.

Rigward l-obbligu ta' rendikont, il-ministri semmew fil-qosor id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li jinħareġ mandat ta' arrest għall-President Putin b'rabta mal-allegat delitt ta' deportazzjoni ta' tfal Ukreni lejn ir-Russja. Il-Kunsill ser ikompli jaħdem biex jidentifika lil dawk involuti fid-deportazzjoni tat-tfal, bl-għan li jadotta aktar miżuri restrittivi.

Fl-aħħar nett, il-ministri semmew fil-qosor ukoll l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, li ġiet estiża eżatt qabel il-laqgħa tal-Kunsill, u ssottolinjaw il-kontribut sostanzjali tal-UE għall-isforzi biex tiġi appoġġata l-esportazzjoni ta' ikel Ukren permezz tal-korsiji ta' solidarjetà.

Tuneżija

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija.

It-Tuneżija hija pajjiż ġar u sieħeb qrib ħafna tal-UE, u l-iżviluppi fil-pajjiż għandhom impatt immedjat fuq l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' instabbiltà fil-Mediterran.

Il-Kunsill esprima r-rieda tiegħu li jkompli jappoġġa lill-poplu Tuneżin iżda enfasizza l-urġenza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Huwa tenna wkoll li huwa indispensabbli li t-tmexxija Tuneżina tipproċedi bir-riformi strutturali u tiffinalizza l-programm diġà maqbul mal-Fond Monetarju Internazzjonali.

Il-Kunsill ser ikompli jissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib u żewġ membri tal-Kunsill Affarijiet Barranin ġew inkarigati mir-Rappreżentant Għoli biex jivvjaġġaw lejn it-Tuneżija biex jivvalutaw is-sitwazzjoni u jissuġġerixxu t-toroq 'il quddiem.

Ġrajjiet kurrenti

Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq tmien individwi u entità waħda addizzjonali responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, li jikkomplementaw il-pakketti ta' sanzjonijiet preċedenti adottati minn Ottubru 2022 'l hawn.

Ir-Rappreżentant Għoli għarraf lill-ministri tal-UE dwar il-ftehim milħuq f'Ohrid fil-kuntest tal-aħħar laqgħa ta' livell għoli tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina. F'pass importanti fil-proċess tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo*, il-partijiet qablu dwar l-anness ta' implimentazzjoni tal-ftehim aċċettat fil-laqgħa preċedenti ta' livell għoli fis-27 ta' Frar fi Brussell.

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Boxxla Strateġika

F'sessjoni konġunta, il-ministri għall-affarijiet barranin u għad-difiża tal-UE qiesu l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika tal-UE, sena wara l-approvazzjoni tagħha.

Il-ministri laqgħu l-progress miksub fl-erba' pilastri kollha, u identifikaw oqsma li jeħtieġu aktar ħidma.

Boxxla fuq sfond blu. Din l-infografika tiddeskrivi dak li nkiseb f'sena mit-tnedija tal-boxxla strateġika.
Il-Boxxla Strateġika sena wara: valutazzjoni (Infografika)

Il-Boxxla Strateġika sena wara: valutazzjoni (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025