"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin indirizza s-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-ġlied vjolenti li għaddej bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) mill-15 ta' April. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza l-importanza kruċjali ta' waqfien immedjat tal-ostilitajiet u ritorn għan-negozjati reġjonali, u rrapporta dwar l-evakwazzjoni tal-persunal u ċ-ċittadini tal-UE.
Il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-konsegwenzi ġeopolitiċi tagħha
Fil-Kunsill Affarijiet Barranin sar skambju ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Fil-bidu tad-diskussjoni tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, indirizza lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u għarrafhom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna, speċjalment f'termini ta' munizzjon u missili.
Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi, l-ewwel u qabel kollox l-Ukreni. Iżda jeħtieġ li tkun paċi ġusta. Sa dak iż-żmien ser inkomplu nappoġġaw id-difiża tal-Ukrajna.
Dan l-aħħar, iċ-Ċina, kif ukoll il-Brażil, leħħnu xi ideat dwar il-paċi. Għal sforzi kredibbli u onesti għall-paċi jeħtieġ li wieħed jitkellem ukoll ma' Kiev u jmur hemm biex jara l-aggressjoni mill-perspettiva ta' dawk li qed jiġu bbumbardjati.
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Ir-Rappreżentant Għoli saħaq li b'kollox l-UE u l-istati membri tagħha diġà ffaċilitaw it-twassil ta' aktar minn €13-il biljun f'appoġġ militari. Huwa aġġorna wkoll lill-ministri dwar l-appoġġ militari tal-UE lill-Ukrajna fil-kuntest tal-pjan fuq tliet binarji biex jiġu pprovduti miljun balla ta' munizzjon tal-artillerija lill-Ukrajna, minn stokkijiet eżistenti jew akkwistati b'mod konġunt.
Sa issa l-UE tat riżultati b'rabta mal-ewwel binarju permezz tal-adozzjoni ta' miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'valur ta' €1 biljun, imfassla biex tindirizza l-ħtiġijiet l-aktar immedjati tal-Ukrajna. L-istati membri tal-UE qed jiffinalizzaw ukoll il-ħidma fuq it-tieni binarju biex jiġi ffaċilitat l-akkwist konġunt. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea dalwaqt ser tippreżenta proposti konkreti dwar kif tista' tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tad-difiża Ewropea taħt it-tielet binarju.
Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar l-attivitajiet tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), li diġà qabżet il-mira inizjali tagħha permezz billi ħarrġet aktar minn 16,000 suldat Ukren. L-UE għandha l-għan li tħarreġ total ta' 30,000 suldat sa tmiem l-2023.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin imbagħad iddiskuta l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-aggressjoni Russa.
Dan huwa strument ewlieni li jistabbilixxi l-istrateġija tal-UE biex iżżid l-involviment bilaterali tagħha ma' sħab ewlenin fil-viċinat immedjat tagħha, l-Asja, l-Afrika u l-Amerka Latina. L-għan tal-pjan huwa li jissaħħu s-sħubijiet tal-UE madwar id-dinja permezz ta' impenn politiku u ekonomiku, u l-użu ewlieni tal-inizjattiva Global Gateway.
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE kellhom skambju informali waqt l-ikla ta' nofsinhar mal-ministru għall-affarijiet barranin tal-Georgia, Ilia Darchiashvili, li ffoka fuq il-perspettiva Ewropea tal-Georgia u l-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija tagħha.
Id-diskussjoni kkonfermat li l-Georgia għamlet progress sinifikanti f'ħafna riformi ewlenin, u enfasizzat li l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-media, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet indipendenti tal-istat huma elementi importanti għal kull pajjiż li jaspira li jissieħeb fl-UE.
Ġrajjiet kurrenti
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-Moldova u qabel dwar tliet miżuri konkreti b'appoġġ għall-pajjiż:
- il-Kunsill stabbilixxa missjoni ċivili ġdida ta' sħubija tal-PSDK tal-UE li ser issaħħaħ l-istrutturi tal-Moldova għall-maniġġar ta' kriżijiet u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għat-theddid ibridu
- il-Kunsill laħaq ftehim wiesa' dwar qafas ġdid għal sanzjonijiet kontra dawk li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u - il-Kunsill qabel li jalloka €40 miljun oħra mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jappoġġa l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Moldova
Dwar iċ-Ċina, ir-Rappreżentant Għoli indika li hemm oqsma fejn l-interessi tal-UE u taċ-Ċina jikkonverġu u jeħtieġ li jaħdmu flimkien, eż. biex jiġu indirizzati sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tad-dejn u s-saħħa globali. Enfasizza wkoll li l-UE tistenna li ċ-Ċina taġixxi fid-difiża tar-regoli u n-normi internazzjonali, fl-intier tagħhom u mhux selettivament, speċjalment fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni mhux ġustifikata u illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Ir-Rappreżentant Għoli laqa' d-dikjarazzjoni li fiha ċ-Ċina tbiegħdet mill-kummenti inaċċettabbli tal-ambaxxatur tagħha għal Pariġi, li kkuntrastaw mar-rikonoxximent taċ-Ċina tal-Ukrajna - inkluż bil-Krimea - fl-1991.
Deċiżjonijiet oħra
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-Etjopja u adotta miżuri restrittivi kontra:
- ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran - kummerċ tad-droga li jibbenefika minnu r-reġim Sirjan - persuni u entitajiet affiljati mal-ISIL u li joperaw fir-reġjun ta' Cabo Delgado fil-Mozambique
Il-Kunsill approva wkoll il-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi mingħajr diskussjoni.
Direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi
Il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u jgħin biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE.
Skont id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi, il-kumpaniji tal-UE ser ikunu meħtieġa jaqsmu informazzjoni dwar kemm iħallsu lin-nisa u l-irġiel għal xogħol ta' valur ugwali, u jieħdu azzjoni jekk id-differenza tagħhom fil-pagi bejn il-ġeneri taqbeż il-5%. Id-direttiva l-ġdida tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar kumpens għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi u penali, li jinkludu multi, għal impjegaturi li jiksru r-regoli.
Il-Kunsill adotta l-att leġiżlattiv li jwitti t-triq għal Sena Ewropea tal-Ħiliet għall-perjodu mid-9 ta' Mejju 2023 sat-8 ta' Mejju 2024.
L-objettiv ġenerali tas-Sena Ewropea huwa li tippromwovi mentalità ta' tiġdid u titjib tal-ħiliet. L-għan huwa li tingħata spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej u jinħolqu impjiegi ta' kwalità. L-enfasi fuq it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet għandha tgħin ukoll biex jitnaqqsu d-diskrepanzi u n-nuqqasijiet fil-ħiliet.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.