Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 20/09/2016, 20 ta' Settembru 2016

Riżultati ewlenin

Informazzjoni dwar il-laqgħa

Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas baġitarju tal-UE

Il-Kunsill kellu l-ewwel diskussjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas baġitarju tal-UE li jkopri s-snin 2014 sa 2020. Il-presidenza nediet immedjatament il-ħidma fuq dan il-fajl billi inkarigat lill-korpi preparatorji tal-Kunsill biex iwettqu eżami dettaljat tal-proposti tal-Kummissjoni. ''F’isem il-Presidenza, nixtieq nenfasizza li aħna lesti li ninvestu l-enerġija kollha tagħna biex niksbu riżultati pożittivi kemm jista’ jkun malajr,'’ qal Ivan Korčok, il-President tal-Kunsill.

Kunsill Ewropew

Il-ministri bdew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru billi jiddiskutu l-aġenda proviżorja. Il-mexxejja tal-UE ser jiltaqgħu fi Brussell fl-20 u l-21 ta’ Ottubru biex jieħdu kont tal-aħħar żviluppi fir-rigward tal-migrazzjoni, kif ukoll biex ikollhom diskussjoni komprensiva dwar il-politika kummerċjali tal-UE u r-relazzjonijiet mar-Russja. Il-ministri evalwaw ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju.

Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017

Wara d-diskors tal-President Juncker dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea, il-ministri ddiskutew il-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummissjoni għall-programm ta’ ħidma tagħha għall-2017 kif stabbiliti f’ittra ta’ intenzjoni. Huma appoġġaw b’mod ġenerali l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u indikaw dawk il-miżuri speċifiċi li jixtiequ jagħmlu aktar enfasi fuqhom. Il-kummenti tal-ministri ser jgħinu lill-Kummissjoni tħejji l-programm ta’ ħidma tagħha li hija mistennija tadotta f’Ottubru.

Ivan Korčok qal: ''L-għan aħħari tagħna huwa li ntejbu u nikkoordinaw aħjar il-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha. Għalhekk aħna ser nadottaw, aktar tard din is-sena, dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament dwar il-prijoritajiet komuni għas-sena ta’ wara''.

Il-Bożnija-Ħerzegovina

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jitolbu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija fl-UE. Il-Kunsill laqa’ l-progress li sar mill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-implimentazzjoni tal-aġenda tagħhom ta’ riforma u stedinhom biex ikomplu bl-isforzi tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom. Dan għandu jinkludi riformi soċjoekonomiċi, riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni pubblika.

''Politika ta’ tkabbir kredibbli hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza u ninsab kuntent li qed nagħmlu progress. It-tkabbir huwa għodda indispensabbli għad-dispożizzjoni tagħna biex nippromwovu d-demokrazija, l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat tagħna. U jekk pajjiż jagħmel il-parti tiegħu, l-UE għandha tagħmel il-parti tagħha wkoll,'' ikkonkluda Ivan Korčok.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025