Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 15-16/11/2016, 15 u 16 ta' Novembru 2016

Riżultati ewlenin

15 ta' Novembru

Analiżi/reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 

Il-Kunsill ta appoġġ wiesa’ għall-aħħar proposta tal-presidenza Slovakka dwar l-analiżi/reviżjoni baġitarja tal-qafas baġitarju pluriennali. Stat membru wieħed għad għandu riżerva u għadu ma jistax jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Il-proposta tal-presidenza tipprevedi aktar appoġġ finanzjarju sabiex jgħin lill-UE tiffaċċa l-isfidi attwali. Aktar flessibbiltà baġitarja għandha tippermetti lill-UE tindirizza avvenimenti mhux previsti b'mod aktar effettiv u malajr. Il-bidliet proposti jgħinu wkoll biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ kontijiet mhux imħallsa.

"Il-kompromess tagħna huwa mfassal biex il-qafas baġitarju tal-UE jkun adatt għas-snin li fadal tal-perjodu 2014-2020 billi jiġu pprovduti aktar flus biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni, tissaħħaħ is-sigurtà, tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi. Barra minn hekk, il-kompromess jevita li jkun hemm pressjoni żejda fuq il-baġits nazzjonali tal-istati membri fi żminijiet ta’ sforzi kontinwi biex jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi. Aħna issa ser ninfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar l-elementi kollha appoġġati mill-Kunsill. Ir-regolament rivedut jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, u nittamaw li niksbuha dalwaqt."

Ivan Korčok, negozjatur prinċipali tal-QFP tal-Presidenza Slovakka tal-Kunsill

Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 

Il-ministri bdew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Diċembru billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata. Fil-laqgħa tagħhom tal-15 ta’ Diċembru, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw erba’ punti:

  • il-migrazzjoni, fejn ser jistabbilixxu orjentazzjonijiet għal aktar ħidma fuq oqfsa ta’ sħubija, jivvalutaw l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni UE-Turkija u jiddiskutu r-riforma tas-sistema tal-asil tal-UE
  • is-sigurtà, b'enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-aġenda dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà esterna u d-difiża
  • l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, iż-żgħażagħ, fejn ser jagħmlu rendikont tal-progress fil-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi u fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
  • ir-relazzjonijiet esterni b’enfasi partikolari fuq ir-Russja u r-referendum tan-Netherlands dwar il-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna

 Mekkaniżmu tal-istat tad-dritt 

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-esperjenza s’issa tad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt stabbilit f’Diċembru 2014 biex jiġi promoss u salvagwardat l-istat tad-dritt. Il-presidenza ser tabbozza nota li tirrifletti l-fehmiet espressi u s-suġġerimenti li saru biex jittejjeb aktar id-djalogu dwar l-istat tad-dritt.

 

16 ta' Novembru

L-iffaċilitar tal-użu tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE 

Il-Ministri laqgħu l-adozzjoni mill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru ta’ regolament li jippermetti lill-istati membri li qed jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji biex jieħdu vantaġġ minn rati ogħla ta’ kofinanzjament tal-UE taħt il-politika ta’ koeżjoni. Ir-regolament ser jgħin lil Ċipru, il-Greċja u xi pajjiżi oħra li jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja biex jagħmlu użu aħjar mill-iffinanzjar tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Dan ma jżidx l-ammonti totali għal dawn il-pajjiżi.
Il-ministri kienu infurmati wkoll mill-Presidenza dwar l-istat attwali tal-ħidma fil-Kunsill dwar regolament li jissimplifika r-regoli li jirregolaw il-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (Fondi SIE) - l-hekk imsejjaħ regolament omnibus.

Ir-riżultati u l-ewwel valutazzjoni ta’ elementi ġodda tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE 

Il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar ir-riżultati miksuba fis-snin 2007–2013 u dwar l-ewwel valutazzjoni ta’ elementi ġodda tal-politika ta’ koeżjoni u tal-fondi SIE għall-perijodu 2014–2020. Id-diskussjoni ffukat fuq l-objettivi prinċipali tal-politika, il-miżuri meħuda biex dawn jintlaħqu u kif ir-riżultati ġew ikkomunikati liċ-ċittadini.

"Nemmen li nistgħu ngħidu li l-politika ta’ koeżjoni issa qiegħda fuq quddiem nett ta’ approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati għall-investiment tal-UE, u tista’ sservi bħala eżempju għal politiki oħra ffinanzjati mill-baġit tal-UE. It-tkabbir, l-impjiegi u l-isforzi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali għandhom jibqgħu prijoritajiet, u huwa estremament importanti li l-użu tal-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej jkunu kemm jista’ jkun sempliċi, aċċessibbli u komprensibbli għaċ-ċittadini."

Peter Pellegrini, Viċi Prim Ministru Slovakk għall-Investimenti u l-Informatizzazzjoni u President tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet li jindikaw l-impatt pożittiv li l-politika ta’ koeżjoni għandha f’dak li jirrigwarda l-istimular tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-konklużjonijiet jinkludu wkoll l-ewwel valutazzjoni ta’ għadd ta’ elementi ġodda li ġew introdotti fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-perijodu 2014-2020. Dawn jinkludu kwistjonijiet speċifiċi bħal l-hekk imsejħa kondizzjonalitajiet ex ante, li jintroduċu għadd ta’ kondizzjonijiet li għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma jinħarġu l-fondi, kif ukoll il-kondizzjonalità makroekonomika, li tiżgura li l-effikaċja tal-ħames fondi SIE ma jiġux imxekkla minn politiki makroekonomiċi ħżiena.

Streaming dirett, ritratti u filmati

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025