Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Is-summit UE-Balkani tal-Punent f'Sofija, 17/05/2018, 17 ta' Mejju 2018

Il-logo tas-summit tal-Balkani tal-Punent

Riżultati ewlenin

Is-summit UE-Balkani tal-Punent sar f’Sofija, il-Bulgarija, fis-17 ta’ Mejju. Dan laqqa' flimkien:

  • il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri tal-UE
  • il-mexxejja tas-6 pajjiżi sħab tal-Balkani tal-Punent: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kosovo*
“Illum aħna rriaffermajna l-impenn reċiproku tagħna għall-perspettiva Ewropea tar-reġjun kollu. Kif għidt waqt iż-żjara reċenti tiegħi fir-reġjun, l-Unjoni Ewropea hija u ser tibqa’ l-iktar sieħeb affidabbli tal-Balkani tal-Punent kollha. U f’termini konkreti ħafna, iddiskutejna kif intejbu l-konnessjonijiet ma’ u fi ħdan ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent.” Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Balkani tal-Punent

Il-mexxejja tal-UE qablu dwar id-dikjarazzjoni ta’ Sofija, li s-sħab tal-Balkani tal-Punent allinjaw ruħhom magħha. Huma adottaw ukoll l-aġenda ta’ prijoritajiet ta’ Sofija, bħala anness għad-dikjarazzjoni, li tiddeskrivi miżuri ġodda għal kooperazzjoni akbar fir-reġjun.

Perspettiva Ewropea

Waqt is-summit, il-mexxejja tal-UE rriaffermaw l-appoġġ inekwivokabbli tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. L-UE hija determinata li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għat-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tar-reġjun.

"Ma nara ebda futur ieħor għall-Balkani tal-Punent milli l-UE. M'hemm l-ebda alternattiva, m'hemm l-ebda pjan ieħor. Il-Balkani tal-Punent huma parti integrali mill-Ewropa u jappartjenu għall-komunità tagħna." Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Balkani tal-Punent

Is-sħab tal-Balkani tal-Punent reġgħu impenjaw ruħhom għal din il-perspettiva bħala l-għażla strateġika soda tagħhom. Huma rriaffermaw ukoll l-impenn tagħhom għall-valuri u l-prinċipji Ewropej, u għall-viżjoni ta' Ewropa b’saħħitha, stabbli u magħquda.

L-UE enfasizzat ukoll l-importanza ta’ relazzjonijiet ta’ viċinat tajba, stabbiltà reġjonali u kooperazzjoni reċiproka. Din tinkludi b’mod partikolari, it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal tilwim bilaterali u l-iddedikar ta' aktar sforzi għar-rikonċiljazzjoni.

Konnettività

Is-summit iffoka fuq it-tema tal-konnettività bil-ħsieb li jittejbu r-rabtiet mal-Balkani tal-Punent u fi ħdan ir-reġjun stess. Żieda fil-konnessjonijiet għandha tappoġġa l-istabbiltà politika, il-prosperità ekonomika u l-iżvilupp kulturali u soċjali fir-reġjun u lil hinn minnu.

L-UE impenjat ruħha li tkompli ssaħħaħ il-konnettività fid-dimensjonijiet kollha tagħha, inkluż:

  • il-konnessjonijiet tat-trasport
  • is-sigurtà tal-enerġija
  • l-ekonomija diġitali
  • il-klima tan-negozju
  • l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ

L-aġenda ta’ prijoritajiet ta’ Sofija, annessa mad-Dikjarazzjoni tas-summit, tiddeskrivi inizjattivi konkreti ġodda biex tingħata spinta lill-konnettività. Pereżempju, il-finanzjament għall-programm Erasmus+ ser ikun irduppjat biex jippermetti li aktar żgħażagħ jistudjaw fl-UE.

Il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Il-parteċipanti tas-Summit iddiskutew ukoll l-isfidi komuni tas-sigurtà. "Meta naħdmu flimkien, inkunu kapaċi nindirizzaw dawn l-isfidi b’mod effettiv”, qalu l-mexxejja tal-UE.

Huma appellaw biex tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni biex iwaqqfu l-flussi ta’ migrazzjoni illegali. Il-mexxejja tal-UE qablu wkoll sabiex iżidu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, inkluż il-finanzjament, ir-radikalizzazzjoni u r-ritorn ta’ ġellieda barranin.

Il-parteċipanti qablu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija essenzjali għat-trasformazzjoni tar-reġjun, kif ukoll għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali. Huma qablu wkoll li jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex irażżnu d-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu.

Is-Summit UE-Balkani tal-Punent li jmiss ser isir matul il-Presidenza Kroata tal-Kunsill fl-2020.

Aktar informazzjoni dwar is-summit hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Kummissjoni:

Avvenimenti paralleli

Fis-16 ta’ Mejju, lejlet is-summit, il-President Tusk stieden lill-mexxejja tal-UE għal pranzu informali. Dan il-pranzu kien parti mill-Aġenda tal-Mexxejja u ffoka fuq l-Ewropa diġitali, ir-riċerka, u l-innovazzjoni.

“Qbilna li l-UE ser iżżid l-isforzi tagħha dwar id-diġitali u l-innovazzjoni sabiex tilqa' l-isfida tar-rivoluzzjoni teknoloġika. Għandkom tistennew deċiżjonijiet konkreti meta niltaqgħu formalment f’Ġunju.” Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Balkani tal-Punent

Il-mexxejja tal-UE kellhom ukoll skambju ta’ fehmiet dwar il-ftehim nukleari mal-Iran. Huma qablu b’mod unanimu li l-UE ser iżżomm mal-ftehim sakemm l-Iran jibqa' impenjat bis-sħiħ lejh.

Il-Kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern iddiskutew ukoll il-kummerċ mal-Istati Uniti:

“Ilkoll flimkien ilħaqna approċċ li ser isaħħaħ lill-Kummissjoni fin-negozjati tagħha li għaddejjin mal-Istati Uniti. L-UE hija saħansitra lesta li titkellem dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mal-ħbieb tagħna l-Amerikani iżda biss jekk l-Istati Uniti tiddeċiedi dwar eżenzjoni mingħajr limiti mit-tariffi tal-azzar u tal-aluminju.” Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-summit UE-Balkani tal-Punent

Qabel il-pranzu nħarġet nota tal-Aġenda tal-Mexxejja li tiddeskrivi l-kwistjonijiet ewlenin li ser jiġu diskussi.

Il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill organizzat ukoll għadd ta' avvenimenti paralleli madwar is-summit. Dawn taw opportunità biex tintwera l-firxa tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent lil hinn mill-aspetti intergovernattivi.

Fis-16 ta' Mejju, il-Kunsill Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet Barranin u ċ-Ċentru għall-Istudji Ewropej "Wilfried Martens" organizza l-konferenza "In dialogue with the Western Balkans: creating a region of growth, security and connectivity on the path to Europe".

Fis-16 ta' Mejju wkoll, il-Forum Bulgaru għall-Mexxejja tan-Negozji organizza avveniment "Investment prospective: Western Balkans". Dan iffoka fuq il-potenzjal ekonomiku tal-Balkani tal-Punent kif ukoll l-orizzonti ta’ investiment fir-reġjun.

Fis-17 ta’ Mejju, il-Forum Ekonomiku Dinji ospita, flimkien mal-Presidenza Bulgara, djalogu strateġiku dwar il-Balkani tal-Punent. L-għan kien li jitmexxew 'il quddiem sħubijiet privati-pubbliċi li jappoġġjaw l-investiment fir-reġjun.

Fit-18 ta’ Mejju, il-Forum Ekonomiku ta’ Vjenna ospita s-"Sofia Talks 2018" li ffukaw fuq il-kooperazzjoni ekonomika reġjonali.

Fl-istess jum, ġie organizzat avveniment dwar l-ekonomija ċirkulari u t-teknoloġiji nodfa mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Ilma tal-Bulgarija u Cleantech Bulgaria.

Barra minn hekk, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) nieda r-rotta tal-wirt kulturali UE-Balkani tal-Punent. Ġew organizzati diversi inizjattivi u avvenimenti biex jiġi promoss il-wirt kulturali għani tal-Balkani tal-Punent, bħala parti mis-sena Ewropea tal-wirt kulturali.

Iż-żjara tal-President Tusk fir-reġjun qabel is-summit

Mill-24 sas-27 ta’ April, il-President Tusk ivvjaġġa lejn Tirana, Podgorica, Belgrad, Pristina, Sarajevo u Skopje. Huwa ltaqa' mal-mexxejja ta' kull wieħed mis-sħab tal-Balkani tal-Punent biex iħejji s-summit li ġej u biex jiddiskuti r-relazzjonijiet bilaterali mal-UE. Fi tmiem il-mawra tiegħu fir-reġjun, il-President Tusk ipparteċipa fis-summit tal-proċess ta' Brdo-Brijuni fi Skopje.

"Din il-ġimgħa kont qed nivvjaġġa mar-reġjun kollu. Ġejt fil-Balkani tal-Punent b’messaġġ ċar mill-mexxejja tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea: l-offerta tagħna ta' perspettiva Ewropea għar-reġjun tibqa' waħda soda. Tistgħu torbtu fuqna." Il-President Donald Tusk waqt il-konferenza stampa tas-summit ta' Brdo-Brijuni, 27 ta' April 2018
L-UE qed tibni rabtiet b'saħħithom mar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent permezz ta' investimenti fit-trasport, appoġġ finanzjarju għal riformi, il-programm Erasmus+, skambji kummerċjali, u solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi.
Nikkollegaw l-UE u l-Balkani tal-Punent (Infografika)

Nikkollegaw l-UE u l-Balkani tal-Punent (Infografika)

L-ekonomiji tal-UE u tal-Balkani tal-Punent huma interkonnessi. L-UE hija s-sieħeb kummerċjali, l-investitur u d-donatur numru wieħed fir-reġjun.
L-UE u l-Balkani tal-Punent interkonnessi (Infografika)

L-UE u l-Balkani tal-Punent interkonnessi (Infografika)

Informazzjoni ġenerali

F'Marzu 2017, il-mexxejja tal-UE rriaffermaw l-appoġġ inekwivokabbli tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent:

"Il-Kunsill Ewropew [...] irriafferma l-appoġġ inekwivokabbli tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Filwaqt li jilqa' l-progress li sar mill-pajjiżi tar-reġjun, il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-UE tibqa' impenjata u involuta fil-livelli kollha biex tappoġġjahom fit-twettiq ta' riformi u proġetti orjentati lejn l-UE." Konklużjonijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew, 9 ta' Marzu 2017

Fis-6 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija għall-Balkani tal-Punent. Din tiddeskrivi l-perspettiva Ewropea tar-reġjun, ir-riformi li jeħtieġ jiġu implimentati, u l-għajnuna msaħħa tal-UE biex tappoġġa l-proċess ta' bidla fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll sitt inizjattivi tal-UE biex tappoġġa dak il-proċess fir-reġjun f'oqsma ta' interess reċiproku.

Fit-8 ta' Marzu 2018, il-ministri għall-affarijiet interni tal-UE ddiskutew il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent fil-qasam tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-bażi tal-istrateġija l-ġdida ppreżentata mill-Kummissjoni. L-eżitu ta' din id-diskussjoni ser jikkontribwixxi għat-tħejjijiet tas-summit.

"Is-sigurtà fil-Balkani tal-Punent għandha impatt dirett fuq is-sigurtà fl-UE. Aħna impenjati li nikkooperaw aħjar mar-reġjun biex niġġieldu t-theddid mill-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u b'hekk insaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE." Valentin Radev, ministru għall-intern tal-Bulgarija

Il-proċess ta' tkabbir u ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni ma ġiex diskuss waqt is-summit. Minflok, ser jiġi vvalutat f'konformità mal-prattika stabbilita. Dan jinvolvi li l-Kunsill Affarijiet Ġenerali jwieżen il-proċess ta' tkabbir kull sena. Din is-sena l-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-rapporti ta' progress regolari tagħha fis-17 ta' April u l-Kunsill Affarijiet Ġenerali mistenni jadotta l-konklużjonijiet f'Ġunju.

Is-summit UE-Balkani tal-Punent isir bħala parti mill-Aġenda tal-Mexxejja. Dan huwa programm ta' ħidma konkret biex jiggwida l-azzjoni tal-UE sa Ġunju 2019. Għal aktar tagħrif dwar l-Aġenda tal-Mexxejja, żur il-paġna hawn taħt:

Għal aktar informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, żur is-siti web li ġejjin:

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025