Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Laqgħa tal-mexxejja UE-Turkija f'Varna (il-Bulgarija), 26 ta' Marzu 2018

Riżultati ewlenin

Il-mexxejja tal-UE ospitaw lill-president Tork, Recep Tayyip Erdoğan fir-residenza Evksinograd f’Varna, il-Bulgarija.

L-UE kienet irrappreżentata minn Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u Boyko Borissov, il-Prim Ministru tal-Bulgarija.

Il-mexxejja kellhom diskussjoni estensiva fuq ir-relazzjoni bejn l-UE u t-Turkija u t-triq ’il quddiem. Aktar speċifikament, huma ddiskutew:

  • il-kooperazzjoni fuq il-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni
  • l-interess komuni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • l-istat tad-dritt fit-Turkija
  • L-aħħar azzjonijiet tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-Baħar Eġew
  • L-involviment tat-Turkija fis-Sirja
Il-laqgħa tagħna tal-lum uriet li filwaqt li r-relazzjoni tagħna għaddejja minn żminijiet diffiċli, fl-oqsma fejn aħna tabilħaqq nikkooperaw, nikkooperaw sew. Nikkonfermaw mill-ġdid ir-rieda tagħna li nkomplu d-djalogu u l-konsultazzjonijiet u li naħdmu flimkien biex negħlbu d-diffikultajiet attwali bil-ħsieb li joħroġ l-potenzjal tas-sħubija tagħna. Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk

Migrazzjoni

Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu l-kooperazzjoni mill-qrib fuq il-migrazzjoni. L-UE tenniet l-impenn tagħha li toffri aktar appoġġ biex ittejjeb il-qagħda tar-refuġjati fit-Turkija.

“Nixtieq nesprimi l-apprezzament tagħna għall-ħidma impressjonanti li t-Turkija ilha twettaq, u nirringrazzja sinċerament lit-Turkija u lill-poplu Tork talli laqgħu aktar minn tliet miljun refuġjat Sirjan f’dawn l-aħħar snin”, qal il-President Tusk.

Sirja

L-UE leħħnet it-tħassib tagħha dwar l-azzjonijiet tat-Turkija fis-Sirja, speċjalment fir-reġjun tal-Majjistral ta’ Afrin, li issa hu kkontrollat mill-forzi militari Torok u l-alleati tagħhom.

F’dan il-kuntest l-UE talbet lit-Turkija tiżgura l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tiffaċilita l-aċċess għall-għajnuna umanitarja.

Relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-pajjiżi tal-UE

Il-President Tusk esprima tħassib dwar l-aħħar azzjonijiet tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-Baħar Eġew, li l-mexxejja tal-UE ddeskrivew bħala “illegali” fl-aħħar summit tagħhom tal-UE fi Brussell.

Huma fakkru wkoll fl-obbligu tat-Turkija li tirrispetta r-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-istati membri kollha tal-UE. Din hi l-kondizzjoni biex jimxu ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, inkluż il-proċess ta’ adeżjoni.

“L-Unjoni Ewropea tinsab magħquda mar-Repubblika ta’ Ċipru”, qal il-President Tusk f’Varna.

L-istat tad-dritt fit-Turkija

Il-mexxejja ddiskutew l-azzjonijiet tat-Turkija wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat f’Lulju 2016. Huma qalu li jifhmu l-ħtieġa tat-Turkija li tiżgura s-sigurtà tagħha. Madankollu, issottolinjaw li bħala pajjiż kandidat biex jissieħeb fl-UE, it-Turkija ħadet impenn li jkollha l-ogħla standards ta’ demokrazija.

“Ninsabu mħassba li xi wħud mill-metodi użati jdgħajfu l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt fit-Turkija”, qal il-President Tusk.

L-UE kienet talbet lit-Turkija taħdem mal-Kunsill tal-Ewropa, l-organizzazzjoni favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bbażata fi Strasburgu, biex tindirizza n-nuqqasijiet tagħha.

Informazzjoni ġenerali

Il-laqgħa bniet fuq il-laqgħa preċedenti tal-mexxejja tal-25 ta' Mejju 2017 u d-diskussjonijiet li saru minn dakinhar 'il hawn. Saru djalogi ta' livell għoli bejn l-UE u t-Turkija fir-rigward tat-trasport, il-kooperazzjoni ekonomika, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-politika barranija.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa

  • +32 2 281 55 23
  • +32 470 95 75 61

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025