Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Balkani tal-Punent, 13 ta' Diċembru 2023

Riżultati prinċipali

Sena wara s-summit tal-2022 f'Tirana, il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent iltaqgħu fi Brussell għar-raba' summit annwali tagħhom.

Is-summit kien opportunità biex tiġi affermata mill-ġdid il-perspettiva tas-sħubija fl-UE tal-Balkani tal-Punent kif ukoll il-ħtieġa għal kisbiet ta' riforma sostnuti u irriversibbli tas-sħab, mirfuda mill-valuri u l-prinċipji tal-UE.

Il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni tagħna. Dikjarazzjoni ta' Brussell

Is-suġġetti ewlenin tad-diskussjoni kienu:

  • kif is-sħab tal-Balkani tal-Punent jistgħu jitqarrbu lejn l-UE u javvanzaw l-integrazzjoni gradwali
  • il-bini ta' pedament ekonomiku għall-ġejjieni u t-trażżin tal-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • it-tisħiħ tas-sigurtà u l-bini tar-reżiljenza

Fi tmiem is-summit, inħarġet id-dikjarazzjoni ta' Brussell.

Ritratt tal-grupp

Inqarrbu lis-sħab tal-Balkani tal-Punent lejn l-UE u navvanzaw l-integrazzjoni gradwali

L-UE tikkonferma mill-ġdid l-impenn sħiħ u inekwivoku tagħha għall-perspettiva ta' sħubija mal-Unjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent u tappella għall-aċċellerazzjoni tal-proċess ta' adeżjoni, abbażi ta' riformi kredibbli mis-sħab, kondizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji, li huwa fl-interess reċiproku tagħna. Dikjarazzjoni ta' Brussell

L-UE għandha l-għan li tqarreb il-Balkani tal-Punent lejn l-UE, tħejji t-triq għall-adeżjoni, u ġġib benefiċċji konkreti liċ-ċittadini tagħhom diġà matul il-proċess tat-tkabbir.

Għal dan l-għan, l-UE biħsiebha tesplora miżuri addizzjonali bil-għan li tkompli tavvanza l-integrazzjoni gradwali. L-UE tissottolinja wkoll l-importanza li jintuża b'mod sħiħ il-potenzjal tal-istrumenti legali eżistenti.

L-UE laqgħet id-determinazzjoni tas-sħab tal-Balkani tal-Punent li jirrispettaw u jimpenjaw ruħhom għall-valuri u l-prinċipji ewlenin Ewropej, f'konformità mad-dritt internazzjonali.

L-UE lesta teżamina l-proposti li saru fil-Pjan ta' Tkabbir ġdid, ippreżentat reċentement mill-Kummissjoni, għat-tisħiħ tal-integrazzjoni ekonomika tal-Balkani tal-Punent mal-UE.

Matul is-summit, il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent evalwaw il-progress li sar f'diversi oqsma bħal:

  • il-konnettività diġitali inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż tar-roaming tad-data
  • ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi universitarji u kwalifiki professjonali fir-reġjun
  • it-trasport u l-konnettività, inkluż il-Korsiji Ħodor u Blu bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent
  • l-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment, b'€16.6 biljun diġà mobilizzati
L-immaġni turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea fuq ix-xellug u siluwett blu tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fuq il-lemin, marbuta b'żewġ vleġeġ ħomor li jiffurmaw fluss ċirkolari, li jissimbolizzaw l-interazzjoni jew l-integrazzjoni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent.
L-investiment u l-kummerċ bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (Infografika)

L-investiment u l-kummerċ bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (Infografika)

L-UE laqgħet bis-sħiħ ukoll l-istabbiliment ta' kampus ġdid tal-Kulleġġ tal-Ewropa f'Tirana u t-tnedija tal-proċess ta' applikazzjoni għall-ewwel sena akkademika, 2024-2025.

Il-Kulleġġ tal-Ewropa f'Tirana: avveniment b'wegħdiet ta' donazzjonijiet
Il-Kulleġġ tal-Ewropa f'Tirana: avveniment b'wegħdiet ta' donazzjonijiet

Il-bini ta' pedament ekonomiku robust għall-ġejjieni u t-trażżin tal-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Ir-Russja ġġorr ir-responsabbiltà unika għall-kriżijiet fl-enerġija u fl-ekonomija li għadhom għaddejjin. L-użu tal-enerġija, l-ikel u l-informazzjoni bħala arma affettwa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent. Dikjarazzjoni ta' Brussell

Sabiex jittaffa l-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE hija determinata li tkompli tintensifika l-impenn politiku tagħha mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, minbarra l-assistenza diġà pprovduta.

L-UE ser tkompli tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-indirizzar tal-effetti negattivi fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom.

L-UE fakkret fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-mekkaniżmu tal-UE għax-xiri konġunt tal-gass u l-LNG għall-Balkani tal-Punent, u ħeġġet l-użu tiegħu mis-sħab li għandhom swieq tal-gass, biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-gass Russu.

Insaħħu s-sigurtà u l-bini tar-reżiljenza

Is-summit kien opportunità biex jiġu diskussi azzjonijiet koordinati dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża, li saru saħansitra aktar rilevanti fil-kuntest tal-aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna.

L-UE tibqa' determinata li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent dwar kwistjonijiet ewlenin ta' sigurtà u difiża. Dikjarazzjoni ta' Brussell

Dan jinkludi l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin u t-tisħiħ taċ-ċibersigurtà kollettiva.

Informazzjoni ġenerali

Is-summit huwa parti mill-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika 2019-2024 tal-UE.

Laqgħat preċedenti

L-aħħar summit bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent sar f'Tirana f'Diċembru 2022.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Diċembru 2024