Kif jaħdem it-tkabbir tal-UE
L-UE tintegra membri ġodda permezz tal-proċess ta' tkabbir ladarba jissodisfaw għadd ta' kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi. Kull pajjiż kandidat irid jissodisfa l-istess kundizzjonijiet u jieħu l-istess passi.
X'inhu t-tkabbir tal-UE?
It-tkabbir huwa l-proċess li bih l-istati jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, wara li jkunu ssodisfaw sett ta' kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi.
Kwalunkwe stat Ewropew li jirrispetta l-valuri demokratiċi tal-UE u li huwa impenjat li jippromwovihom jista' japplika għas-sħubija fl-UE.
Kriterji tal-adeżjoni
Il-kriterji tal-adeżjoni, jew il-kriterji ta' Copenhagen (imsemmija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen tal-1993 li ddefinihom), huma l-kundizzjonijiet essenzjali li l-pajjiżi kandidati kollha għandhom jissodisfaw biex isiru stat membru tal-UE. Dawn huma:
- kriterji politiċi: istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi
- kriterji ekonomiċi: ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità tal-pajjiż li jlaħħaq mal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq
- il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali biex jiġi implimentat b'mod effettiv l-acquis tal-UE (korp ta' drittijiet komuni) u l-kapaċità li l-pajjiż jidħol għall-obbligi tas-sħubija fl-UE
Il-kapaċità tal-UE li ddaħħal membri ġodda, filwaqt li żżomm il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea, hija wkoll kunsiderazzjoni importanti.
Passi lejn l-adeżjoni
Wara li stat ikun applika għal sħubija fl-UE u t-talba tiegħu jkun intlaħaq qbil dwarha mill-istati membri kollha tal-UE, ikun jista' jibda l-proċess ta' adeżjoni. Il-ftuħ tan-negozjati formali tal-adeżjoni jeħtieġ il-qbil tal-istati membri kollha tal-UE. Dawn in-negozjati jgħinu jħejju lill-kandidat għal sħubija eventwali u jiffukaw fuq l-adozzjoni tal-liġi stabbilita tal-UE u l-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji, amministrattivi u ekonomiċi meħtieġa.
Ladarba jkunu tlestew in-negozjati dwar l-oqsma kollha ta' politika, u l-UE nnifisha tkun lesta għat-tkabbir f'termini ta' kapaċità ta' assorbiment, it-termini u l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni - inkluż klawżoli ta' salvagwardja u arranġamenti tranżitorji possibbli - jiġu inkorporati fi trattat tal-adeżjoni. Dan it-trattat jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-approvazzjoni unanima tal-Kunsill qabel ma l-istati membri kollha tal-UE u l-pajjiż kandidat ikunu jistgħu jiffirmawh.
Ladarba il-partijiet kontraenti kollha jkunu rratifikaw it-trattat tal-adeżjoni f'konformità mar-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom, il-kandidat isir stat membru tal-UE fid-data stabbilita fit-trattat tal-adeżjoni.
Ir-rwol tal-Kunsill
Il-Kunsill (taħt il-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali) jissorvelja l-proċess tat-tkabbir tal-UE u n-negozjati tal-adeżjoni, li huma ta' natura intergovernattiva. Dwar kwistjonijiet relatati mal-politika tat-tkabbir, il-Kunsill ġeneralment jaħdem permezz ta' qbil unanimu bejn l-istati membri kollha tal-UE.
Kull sena, il-Kunsill iqis il-progress li jkun sar fil-proċess tat-tkabbir u tipikament japprova l-konklużjonijiet. L-aħħar konklużjonijiet inħarġu fis-16 ta' Diċembru 2025 mill-presidenza Daniża tal-Kunsill. Dawk il-konklużjonijiet ivvalutaw is-sitwazzjoni għal kull wieħed mis-sħab tal-UE u stabbilew prijoritajiet politiċi u linji gwida għal aktar riformi.
It-tħejjija tal-UE għal tkabbir futur
Id-Dikjarazzjoni ta' Granada ta' Ottubru 2023 enfasizzat li l-UE trid tħejji għal tkabbir futur u li l-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu jridu jimxu 'l quddiem bir-riformi tagħhom. F'Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew adotta pjan direzzjonali għal ħidma futura fuq riformi interni u stieden lill-Kummissjoni twettaq rieżamijiet tal-politika dwar il-valuri, il-politiki, il-baġit u l-governanza tal-UE.
F'Ottubru 2026, il-Kummissjoni ppreżentat proposti bbażati fuq dawk ir-rieżamijiet, fosthom modi kif il-politiki u l-istituzzjonijiet tal-UE jitħejjew għal UE usa' u kif tiġi approfondita l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati qabel l-adeżjoni, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni aktar mill-qrib f'oqsma strateġiċi bħall-enerġija, it-trasport, is-settur diġitali u d-difiża, fejn jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet.
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ġiet diskussa mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali fit-13 ta' Ottubru u mill-mexxejja tal-UE fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2026. Il-mexxejja tennew li t-tkabbir huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità, u li kemm l-istati membri futuri kif ukoll l-UE jridu jkunu lesti fiż-żmien tal-adeżjoni. Il-pajjiżi kandidati jridu jkomplu bl-isforzi ta' riforma tagħhom, partikolarment fl-istat tad-dritt, filwaqt li l-UE jeħtieġ li tavvanza r-riformi interni tagħha u tindirizza kwistjonijiet marbutin mal-prijoritajiet, il-politiki u l-kapaċità tagħha li taġixxi. Filwaqt li jżommu f'moħħhom li l-proċess ta' adeżjoni huwa bbażat fuq il-mertu, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-Kunsill biex janalizza l-proposti tal-Kummissjoni u jimxi 'l quddiem bil-ħidma.
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 21 ta' Ottubru 2026