Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Kanada, 23 ta' Ġunju 2025

Riżultati ewlenin

António Costa, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE fl-20 summit bejn l-UE u l-Kanada, li sar fi Brussell fit-23 ta' Ġunju 2025. Il-Prim Ministru Mark Carney rrappreżenta lill-Kanada.

Is-summit kien opportunità biex tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Kanada u biex il-mexxejja jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku li qed jinbidel malajr.

Aħna ninsabu magħqudin fl-objettiv tagħna li nsawru sħubija ambizzjuża u komprensiva ġdida li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum u li ser tevolvi biex tilqa' l-isfidi u l-opportunitajiet tal-ġejjieni.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Kanada

Il-mexxejja ħarġu dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.

Ir-Rappreżentant Għoli, Kaja Kallas, il-Ministru Kanadiż għall-Affarijiet Barranin, Anita Anand, u l-Ministru Kanadiż għad-Difiża, David J. McGuinty, iffirmaw ukoll b'mod konġunt is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada.

Il-President von der Leyen, il-Prim Ministru Carney u l-President Costa jżommu idejn xulxin.
Merħba uffiċjali tal-Prim Ministru Carney mill-President Costa u l-President von der Leyen.

Ġeopolitika

L-UE u l-Kanada kkonfermaw l-impenn tagħhom għall-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u għall-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali bħala sħab affidabbli u responsabbli.

Ser ningħaqdu flimkien b'mod saħansitra aktar qawwi biex nappoġġaw il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fid-dinja, inkluż fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u fl-Indo-Paċifiku.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Kanada

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn sod tal-UE u tal-Kanada li jappoġġaw lill-Ukrajna, inkluż permezz ta' appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku, u li jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja.

Huma affermaw mill-ġdid ukoll l-appoġġ tagħhom għall-Moldova, li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż, b'mod partikolari kontra t-theddid ibridu li ġej mir-Russja.

Il-mexxejja indirizzaw ukoll kwistjonijiet reġjonali ewlenin oħra, fosthom l-eskalazzjoni perikoluża fil-Lvant Nofsani. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti f'Gaża, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha u l-issoktar ta' għajnuna umanitarja fuq skala kbira mingħajr xkiel f'Gaża. Fid-dawl tal-attakki minn Iżrael fuq l-Iran u r-rispons tal-Iran, huma appellaw lin-naħat kollha biex juru rażan u jħarsu d-dritt internazzjonali. Huma enfasizzaw ukoll li soluzzjoni diplomatika hija l-aħjar mod biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-programm nukleari tal-Iran.

Il-mexxejja enfasizzaw ukoll li l-Artiku huwa żona ta' kooperazzjoni mill-qrib għat-trawwim tal-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-popli indiġeni.

Ekonomija u kummerċ

L-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Kanada.

Il-kummerċ bilaterali fil-merkanzija mal-Kanada kiber b'65% wara l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), bejn l-2017 u l-2024, u laħaq €75.6 biljun fl-2024, żieda minn €46 biljun fl-2016.

Waqt is-summit, il-mexxejja impenjaw ruħhom biex ikomplu jiżviluppaw ir-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Kanada u jaħdmu għar-ratifika u l-implimentazzjoni sħaħ tas-CETA.

Il-mexxejja tal-UE u tal-Kanada tennew l-impenn tagħhom għal kummerċ sostenibbli, ġust u miftuħ, imsejjes fuq regoli maqbula internazzjonalment, li huwa essenzjali biex tinżamm l-istabbiltà ekonomika dinjija u biex titħares ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista.

Li jiġu aċċertati ktajjen tal-provvista affidabbli u sostenibblihija prijorità reċiproka u għandna interess komuni li niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista u l-investiment strateġiku tagħna.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Kanada

Kummerċ diġitali

Il-mexxejja esprimew ukoll l-impenn tagħhom li jwettqu kollaborazzjoni fuq kwistjonijiet ta' politika diġitali u teknoloġika u li jsaħħu r-relazzjoni kummerċjali diġitali bilaterali.

L-UE u l-Kanada ser jibdew jaħdmu fuq Ftehim dwar il-Kummerċ Diġitali li jikkomplementa s-CETA u jindirizza l-lakuni fil-kummerċ bejn l-UE u l-Kanada fi kwistjonijiet diġitali mhux koperti mis-CETA.

Il-mexxejja fittxew ukoll li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni biex:

  • il-Kanada tkun tista' tipparteċipa fil-Fabbriki tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) tal-UE
  • jgħaqqdu l-infrastruttura tal-computing ta' prestazzjoni għolja tagħhom
  • japprofondixxu l-kooperazzjoni fir-riċerka f'oqsma teknoloġiċi strateġiċi bħall-IA u l-computing kwantistiku
  • jallinjaw l-istandards fil-qasam regolatorju tagħhom
  • jagħmlu l-pjattaformi online aktar sikuri u inklużivi
  • jiżviluppaw sistemi tal-IA affidabbli
Il-bnadar tal-UE u tal-Kanada.
Kummerċ bejn l-UE u l-Kanada: fatti u ċifri (Infografika)

Kummerċ bejn l-UE u l-Kanada: fatti u ċifri (Infografika)

Materja prima kritika

Il-mexxejja laqgħu t-tħabbira reċenti ta' proġett strateġiku Kanadiż b'rabta man-nikil skont l-att tal-UE dwar il-materja prima kritika u ħabbru ħidma biex jiġu identifikati opportunitajiet għal investiment konġunt. Fuq il-bażi tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Kanada dwar il-materja prima, imnedija fl-2021, il-mexxejja qablu li jesploraw opportunitajiet biex jiffaċilitaw il-fluss bidirezzjonali ta' investiment u għarfien espert dwar il-materja prima.

Huma laqgħu wkoll il-pjan ta' azzjoni dinji tal-G7 dwar il-minerali kritiċi maqbul taħt il-presidenza tal-Kanada.

Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.
Att dwar il-materja prima kritika (Infografika)

Att dwar il-materja prima kritika (Infografika)

Sigurtà u difiża

Il-kooperazzjoni li ilha żmien twil għaddejja bejn l-UE u l-Kanada turi l-impenn konġunt tagħhom għall-paċi u s-sigurtà.

Is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża ġdida u ambizzjuża bejn l-UE u l-Kanada ser tgħin biex jingħata qafas għal, u jiġu approfonditi, id-djalogu u l-kooperazzjoni bilaterali f'għadd ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża, fosthom:

  • l-inizjattivi ta' difiża
  • l-appoġġ għall-Ukrajna
  • il-paċi u l-maniġġar ta' kriżijiet internazzjonali
  • il-mobbiltà u l-operabbiltà militari
  • is-sigurtà marittima
  • il-kwistjonijiet ta' ċiberspazju
  • it-theddid ibridu, il-preparatezza u r-reżiljenza
  • il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm
  • is-sigurtà fl-ispazju
  • it-teknoloġiji emerġenti u rivoluzzjonarji
  • aspetti esterni tas-sigurtà ekonomika
  • il-medjazzjoni tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti

Is-sigurtà tagħna hija interkonnessa u interdipendenti. Mhijiex limitata għal kwistjonijiet tradizzjonali militari u marbutin mad-difiża, iżda hija dejjem aktar multidimensjonali, u mifruxa mit-theddid miċ-ċiberspazju, mit-teknoloġija emerġenti u dak ibridu, li qed jevolvu malajr, sal-qasam marittimu u l-ispazju ekstratmosferiku, u tinkludi l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, ir-reżiljenza tas-soċjetà, u s-sigurtà ekonomika.

Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada

L-UE u l-Kanada huma impenjati li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fuq is-sigurtà u d-difiża, inkluż kooperazzjoni operazzjonali b'saħħitha fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE.

Is-Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża huma strumenti politiċi mfassla apposta u mhux vinkolanti maħsuba biex jiffaċilitaw u jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada hija t-tmien sħubija bħal din stabbilita bejn l-UE u pajjiż terz.

NATO

Għall-Kanada u għal dawk l-istati membri tal-UE li huma Alleati tan-NATO, in-NATO tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom.

Is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada tkompli tenfasizza l-importanza li tiġi approfondita s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO.

David J. McGuinty, Ministru tal-Kanada għad-Difiża Nazzjonali, Anita Anand, Ministru tal-Kanada għall-Affarijiet Barranin, u Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jżommu f'idejhom is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada wara li ffirmawha.
Ċerimonja tal-firma tas-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Kanada

Kooperazzjoni settorjali

Din timmarka l-bidu ta' sforz fit-tul li ser jgħinna nippromwovu l-prosperità kondiviża, il-valuri demokratiċi, il-paċi u s-sigurtà.

Dikjarazzjoni konġunta UE-Kanada

Fis-summit, l-UE u l-Kanada qablu dwar aġenda ambizzjuża għal kooperazzjoni aktar mill-qrib f'firxa wiesgħa ta' oqsma, fosthom:

  • il-kummerċ u s-sigurtà ekonomika
  • il-kompetittività u r-reżiljenza
  • il-kooperazzjoni diġitali
  • l-azzjoni dwar il-klima u l-enerġija
  • il-ġestjoni tal-kriżijiet
  • il-ġustizzja u affarijiet interni

Sfond

Il-Kanada hija pajjiż tal-istess fehma u wieħed mill-eqreb sħab tal-UE.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada huma mirfuda minn Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA) u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA).

Applikati b'mod proviżorju minn April 2017, dawn il-ftehimiet taw spinta kbira lill-ekonomiji taż-żewġ naħat u wasslu għal sħubija dejjem eqreb bejn l-UE u l-Kanada.

Il-laqgħa tal-mexxejja UE-Kanada, li saret fit-12 ta' Frar 2025, mal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Justin Trudeau, enfasizzat l-importanza li ssir ħidma flimkien għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà ekonomika globali, u biex jiġu indirizzati l-isfidi globali attwali. Il-mexxejja qablu wkoll dwar l-importanza li jitrawwem u jiġi diversifikat il-kummerċ.

Is-summit UE-Kanada ta' qabel sar f'Novembru 2023 f'St John's, il-Kanada.

L-20 summit bejn l-UE u l-Kanada qed iseħħ ukoll fil-kuntest tal-presidenza Kanadiża attwali tal-G7 u s-summit reċenti tal-mexxejja tal-G7 f'Kananaskis (16-17 ta' Ġunju), fejn il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-għaqda u d-determinazzjoni tagħhom fl-indirizzar ta' sfidi dinjin urġenti – mit-tisħiħ tal-istabbiltà ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u t-tranżizzjonijiet diġitali għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, inkluż permezz tat-tkomplija tal-appoġġ għall-Ukrajna.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Ġunju 2025