Skip to content

Att dwar il-materja prima kritika

Ir-regoli l-ġodda dwar il-materja prima kritika ser jippermettu lill-UE tiddiversifika s-sorsi ta' importazzjonijiet tagħha u żżid l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ fl-istati membri.

Għaliex hemm bżonn ta' att tal-UE dwar il-materja prima kritika?

Id-domanda tal-UE għall-metalli komuni, il-materjali tal-batteriji, il-materjali tal-art rari u aktar mistennija tiżdied b'mod qawwi hekk kif l-UE tinqata' mill-fjuwils fossili u ddur għal sistemi ta' enerġija nadifa li jeħtieġu aktar minerali.

It-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE ser teħtieġ żieda fil-produzzjoni lokali ta' batteriji, pannelli solari, kalamiti permanenti, u teknoloġija nadifa oħra. Ser ikun meħtieġ aċċess abbundanti għal firxa ta' materja prima biex tiġi indirizzata d-domanda korrispondenti.

Barra minn hekk, il-materja prima kritika hija importanti għall-UE għal:

Ktajjen ta' valur industrijali

Materja prima mhux tal-enerġija hija marbuta mal-industriji kollha fl-istadji kollha tal-katina ta' provvista.

Teknoloġiji strateġiċi, bħall-ispazju u d-difiża

Il-progress teknoloġiku u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja jiddependu fuq għadd varju u dejjem jikber ta' materja prima.

Il-klima, l-enerġija u l-ambjent

It-teknoloġija nadifa teħtieġ materja prima, li hija insostitwibbli fil-pannelli solari, it-turbini eoliċi, il-vetturi elettriċi u d-dawl effiċjenti fl-enerġija.

Il-produzzjoni lokali hija kruċjali għall-bidla radikali fis-sistemi tal-enerġija u tal-mobbiltà tal-UE, li hija parzjalment xprunata mill-pjan REPowerEU u l-miri tal-UE għall-emissjonijiet tal-karozzi għall-2035.

L-Att tal-UE dwar il-materja prima kritika

F'Marzu 2024, il-Kunsill adotta l-att Ewropew dwar il-materja prima kritika, peress li d-domanda għall-elementi tal-art rari mistennija tiżdied b'mod qawwi fis-snin li ġejjin.

Il-materja prima kritika (CRM) hija materja prima ta' importanza ekonomika kbira għall-UE, b'riskju għoli ta' tfixkil fil-provvista minħabba l-konċentrazzjoni tas-sorsi tagħha u n-nuqqas ta' kwalunkwe sostituti tajbin u affordabbli.

L-att għandu l-għan li:

  • iżid u jiddiversifika l-provvista tal-UE ta' materja prima kritika
  • isaħħaħ iċ-ċirkolarità, inkluż ir-riċiklaġġ
  • jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-iżvilupp ta' sostituti

Ir-regoli l-ġodda ser isaħħu wkoll l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.

X'inhi l-materja prima u għalfejn tintuża?

Il-metalli, il-minerali u l-materjali naturali huma parti mill-ħajja tagħna ta' kuljum. Dik il-materja prima li hija l-aktar importanti għall-ekonomija u li għandha riskju kbir marbut mal-provvista tagħha tissejjaħ materja prima kritika.

Il-materja prima kritika hija essenzjali għall-funzjonament u għall-integrità ta' firxa wiesgħa ta' ekosistemi industrijali.

34 materja prima kritika

Xi setturi huma speċjalment strateġiċi għall-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli, dawk diġitali, spazjali u ta' difiża tal-UE.

Mill-34 materja prima kritika identifikati, inħolqot lista speċifika ta' materja prima strateġika (SRMs*) (ara s-17-il materja prima strateġika bl-isfar skur hawn taħt) għall-materjali li mistennija jikbru b'mod qawwi fir-rigward tal-provvista, li kollha kemm huma għandhom rekwiżiti ta' produzzjoni kumplessi u b'hekk jiffaċċaw riskju ogħla ta' problemi marbutin mal-provvista.

Din il-lista ser tiġi rieżaminata regolarment.

Verżjoni testwali
  1. Aluminju/Boksajt/alumina
  2. Faħam tal-Kokk
  3. Litju
  4. Fosforu
  5. Antimonju
  6. Feldspar
  7. Elementi ħfief tal-materjali tal-art rari*
  8. Skandju
  9. Arseniku
  10. Fluworit
  11. Manjeżju
  12. Metall tas-siliċju
  13. Barit
  14. Gallju
  15. Manganiż
  16. Stronzju
  17. Berillju
  18. Ġermanju
  19. Grafit
  20. Tantalju
  21. Bismut
  22. Afnju
  23. Nijobju
  24. Metall tat-titanju
  25. Boron
  26. Elju
  27. Metalli tal-grupp tal-platinu
  28. Tungstenu
  29. Kobalt
  30. Elementi tqal tal-materjali tal-art rari*
  31. Fosfat mill-Blat
  32. Vanadju
  33. Ram
  34. Nikil

*SRMs f'Elementi Tqal tal-Materjali tal-Art Rari (HREEs) u f'Elementi Ħfief tal-Materjali tal-Art Rari (LREEs): Nd, Pr, Tb, Dy, Gd, Sm, u Ce

Għal xiex tintuża l-materja prima kritika?

Il-materja prima kritika tintuża kullimkien. Mingħajr is-CRM, il-biċċa l-kbira tas-sezzjonijiet tas-soċjetà ma jkunux jistgħu jiffunzjonaw, peress li jinsabu f'ħafna apparati ta' kuljum u fi prodotti essenzjali għall-ekonomija ta' kull stat membru, bħal smartphones, vetturi elettriċi, turbini eoliċi, fertilizzanti tal-pjanti jew inġenji tal-ajru.

Smartphones

Teknoloġija tal-vibrazzjoni fil-mobiles= tungstenu

vettura elettrika

Vetturi elettriċi = litju, kobalt u nikil

mitħna tar-riħ

Turbini eoliċi = boron

Il-ġeopolitika tal-forniment tas-CRM

Is-CRM tinkiseb l-aktar minn barra l-UE. Filwaqt li l-UE qatt mhi ser tkun awtosuffiċjenti, qed timmira li tiddiversifika l-provvista tagħha.

Bħalissa, l-UE tiddependi biss fuq pajjiż wieħed għal ċerta materja prima kritika:

  • iċ-Ċina tipprovdi 100% tal-provvista tal-UE ta' elementi tqal tal-materjali tal-art rari
  • it-Turkija tipprovdi 99% tal-provvista tal-boron tal-UE
  • l-Afrika t'Isfel tipprovdi 71% tal-bżonnijiet tal-UE għall-platinu

Mill-2024, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' pajjiżi terzi ta' elementi tal-materjali tal-art rari u materjali kritiċi oħra saħħew l-urġenza tal-istrateġija ta' diversifikazzjoni tal-UE.

Pereżempju, tul l-aħħar tliet snin, iċ-Ċina adottat sensiela ta' miżuri tal-kontroll tal-esportazzjoni, li jkopru CRM bħall-gallju, it-tungstenu, il-bismut, u materjali tal-art rari, iżda wkoll prodotti finali bħall-batteriji, jew tagħmir relatat mal-ipproċessar ta' elementi tal-materjali tal-art rari.

Fl-istess waqt, atturi globali oħra żiedu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-aċċess għas-CRM għall-industriji tagħhom billi ffinanzjaw proġetti tas-CRM u ddiversifikaw il-provvisti tagħhom bi sħubijiet.

Fornituri ewlenin ta' CRM lill-UE:

Verżjoni testwali

Il-mappa dinjija tal-fornituri ewlenin tas-CRM lill-UE: Iċ-Ċina hija kemm l-akbar fornitur globali kif ukoll dak tal-UE għall-biċċa l-kbira tas-CRMs, inkluż il-barit, il-bismut, il-gallju, il-ġermanju, il-manjeżju, il-grafit naturali, l-elementi tal-art rari kollha (HREE u LREE), it-tungstenu u l-vanadju.

Għalkemm iċ-Ċina tibqa' fornitur ewlieni tal-UE, il-provvista għal għadd ta' CRMs toriġina minn ġewwa l-UE: eż. il-faħam tal-kokk u r-ram mill-Polonja, l-arseniku mill-Belġju, l-afnju minn Franza, l-istronzju minn Spanja jew in-nikil mill-Finlandja.

Tisħiħ tal-awtodipendenza

Biex titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi biex taċċessa materja prima kritika, l-UE stabbiliet l-objettivi li ġejjin għall-2030.

Mill-inqas 10% tal-konsum annwali tal-UE minn estrazzjoni fl-UE.

Mill-inqas 40% tal-konsum annwali tal-UE minn ipproċessar fl-UE.

Mill-inqas 25% tal-konsum annwali tal-UE minn riċiklaġġ domestiku.

Mhux aktar minn 65% tal-konsum annwali tal-UE ta' kull materja prima strateġika fi kwalunkwe stadju rilevanti ta' pproċessar minn pajjiż terz wieħed

Biex tikseb dan, l-UE qed iżżid l-azzjonijiet kummerċjali, li jinkludu:

  • klabb tal-materja prima kritika għall-pajjiżi kollha tal-istess fehma li lesti jsaħħu l-ktajjen ta' provvista dinjija
  • it-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
  • l-espansjoni tan-network tagħha ta' ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli u ftehimiet ta' kummerċ ħieles
  • pressjoni akbar fuq l-infurzar biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti

Proġetti strateġiċi

Biex tgħin jintlaħqu dawk il-miri, fl-2025 il-Kummissjoni approvat 60 proġett strateġiku skont l-att dwar il-materja prima kritika, li jkopru 13-il stat membru tal-UE u 13-il pajjiż terz.

Il-proġetti jkopru 14 mis-17-il materja prima strateġika u jkopru l-katina tal-valur sħiħa, mill-estrazzjoni u l-ipproċessar sar-riċiklaġġ.

Id-dipendenza mnaqqsa hija prijoritizzata, b'enfasi fuq il-ktajjen tal-provvista l-aktar vulnerabbli. Pereżempju, id-dipendenza fuq pajjiż wieħed għall-estrazzjoni ta' materjali tal-art rari hija pprojettata li tonqos minn 95% għal 42% bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula.

Id-dipendenza tal-UE fir-rigward tal-gallju (li hija kritika għas-semikondutturi u għall-industrija tad-difiża) ser tonqos minn 71% għal 17%, filwaqt li għall-ġermanju, l-UE tista' tikseb indipendenza sħiħa fil-provvista sal-2030.

It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u ċ-ċirkolarità

Fit-3 ta' Diċembru 2025, il-Kummissjoni adottat il-pjan ta' azzjoni RESourceEU biex taċċellera u tamplifika l-isforzi biex tiżgura l-provvista tal-UE ta' materja prima kritika għal setturi industrijali ewlenin (bħall-industrija tal-karozzi, l-IA u d-difiża) fil-kuntest tal-ġeopolitizzazzjoni akbar ta' tali materjali.

Il-pjan jipproponi emendi mmirati għall-att dwar il-materja prima kritika biex tittejjeb iċ-ċirkolarità, bl-għan li tiżdied il-kapaċità tar-riċiklaġġ u jissaħħaħ is-suq sekondarju għall-materja prima kritika, b'mod partikolari fir-rigward tal-kalamiti permanenti.

Adottata fl-4 ta' Marzu 2026, il-pożizzjoni tal-Kunsill tappoġġa l-bidliet proposti u:

  • tirrikjedi li l-Kummissjoni tinnotifika lill-istati membri u lill-bordijiet tal-kumpaniji f'każ ta' kwalunkwe riskju ta' provvista ta' CRM
  • tiċċara l-awtorità tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju
  • tippermetti l-użu ta' passaporti tal-prodotti biex ikun hemm konformità mal-obbligi ta' informazzjoni fir-rigward tal-kalamiti permanenti

Il-pjan ta' azzjoni RESourceEU jintroduċi wkoll diversi strumenti ġodda, inkluż:

  • ċentru Ewropew dwar il-materja prima kritika
  • approċċ koordinat għall-kumulazzjoni ta' riżervi
  • mekkaniżmu ta' xiri konġunt permezz tal-pjattaforma tal-materja prima

Il-futur tad-domanda

L-għan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030 ipoġġi lill-Ewropa fi triq responsabbli biex issir newtrali għall-klima sal-2050.

Dan ser ifisser it-twettiq tat-tranżizzjoni doppja, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-iżgurar tal-awtonomija permezz tal-aċċess u t-trasformazzjoni tal-materja prima kritika.

Domanda materjali fl-Unjoni Ewropea (xenarju ta' domanda għolja):

Verżjoni testwali

Il-grafika tenfasizza l-ħames CRMs bl-ogħla domanda fl-UE fl-2020, u turi d-domandi previsti ta' dawn il-ħames CRMs għall-2030 u l-2050.

Pereżempju, l-aluminju mistenni li jkollu rwol kritiku fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn futur sostenibbli, peress li huwa komponent ewlieni fi kważi t-teknoloġiji kollha tal-enerġija nadifa prijoritizzati fl-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti, inkluż is-sistemi fotovoltajċi solari, it-turbini eoliċi, it-teknoloġiji tal-grilja, u l-batteriji. Mistenni li jiżdied b'543% mill-2020 sal-2050.

Id-data tirrappreżenta tbassir tad-domanda għas-CRM għal ħames setturi strateġiċi tal-UE: is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-mobbiltà elettrika (elettromobbiltà), l-industrija, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), u l-ajruspazju u d-difiża.

Ara wkoll

Linja tal-assemblaġġ awtomatizzata blu fuq sfond isfar ċar.
Il-politika industrijali tal-UE

Il-politika industrijali tal-UE

Tankijiet għall-ħżin tal-gass, turbina eolika, tank għall-ħżin tal-idroġenu, torri għat-trażmissjoni tal-elettriku, u pipeline tal-gass, kollha interkonnessi.
Il-pjan REPowerEU: il-politika dwar l-enerġija fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-pajjiżi tal-UE

Il-pjan REPowerEU: il-politika dwar l-enerġija fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-pajjiżi tal-UE

Lesti għall-Mira ta' 55%

Lesti għall-Mira ta' 55%

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' April 2026