Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
L-att tal-UE dwar l-IA huwa l-ewwel liġi fid-dinja dwar l-intelliġenza artifiċjali. Għandu l-għan li jiżgura li s-sistemi tal-IA jkunu sikuri, etiċi u affidabbli.
X'inhu l-att dwar l-IA
L-att dwar l-IA għandu l-għan li jiżgura li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) jiġu żviluppati u użati b'mod responsabbli. Ir-regoli jimponu obbligi fuq il-fornituri u l-implimentaturi tat-teknoloġiji tal-IA u jirregolaw l-awtorizzazzjoni tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali fis-suq uniku tal-UE.
Il-liġi tindirizza r-riskji marbuta mal-IA, bħall-preġudizzju, id-diskriminazzjoni u l-lakuni fl-obbligu ta' rendikont, tippromwovi l-innovazzjoni u tħeġġeġ l-adozzjoni tal-IA.
Bħala l-ewwel liġi fid-dinja li tirregola l-IA, ir-regoli tal-UE jistgħu jistabbilixxu standard globali fir-regolamentazzjoni tal-IA, bħalma għamel ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR) għall-privatezza tad-data, billi jippromwovu intelliġenza artifiċjali etika, sikura u affidabbli madwar id-dinja.
Riskju ogħla, regoli aktar stretti
L-att dwar l-IA jindirizza r-riskji assoċjati mal-użi speċifiċi tal-IA, waqt li jikkategorizzahom f'erba' livelli ta' riskju u jistabbilixxi regoli differenti kif xieraq.
Ikklikkja jew agħfas fuq l-eżempji fil-piramida ta' hawn taħt biex tara l-livell ta' riskju li joħolqu u r-regoli applikati għalihom.
Dijagramma interattiva li turi piramida invertita magħmula minn erba' tipi ta' sistemi tal-IA li jikkorrispondu għal livelli differenti ta' riskju.
L-erba' livelli ta' riskju tal-att dwar l-IA u r-regoli korrispondenti tagħhom huma:
Riskju minimu jew l-ebda riskju
Il-biċċa l-kbira tas-sistemi tal-IA ma joħolqux riskji. Il-logħob jew il-filtri tal-ispam li jaħdmu bl-IA jistgħu jintużaw liberament. Dawn mhumiex regolati jew affettwati mill-att tal-UE dwar l-IA.
Riskji limitati
Is-sistemi tal-IA li jippreżentaw biss riskji limitati, bħal chatbots jew sistemi tal-IA li jiġġeneraw kontenut, huma soġġetti għal obbligi ta' trasparenza, bħall-għoti ta' informazzjoni lill-utenti li l-kontenut tagħhom ġie ġġenerat mill-IA sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar użu ulterjuri.
Riskji għoljin
Is-sistemi tal-IA b'riskju għoli, bħal dawk użati fid-dijanjożi tal-mard, fis-sewqan awtonomu u fl-identifikazzjoni bijometrika ta' individwi involuti f'attivitajiet jew f'investigazzjonijiet kriminali, iridu jissodisfaw rekwiżiti u obbligi stretti biex jiksbu aċċess għas-suq tal-UE. Dawn jinkludu ttestjar rigoruż, trasparenza u superviżjoni umana.
Riskji inaċċettabbli
Is-sistemi tal-IA li huma ta' theddida għas-sikurezza, għad-drittijiet jew għall-għajxien tan-nies huma pprojbiti milli jintużaw fl-UE. Dawn jinkludu manipulazzjoni konjittiva tal-imġiba, policing predittiv, rikonoxximent tal-emozzjonijiet fuq il-post tax-xogħol u fl-istituzzjonijiet edukattivi, u punteġġ soċjali. L-użu ta' sistemi tal-identifikazzjoni bijometrika remota f'ħin reali bħar-rikonoxximent tal-wiċċ mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fi spazji pubbliċi huwa pprojbit ukoll, b'xi eċċezzjonijiet limitati.
IA bi skop ġenerali
Mudelli tal-IA bi skop ġenerali (GPAI) iħaddmu sistemi tal-IA li huma kapaċi jwettqu firxa wiesgħa ta' kompiti, bħall-ġenerazzjoni tat-test u r-rikonoxximent tal-immaġni, f'applikazzjonijiet differenti.
Il-mudelli tal-GPAI li ma joħolqux riskji sistemiċi huma soġġetti għal rekwiżiti limitati, bħal obbligi ta' trasparenza, filwaqt li dawk b'riskji sistemiċi jridu jikkonformaw ma' regoli aktar stretti.
Arkitettura ta' governanza
Biex jiġi żgurat infurzar xieraq, l-att dwar l-IA jistabbilixxi diversi korpi governattivi:
- uffiċċju tal-IA fil-Kummissjoni Ewropea biex jinforza r-regoli komuni madwar l-UE
- bord xjentifiku ta' esperti indipendenti biex jappoġġaw attivitajiet ta' infurzar
- bord tal-IA magħmul minn rappreżentanti tal-istati membri biex jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni u lill-istati membri dwar l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tal-att dwar l-IA
- forum konsultattiv għall-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu għarfien espert tekniku lill-bord tal-IA u lill-Kummissjoni
Penali
Il-liġi tistabbilixxi multi għall-ksur tar-regoli.
Il-penali huma bbażati fuq perċentwal tal-fatturat globali tal-kumpanija mis-sena preċedenti jew fuq ammont fiss, skont liema jkun l-ogħla. L-SMEs u n-negozji ġodda jiffaċċaw multi proporzjonali.
Appoġġ għall-innovazzjoni
L-objettivi tal-att dwar l-IA mhumiex biss li jissaħħaħ l-infurzar effettiv tal-liġi eżistenti dwar id-drittijiet fundamentali u s-sikurezza. L-att għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni fl-IA fil-UE, u li jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq uniku għall-applikazzjonijiet tal-IA.
Għaldaqstant, ir-regoli jinkludu aktar dispożizzjonijiet biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni tal-IA fl-UE. Dan imur ukoll id f'id ma' inizjattivi oħra, inkluż il-pjan ikkoordinat tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali li għandu l-għan li jaċċellera l-investiment fl-IA fl-Ewropa.
Il-ħidma tal-Kunsill fuq l-IA
F'Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew iddiskuta t-tranżizzjoni diġitali.
Fir-rigward tal-IA, il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kummissjoni biex:
- tipproponi modi biex jiżdiedu l-investimenti pubbliċi u privati Ewropej u nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-isfruttar tal-intelliġenza artifiċjali
- tiżgura koordinazzjoni aħjar u aktar networks u sinerġiji bejn iċ-ċentri ta' riċerka Ewropej ibbażati fuq l-eċċellenza
- tipprovdi definizzjoni ċara u oġġettiva ta' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali b'riskju għoli
F'April 2021, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal regolament bil-għan li tarmonizza r-regoli dwar l-intelliġenza artifiċjali (att dwar l-IA) u pjan ikkoordinat li jinkludi sett ta' azzjonijiet konġunti għall-Kummissjoni u l-istati membri. Dan il-pakkett ta' regoli għandu l-għan li jtejjeb il-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali u jrawwem l-iżvilupp u l-aġġornament tat-teknoloġija tal-IA.
Il-Kunsill iddiskuta l-att propost f'Ottubru 2021, filwaqt li enfasizza, minn naħa waħda, il-benefiċċji soċjetali u ekonomiċi konsiderevoli li l-IA tista' ġġib magħha f'firxa wiesgħa ta' setturi u min-naħa l-oħra l-ħtieġa li tiġi protetta l-privatezza u jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regoli l-ġodda għall-IA fis-6 ta' Diċembru 2022. Il-Kunsill irid IA sikura, legali u affidabbli li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.
Fid-9 ta' Diċembru 2023, wara taħditiet "maratona" ta' tlett ijiem, in-negozjaturi fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar l-att dwar l-IA.
L-att ġie adottat formalment mill-Kunsill fil-21 ta' Mejju 2024 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2024.
- Att dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA): il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għall-ewwel regoli dinjija dwar l-IA (stqarrija għall-istampa, 21 ta' Mejju 2024)
- Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil dwar l-ewwel regoli għall-IA fid-dinja (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Diċembru 2023)
Fid-29 ta' Ġunju 2026, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għal regolament ġdid li jirrazzjonalizza u jissimplifika r-regoli dwar l-intelliġenza artifiċjali. Il-liġi l-ġdida hija parti mill-pakkett leġiżlattiv "Omnibus VII" fl-aġenda ta' simplifikazzjoni tal-UE. Dispożizzjoni ewlenija fil-liġi l-ġdida tipprojbixxi prattiki tal-IA li jinvolvu l-ġenerazzjoni ta' kontenut sesswali u intimu mhux kunsenswali jew materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal
Ħajtek online: kif l-UE qed tagħmilha aktar faċli u sikura għalik?
L-Unjoni Ewropea qed taħdem b'mod attiv biex ittejjeb l-ambjent diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Il-ħajja diġitali tagħna jeħtieġ li tkun sikura, faċli u tirrispetta l-libertajiet bażiċi.
Aqra l-artiklu tagħna dwar is-suġġett biex tiskopri kif l-UE qed toħloq identità elettronika (eID) komuni, trid regoli biex tiżgura IA sikura u affidabbli u qed tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa fl-ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa.
Ara wkoll
Spjegazzjoni dwar l-IA: użi u impatt
Benefiċċji u riskji tal-IA
Tranżizzjoni diġitali: insawru l-futur diġitali tal-UE
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' April 2025