Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Indja, 27 ta' Jannar 2026

Riżultati ewlenin

Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, irrappreżentaw lill-UE fis-16-il summit bejn l-UE u l-Indja, fi New Delhi. Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, ospita s-summit.

Is-summit tagħna jibgħat messaġġ ċar lid-dinja.

Fi żmien meta l-ordni globali qed tissawwar mill-ġdid b'mod fundamentali, l-Unjoni Ewropea u l-Indja jingħaqdu flimkien bħala sħab strateġiċi u affidabbli.

Il-President Costa

Is-summit offra opportunità biex titwettaq is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja permezz tal-konklużjonijiet tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles u l-iffirmar tas-sħubija għas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u l-Indja.

Fuq l-aġenda kien hemm ukoll aktar kollaborazzjoni f'oqsma ta' politika ewlenin, bħat-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u l-kooperazzjoni bejn il-persuni, u kwistjonijiet reġjonali u multilaterali.

Il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.

Il-President Costa, il-Prim Ministru tal-Indja Modi u l-President von der Leyen flimkien iżommu idejhom 'il fuq f'turija ta' għaqda. Il-bandiera tal-Unjoni Ewropea hija viżibbli fuq ix-xellug, waqt li l-bandiera Indjana tidher fuq il-lemin.
Il-Prim Ministru Modi jilqa' lill-Presidenti Costa u von der Leyen

Is-Sħubija Strateġika UE-Indja

Il-mexxejja ssottolinjaw l-impenn tagħhom li jiksbu livell ogħla ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja abbażi ta' valuri u prinċipji kondiviżi fosthom id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, u l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli bin-NU fil-qalba tagħha.

Kummerċ

Il-mexxejja faħħru l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja.

Il-kummerċ huwa stabbilizzatur ġeopolitiku kruċjali u sors fundamentali ta' tkabbir ekonomiku. Il-ftehimiet kummerċjali jsaħħu l-ordni ekonomika bbażata fuq ir-regoli u jippromwovu l-prosperità kondiviża.

Il-President Costa

Flimkien, l-Unjoni Ewropea u l-Indja jirrappreżentaw kważi għoxrin fil-mija tal-kummerċ globali u madwar 25% tal-popolazzjoni globali. L-UE hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali għall-Indja - eżatt wara ċ-Ċina u qabel l-Istati Uniti - u tirrappreżenta 11.5% tal-kummerċ tal-Indja f'oġġetti.

Infografika: Kummerċ f'oġġetti u servizzi bejn l-UE u l-Indja.
Kummerċ bejn l-UE u l-Indja: fatti u ċifri

Kummerċ bejn l-UE u l-Indja: fatti u ċifri

Sħubija għas-sigurtà u d-difiża

Il-mexxejja laqgħu l-iffirmar tas-sħubija bejn l-UE u l-Indja għas-sigurtà u d-difiża.

Dan il-qafas ser jgħin biex jiġu approfonditi r-rabtiet fl-oqsma tas-sigurtà marittima, l-industrija u t-teknoloġija tad-difiża, it-theddid ċibernetiku u ibridu, l-ispazju, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fost l-oħrajn.

Ma teżistix prosperità mingħajr sigurtà. Insaħħu l-kooperazzjoni tagħna biex nipproteġu aħjar liċ-ċittadini tagħna u l-interessi komuni tagħna. Naħdmu flimkien biex niġġieldu kontra l-firxa sħiħa ta' theddid għas-sigurtà li qed niffaċċjaw, fl-Indo-Paċifiku, fl-Ewropa u madwar id-dinja. Nilħqu livell ġdid ta' fiduċja strateġika bejnietna. Dan huwa s-sinifikat tal-qbil tagħna dwar sħubija għas-sigurtà u d-difiża.

Il-President Costa

Kooperazzjoni reġjonali u multilaterali

Multilateraliżmu

Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' sistema multilaterali effettiva, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha.

Huma ssottolinjaw il-ħtieġa ta' riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex dan isir aktar rappreżentattiv, inklużiv, trasparenti, effiċjenti, effettiv, demokratiku, responsabbli u jirrifletti r-realtajiet ġeopolitiċi kontemporanji.

Dikjarazzjoni konġunta

Huma enfasizzaw ukoll ir-rwol ċentrali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fis-sistema kummerċjali multilaterali u l-governanza kummerċjali globali u ssottolinjaw li l-organizzazzjoni għandha tiġi riformata biex tkun aktar adatta għall-objettivi tal-membri kollha.

Ir-reġjun Indo-Paċifiku

Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali u globali, filwaqt li rrikonoxxew li s-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u tal-Indo-Paċifiku huma interkonnessi.

Bħala l-akbar demokraziji u promoturi tal-multilateraliżmu fid-dinja, l-Unjoni Ewropea u l-Indja jaqsmu r-responsabbiltà li jiddefendu d-dritt internazzjonali, bil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu.

Il-President Costa

F'Ottubru 2025, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku li jenfasizzaw li l-UE għandha tintensifika aktar il-fokus strateġiku, il-preżenza, il-viżibbiltà u l-azzjoni tagħha fl-Indo-Paċifiku bl-għan li tikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli konġunti.

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-mexxejja esprimew tħassib dwar il-gwerra li għaddejja, li qed tkompli tikkawża tbatija umana enormi u ġġorr konsegwenzi globali.

L-UE u l-Indja ser ikomplu jappoġġaw l-isforzi għall-kisba ta' paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna permezz tad-djalogu u d-diplomazija, abbażi tal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali, fosthom l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali.

Il-Lvant Nofsani

Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża

Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża

Il-mexxejja nnutaw l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2803 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta' Novembru 2025 u ħeġġew lill-partijiet kollha biex jimplimentaw ir-riżoluzzjoni fl-intier tagħha.

Huma tennew ir-rieda tagħhom li jappoġġaw l-isforzi għal paċi ġusta u dejjiema u enfasizzaw il-ħtieġa għal aċċess umanitarju mingħajr xkiel.

Huma appellaw ukoll għal soluzzjoni ġusta u dejjiema, ibbażata fuq l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, permezz tad-djalogu u d-diplomazija.

Il-mexxejja tal-UE u tal-Indja ddiskutew ukoll l-iżviluppi reċenti ta' tħassib fl-Iran u fir-reġjun. Huma enfasizzaw l-importanza tad-djalogu u d-diplomazija fir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet b'mod paċifiku.

Mappa li tenfasizza l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq.
Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Lejn l-2030: aġenda strateġika komprensiva konġunta bejn l-Indja u l-UE

Il-mexxejja adottaw aġenda strateġika komprensiva konġunta li għandha l-għan li żżid u tapprofondixxi l-kooperazzjoni biex jinkisbu eżiti ta' benefiċċju reċiproku, konkreti u trasformattivi għaż-żewġ sħab u għall-bqija tad-dinja.

Prosperità u s-sostenibbiltà

Fil-kuntest tal-inċertezza u t-tfixkil globali, rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Indja u l-UE huma aktar importanti minn qatt qabel biex jixprunaw it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tranżizzjoni ekoloġika, l-iżvilupp industrijali, u ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti, sostenibbli u affidabbli.

Dikjarazzjoni konġunta

Il-mexxejja tal-UE u tal-Indja impenjaw ruħhom li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta' kummerċ ħieles. Ser jaħdmu wkoll biex iżidu l-investimenti bilaterali biex jaċċelleraw l-involviment tas-settur privat fit-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur magħżula.

Teknoloġija u innovazzjoni

L-UE u l-Indja ser iżidu l-kollaborazzjoni tul il-katina tal-valur kollha, billi jorbtu r-riċerka u l-innovazzjoni msaħħa mal-involviment tan-negozju u l-operazzjonalizzazzjoni tas-suq.

Ser ikomplu jippromwovu wkoll l-infrastruttura pubblika diġitali, jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-oqfsa regolatorji u jikkollaboraw fuq teknoloġiji ġodda biex jibnu ekosistemi diġitali ċibersiguri u fdati u biex javvanzaw fil-kooperazzjoni fit-teknoloġija nadifa.

L-UE u l-Indja ser ikomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni dwar it-teknoloġiji emerġenti, l-innovazzjoni u r-riċerka, inkluż billi joħolqu Ċentri ta' Innovazzjoni bejn l-UE u l-Indja u jniedu Sħubija għan-Negozji Ġodda bejn l-UE u l-Indja. Il-mexxejja qablu wkoll li jniedu taħditiet esploratorji dwar l-assoċjazzjoni tal-Indja ma' Orizzont Ewropa.

Azzjoni klimatika

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll l-importanza tal-Ftehim ta' Pariġi u qablu li jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu u jżidu l-azzjoni globali.

L-UE u l-Indja impenjaw ruħhom li jaċċelleraw il-kooperazzjoni fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u r-reżiljenza tal-enerġija fil-qafas tas-sħubija bejn l-UE u l-Indja dwar l-enerġija nadifa u l-klima.

Il-mexxejja qablu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li japprofondixxu l-kollaborazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijodiversità, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-ilma.

Sigurtà u difiża

Ir-realtajiet ġeopolitiċi u t-theddid dejjem jikber għas-sigurtà transreġjonali jitolbu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Indja.

Dikjarazzjoni konġunta

L-UE u l-Indja ser itejbu l-preparatezza fl-oqsma kollha – mis-sigurtà marittima sat-theddid ibridu, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà spazjali, u l-kriminalità tranżnazzjonali – filwaqt li japprofondixxu l-involviment fil-maniġġar ta' kriżijiet u l-kollaborazzjoni ta' benefiċċju reċiproku fil-qasam tal-industrija tad-difiża.

Konnettività u kwistjonijiet globali

L-UE u l-Indja ser jaħdmu flimkien biex itejbu l-konnettività reġjonali. Iż-żewġ naħat ser jimplimentaw proġetti ta' kooperazzjoni trilaterali f'oqsma bħall-enerġija nadifa, ir-reżiljenza għall-klima, il-mobbiltà ekoloġika, u d-diġitalizzazzjoni.

Kooperazzjoni bejn il-persuni

Il-mexxejja enfasizzaw li l-edukazzjoni u r-rabtiet bejn il-persuni ħarġu bħala faċilitaturi vitali tas-sħubija strateġika bejn l-Indja u l-UE.

Huma laqgħu l-konklużjoni tal-qafas komprensiv ta' kooperazzjoni bejn l-Indja u l-UE dwar il-mobbiltà u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kollaborazzjoni dwar il-migrazzjoni sikura u regolari għal ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, studenti, riċerkaturi, u ħaddiema staġjonali f'okkupazzjonijiet b'nuqqasijiet filwaqt li jsaħħu wkoll il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari.

Jum ir-Repubblika tal-Indja

Fis-26 ta' Jannar, il-Presidenti Costa u von der Leyen attendew iċ-ċelebrazzjonijiet tas-77 Jum ir-Repubblika tal-Indja, bħala mistednin tal-unur.

Dan jissimbolizza l-qrubija, il-profondità u d-dinamiżmu dejjem akbar fir-relazzjonijiet bejn l-Indja u l-UE, u l-impenn konġunt u l-interess kondiviż tagħhom fit-tiswir ta' ordni globali multipolari reżiljenti li tirfed il-paċi u l-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli.

Dikjarazzjoni konġunta

Din kienet l-ewwel darba li l-mexxejja tal-UE attendew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Parata ta' Jum ir-Repubblika bħala mistednin tal-unur, li jindika t-tisħiħ tar-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Indja.

Il-Presidenti Costa u von der Leyen bilqiegħda f'karozzella mżejna miġbuda minn żwiemel fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-parata ta' Jum ir-Repubblika tal-Indja. Fl-isfond, grupp ta' gwardji fuq iż-żwiemel, lebsin uniformijiet ħomor u xedd ir-ras dekorattiv.
Il-Presidenti Costa u von der Leyen waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tas-77 Jum ir-Repubblika tal-Indja

Informazzjoni ġenerali

Is-summit sar fost relazzjonijiet dejjem aktar pożittivi bejn l-UE u l-Indja f'dawn l-aħħar snin, u l-involviment sostnut ta' livell għoli fl-oqsma kollha.

F'Ottubru 2025, il-Kunsill tal-UE approva l-aġenda strateġika l-ġdida bejn l-UE u l-Indja u l-objettiv tagħha li tkompli tiżviluppa r-rabtiet bejn l-UE u l-Indja.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Ġunju 2026