Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 04/12/2018, 4 ta' Diċembru 2018

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali parzjali) dwar programm ta' finanzjament propost tal-UE msejjaħ Ewropa Diġitali, li huwa mfassal biex jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej. Huwa jkopri ħames oqsma kruċjali: is-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati, u l-użu wiesa' tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u fis-soċjetà kollha.

Il-programm Ewropa Diġitali ser jgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet jisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet enormi offruti permezz tad-diġitalizzazzjoni. Taħlita ta’ appoġġ finanzjarju u kompetenza esperta, offruta pereżempju min-netwerk ta’ ċentri diġitali Ewropej, għandha tħeġġeġ lil saħansitra l-iżgħar kumpanniji jieħdu riskji u jinnovaw. Dan ser jagħti lill-Ewropa rwol ta' tmexxija kontinwa f’oqsma bħalma huma r-robotika u l-intelliġenza artifiċjali. Norbert Hofer, Ministru għat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Awstrija, President tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, riforma ewlenija tat-telekomunikazzjonijiet li tinkludi Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u mandat aġġornat għall-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Ir-regoli l-ġodda ser jippromwovu l-introduzzjoni rapida tal-5G fl-Ewropa kollha, jixprunaw l-innovazzjoni u jsaħħu l-ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Illum adottajna riforma wiesa' tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li ser tiżgura konnettività fissa u mobbli ta' kwalità għolja ħafna għal kulħadd u ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur. Ir-regoli l-ġodda ser jintroduċu wkoll sistema ta' twissija pubblika li ssalva l-ħajjiet 'reverse 112’ kif ukoll limiti massimi tal-prezzijiet għal telefonati u messaġġi b'test fl-UE, li hija aħbar tajba ħafna għal kulħadd. Norbert Hofer, Ministru għat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Awstrija, President tal-Kunsill

Il-ministri evalwaw il-progress li sar f'proposta biex jiġi stabbilit Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni. L-għan tal-abbozz ta’ regolament huwa li tiġi stabbilita struttura effiċjenti biex jinġabru u jiġu kondiviżi kapaċitajiet ta' riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà u li jiġu utilizzati soluzzjonijiet innovattivi taċ-ċibersigurtà.

Il-ministri evalwaw ukoll il-progress u kellhom skambju ta' fehmiet dwar proposta biex jiġu aġġornati r-regoli tal-privatezza għall-komunikazzjoni elettronika (Privatezza Elettronika). Il-proposta għandha l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja privata, il-komunikazzjonijiet u d-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal fornituri ta’ servizzi differenti. L-iskambju ta’ fehmiet ipprovda gwida għal aktar ħidma dwar il-proposta.

Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar tliet proposti leġislattivi li n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwarhom jinsabu għaddejjin jew waslu biex jibdew: l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku; l-implimentazzjoni ta' .eu bħala isem ta' dominju tal-ogħla livell; u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025