"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Tranżizzjoni diġitali: insawru l-futur diġitali tal-UE

It-tranżizzjoni diġitali hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-awtonomija strateġika tal-UE. L-UE trid tiżgura li l-Ewropa taħtaf bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mid-deċennju diġitali.

Diġitalizzazzjoni: opportunitajiet u riskji

It-teknoloġiji diġitali qed jittrasformaw il-ħajja tan-nies - mill-mod kif nikkomunikaw għal kif ngħixu u naħdmu.

Id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tipprovdi soluzzjonijiet għal ħafna mill-isfidi li l-Ewropa u l-Ewropej għandhom quddiemhom u toffri opportunitajiet bħal:

  • il-ħolqien tal-impjiegi
  • l-avvanz tal-edukazzjoni
  • spinta lill-kompetittività u l-innovazzjoni
  • il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iffaċilitar ta' tranżizzjoni ekoloġika

Id-diġitalizzazzjoni għandha rwol essenzjali għas-soċjetà, il-prosperità u l-innovazzjoni. Madankollu, it-teknoloġiji diġitali ma joffrux biss benefiċċji u opportunitajiet, iżda joħolqu wkoll sfidi u riskji ġodda. Il-kriżi tal-COVID-19, pereżempju, enfasizzat id-distakki diġitali persistenti fl-Ewropa – mhux biss bejn żoni konnessi sew u territorji remoti, iżda wkoll bejn in-nies u n-negozji li jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ispazju diġitali u dawk li ma jistgħux.

Biex is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jkunu adattati għall-era diġitali, l-UE hija impenjata li toħloq spazju diġitali sikur għaċ-ċittadini u għan-negozji b'mod li jkun inklużiv u aċċessibbli għal kulħadd. Dan ifisser li tippermetti trasformazzjoni diġitali li tħares il-valuri tal-UE u tipproteġi d-drittijiet fundamentali u s-sigurtà taċ-ċittadini, filwaqt li ssaħħaħ ukoll is-sovranità diġitali tal-Ewropa.

Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-UE:

  • tindirizza kwistjonijiet li jfixklu t-trasformazzjoni diġitali (bħan-nuqqas ta' ħiliet, in-nuqqas ta' infrastrutturi u d-diġitalizzazzjoni kajmana tas-setturi pubbliċi u privati)
  • tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq reġjuni oħra għal kapaċitajiet diġitali ewlenin
  • iżżid l-investiment fit-teknoloġiji diġitali
  • tippromwovi l-konverġenza fost l-istati membri
  • toħloq sinerġiji bejn it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali

Programm dwar id-deċennju diġitali

Il-"perkors għad-deċennju diġitali" huwa programm ta' politika tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali. Il-programm huwa strutturat fuq erba' oqsma:

  • il-ħiliet diġitali
  • it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji
  • l-infrastrutturi diġitali siguri u sostenibbli
  • id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Il-programm ta' politika dwar id-deċennju diġitali jistabbilixxi miri u stadji importanti diġitali speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2030. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, dan jinkludi ċiklu ta' kooperazzjoni annwali li jinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istati membri, kif ukoll mekkaniżmu ta' monitoraġġ.

Il-programm jiddependi ħafna fuq proġetti fuq skala kbira li jippermettu lill-istati membri jikkontribwixxu r-riżorsi tagħhom u jaħdmu flimkien mill-qrib biex jibnu kapaċitajiet diġitali li ma setgħux jiżviluppaw waħedhom.

Dawn il-proġetti bl-involviment ta' diversi pajjiżi jiffaċilitaw l-investimenti f'oqsma bħal:

  • l-infrastruttura komuni tad-data
  • l-implimentazzjoni ta' kurituri 5G
  • il-computing ta' prestazzjoni għolja
  • l-infrastruttura tas-servizzi blockchain
  • l-amministrazzjoni pubblika diġitali
  • is-sħubijiet ta' teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali

Adozzjoni tal-programm ta' politika dwar id-deċennju diġitali

F'Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar il-"kumpass diġitali" li jistabbilixxi viżjoni u miri għat-trawwim tad-diġitalizzazzjoni fl-UE sal-2030. Dan jiddeskrivi l-ambizzjoni tal-UE li tkun diġitalment sovrana f'dinja miftuħa u interkonnessa, u li ssegwi politiki diġitali li jippermettu lin-nies u lin-negozji li jsawru futur diġitali ċċentrat fuq il-bniedem, inklużiv, sostenibbli u prosperu.

Il-Kumpass jinkludi proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi stabbilit programm ta' politika tal-UE li jistabbilixxi l-qafas ta' governanza biex jintlaħqu l-objettivi diġitali għall-2030.

Fil-25 ta' Marzu 2021, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sovranità diġitali tal-UE b'mod awtonomu u miftuħ u stiednu lill-Kunsill jeżamina malajr il-kumpass diġitali bil-ħsieb li jħejji l-programm ta' politika diġitali previst. Huma stiednu wkoll lill-Kummissjoni tidentifika aktar sistemi ta' teknoloġiji kritiċi u setturi strateġiċi addizzjonali, u twessa' s-sett ta' għodod tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali.

Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni pproponiet il-programm ta' politika diġitali "Perkors għad-Deċennju Diġitali" f'Settembru 2021. Il-Kunsill adotta l-programm fit-8 ta' Diċembru 2022.

Ara wkoll

Mara mdaħħla fl-età titbissem waqt li tuża tablet, imdawra b'linji astratti ta' kejbils tad-data u tan-network, li juru l-konnettività u l-adozzjoni diġitali.

"Perkors għad-Deċennju Diġitali": il-pjan tal-UE li tikseb Ewropa diġitali sal-2030

Mikroċippa b'ċirkwiti mpinġija madwarha.

L-industrija taċ-ċipep tal-UE

Fl-isfond tidher ringiela ta' supercomputers, b'kodiċi binarju mifrux fuq ix-xellug, man-naħa ta' fuq. Fuq quddiem, persuna qed iżżomm laptop u tħares lejh.

L-UE tippjana li tagħti spinta lill-IA b'supercomputers

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Novembru 2025