L-industrija taċ-ċipep tal-UE
L-att tal-UE dwar iċ-ċipep jirrikonoxxi r-rwol essenzjali li għandhom il-mikroċipep f'kollox, mill-elettronika tal-konsumatur sal-infrastruttura kritika, u l-kontribut importanti tagħhom għall-kompetittività tal-UE.
X'inhuma ċ-ċipep u għaliex huma importanti?
Il-mikroċipep (imsejħa wkoll ċipep jew semikondutturi) huma settijiet żgħar ta' ċirkwiti elettroniċi maħluqa fuq biċċa ċatta żgħira ta' siliċju.
Iċ-ċipep huma d-DNA tat-teknoloġija moderna – jistgħu jaqbdu, jaħżnu, jipproċessaw u jimmaniġġaw id-data, u dan jagħmilhom essenzjali f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet kritiċi u ta' kuljum.
Il-ħajja ta' kuljum
Iċ-ċipep iħaddmu l-ismartphones, il-laptops, il-consoles tal-logħob, il-modems, it-televiżjonijiet u l-apparat tad-dar tagħna.
Applikazzjonijiet kritiċi
Iċ-ċipep huma vitali fl-industrija tal-karozzi, fl-avjazzjoni u fil-kura tas-saħħa, inkluż fit-tagħmir dijanjostiku mediku.
Infrastrutturi ewlenin
Iċ-ċipep għandhom rwol fundamentali fis-sistemi tal-enerġija, tad-difiża, tal-mobbiltà, tad-data u tal-komunikazzjoni.
Iċ-ċipep huma essenzjali wkoll għall-ambizzjoni tal-UE li ssir mexxejja globali fl-IA u ser jipprovdu l-pedament għat-teknoloġiji li ser ikunu kruċjali biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE — mill-applikazzjonijiet tal-IA u l-infrastruttura tal-cloud sad-droni, il-vetturi konnessi u r-robotika industrijali.
Il-pożizzjoni tal-UE fis-suq globali
Is-suq globali tas-semikondutturi qed jevolvi b'mod rapidu. Is-semikondutturi kienu t-tielet l-aktar prodott bażiku nnegozjat fid-dinja fl-2025, wara ż-żejt u l-vetturi.
Sal-2030, is-suq globali tas-semikondutturi mistenni jilħaq €1.37 triljun bħala daqs, bil-komponenti relatati mal-IA jirrappreżentaw madwar 70% ta' dak it-tkabbir.
Il-konsum tas-semikondutturi fl-UE laħaq €41.1 biljun, jiġifieri 10.5% tal-kunsinni globali. Madankollu, l-UE tipproduċi inqas minn 10% tas-semikondutturi globali.
Barra minn hekk, kważi 80% tal-fornituri tad-ditti tas-semikondutturi tal-UE għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra l-UE.
L-Att tal-UE dwar iċ-ċipep
Objettivi
L-att tal-UE dwar iċ-ċipep, adottat f'Lulju 2023, jindirizza l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċa l-industrija tas-semikondutturi, bil-ħsieb li:
- itaffi n-nuqqasijiet
- isaħħaħ l-awtosuffiċjenza u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq atturi barranin
- joħloq impjiegi ta' kwalità tajba u opportunitajiet ta' negozju
L-att għandu l-għan li jirdoppja s-sehem tal-UE fis-suq globali tas-semikondutturi, minn 10% għal mill-inqas 20% sal-2030.
Tliet pilastri
Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa
Din l-inizjattiva tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet u l-innovazzjoni teknoloġiċi fuq skala kbira.
Sigurtà tal-provvista u reżiljenza
Dan l-element ċentrali għandu l-għan li jattira aktar investimenti u jiżgura katina tal-provvista affidabbli għall-produzzjoni tas-semikondutturi.
Sistema ta' monitoraġġ u rispons għall-kriżijiet
Din is-sistema tagħmilha possibbli li jiġu antiċipati n-nuqqasijiet u jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet matul il-kriżijiet, u b'hekk l-UE tkun tista' tirreaġixxi malajr għat-tfixkil.
L-att tal-UE dwar iċ-ċipep huwa pass vitali lejn l-iżgurar tal-kompetittività tar-reġjun fis-suq globali tas-semikondutturi filwaqt li jiżgura wkoll il-futur teknoloġiku tal-Ewropa.
Skont evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-att dwar iċ-ċipep għen biex jiġu mobilizzati aktar minn €52 biljun f'investiment pubbliku u privat u ħoloq madwar 46 000 impjieg dirett u indirett.
It-tisħiħ ulterjuri tas-sovranità teknoloġika tal-UE
Minkejja l-progress li sar bis-saħħa tal-att Ewropew dwar iċ-ċipep, l-UE għadha tiddependi fuq pajjiżi terzi f'oqsma ewlenin bħall-produzzjoni avvanzata taċ-ċipep u d-disinn tas-semikondutturi. L-UE, pereżempju, tiddependi kważi għalkollox fuq l-Istati Uniti u fuq l-Asja għaċ-ċipep l-aktar avvanzati u tal-ogħla livell ta' inqas minn 5 nanometri, inkluż ċipep tal-IA.
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ressqet proposta għal att Ewropew dwar iċ-ċipep 2.0. Filwaqt li tibni fuq l-att oriġinali dwar iċ-ċipep u l-istruttura tiegħu bi tliet pilastri, l-inizjattiva, li hija parti mill-pakkett Ewropew dwar is-sovranità teknoloġika, għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-katina tal-valur globali tas-semikondutturi.
Għandha wkoll il-mira li tappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ogħla livell, b'mod partikolari l-applikazzjoni tal-IA u t-teknoloġiji tal-cloud, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista.
Barra minn hekk, il-proposta tiffoka fuq it-titjib tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iżgurar ta' provvista stabbli.
Il-Kunsill u l-Parlament bħalissa qed jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-proposta għal att Ewropew dwar iċ-ċipep 2.0. Ladarba jiġi adottat, huma ser jinnegozjaw il-forma finali tar-regolament.
Ara wkoll
Il-politika industrijali tal-UE
Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Settembru 2026