Żona Ewropea tar-Riċerka
Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha l-għan li toħloq suq uniku tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija. Hija tħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi u l-għarfien, u tgħin biex jiġu allinjati l-politiki u l-programmi nazzjonali tar-riċerka.
Għanijiet
Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), imnedija fl-2000, għaddiet minn tiġdid kbir fl-2020 sabiex tinbena żona tar-riċerka komuni li tkun aktar tanġibbli u ta' impatt għar-riċerkaturi, l-innovaturi u ċ-ċittadini madwar l-Ewropa.
Għanijiet taż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida
L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&i) għal futur ekoloġiku u diġitali
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità
It-titjib tal-aċċess għall-infrastrutturi u faċilitajiet għar-riċerkaturi
It-trawwim tal-prattiki tax-xjenza miftuħa
L-appoġġ għall-mobbiltà, il-ħiliet u l-opportunitajiet ta' karriera tar-riċerkaturi
Iż-ŻER il-ġdida ssaħħaħ il-koordinazzjoni fl-UE, mal-istati membri tagħha u s-settur privat, kif ukoll mas-sħab internazzjonali, u b'hekk l-Ewropa tingħata vantaġġ kompetittiv għall-benefiċċju kemm tal-kumpaniji kif ukoll taċ-ċittadini.
Wieħed mill-pilastri ewlenin taż-ŻER il-ġdida ser ikun il-"patt għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa". Skont dan il-patt l-istati membri tal-UE impenjaw ruħhom għal:
- sett ta' prinċipji u valuri komuni
- oqsma ta' prijorità komuni għall-azzjoni
- investimenti u riformi
- koordinazzjoni ta' politika u proċess ta' monitoraġġ simplifikati fil-politiki tar-R&I
Aġenda ta' politika 2025-2027
L-aġenda politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2025–2027, approvata mill-Kunsill f’Mejju 2025, hija mfassla madwar tmien azzjonijiet ewlenin taż-ŻER u 11-il politika strutturali taż-ŻER bil-għan li jsaħħu x-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa.
Il-politiki strutturali taż-ŻER jiffukaw fuq oqsma bħal:
- ix-xjenza miftuħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sostenibbiltà tal-karrieri fir-R&I
- it-tisħiħ tal-infrastruttura tar-riċerka u l-kollaborazzjoni internazzjonali
- ir-riforma tal-valutazzjonijiet tar-riċerka u l-ispinta lill-valorizzazzjoni tal-għarfien
L-azzjonijiet taż-ŻER huma inizjattivi speċifiċi u orjentati lejn l-għanijiet imfassla biex jagħtu valur dirett u li jista' jitkejjel li għandu jitlesta fi żmien tliet snin. Xi eżempji jinkludu:
- il-promozzjoni tal-ekwità fix-xjenza miftuħa
- l-avvanz tal-intelliġenza artifiċjali fir-riċerka xjentifika
- it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka
Dawn l-inizjattivi ser jitwettqu volontarjament mill-istati membri abbażi tal-prinċipju tal-ġeometrija varjabbli, li jippermetti flessibbiltà dwar jekk jipparteċipawx jew le.
Mira tal-investiment
Il-prijoritizzazzjoni tal-investimenti fir-R&I hija importanti biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-Ewropa, titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.
L-UE hija minn ta' quddiem f'dan ir-rigward peress li kważi żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku tagħha matul dawn l-aħħar deċennji kien xprunat mill-innovazzjoni. Barra minn hekk, l-UE tirrappreżenta kważi 20% tal-investiment globali fir-R&I, u trid iżżid in-nefqa tagħha fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.
Iż-ŻER il-ġdida tistabbilixxi mira ta' investiment ta' 3% tal-PDG għar-riċerka u l-iżvilupp, li kienet għadha 2.19% fl-2018.
Finanzjament u pariri strateġiċi dwar ir-riċerka
"Orizzont Ewropa" huwa l-fond ewlieni tal-UE għall-appoġġ tal-implimentazzjoni taż-ŻER il-ġdida.
Mill-2021 sal-2027, Orizzont Ewropa għandu baġit ta' €95.5 biljun, li 3.3% minnhom għandhom jintużaw għat-"twessigħ tal-parteċipazzjoni", jiġifieri t-tisħiħ taż-ŻER u l-appoġġ għall-pajjiżi tal-UE bi prestazzjoni aktar baxxa tar-R&I.
Il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa l-kumitat konsultattiv għall-politika strateġika tal-UE dwar suġġetti tar-R&I fi ħdan iż-ŻER.
Il-Kumitat huwa korp preparatorju għall-Kunsill, u l-missjoni ewlenija tiegħu hija li jagħti pariri lill-Kunsill (b'mod partikolari lill-Kunsill Kompetittività), lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istati membri tal-UE dwar l-oqsma prijoritarji taż-ŻER.
Orizzont Ewropa
L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Awwissu 2025