Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 22 ta' Ġunju 2015 13:15

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet UE-ASEAN

1.       L-UE għandha interess strateġiku ġenwin fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li hija l-kontributur ewlieni għall-istabbiltà fir-reġjun Asja-Paċifiku. ASEAN b’saħħitha u koeżiva li tipproċedi bl-integrazzjoni tagħha stess hija ta' benefiċċju għall-prosperità reġjonali, l-istabbiltà u s-s-sigurtà, u toħloq opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni dwar sfidi reġjonali u globali. Il-Kunsill laqa’ l-momentum il-ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN u ssottolinja l-impenn tal-UE fl-appoġġ tal-integrazzjoni reġjonali tal-ASEAN u approfondiment akbar tar-relazzjonijiet. 

2.       Il-Kunsill tenna li l-mixja lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-ASEAN għandha tkun akkumpanjata mill-preżenza tal-UE fuq il-mejda strateġika tar-reġjun, inkluż fil-livell ta’ summit, permezz tal-involviment tal-UE fil-proċess tas-Summit tal-Asja tal-Lvant. Kemm l-UE kif ukoll l-ASEAN għandhom jaħdmu flimkien biex ir-relazzjoni timxi lejn il-livell strateġiku, biex jagħtu riżultat ta' sustanza bħala responsabbiltà konġunta. Il-Kunsill jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta tar-RGħ/VP-Kummissjoni: 'L-UE u ASEAN: sħubija bi skop strateġiku' li timxi fuq il-gwida u d-deċiżjonijiet tal-20 Laqgħa Ministerjali ASEAN-UE li saret fi Brussell f'Lulju 2014 u li stabbilixxiet l-oqsma ta' prijoritajiet għall-involviment.

3.       Il-Kunsill enfasizza fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN fil-Konnettività, li hija fil-qalba ta’ din ir-relazzjoni speċjali bejn reġjun u ieħor. L-UE għandha assi ta’ valur biex tappoġġa lill-ASEAN fil-kisba tal-objettivi tagħha fir-rigward tal-Konnettività u qed tistenna bil-ħerqa biex iżżid il-kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku wkoll permezz ta’ mekkaniżmi ddedikati dwar l-integrazzjoni ekonomika sostenibbli u inklużiva, il-kummerċ u l-ġestjoni tal-fruntieri. L-UE ser tipprovdi appoġġ finanzjarju mill-programmi tagħha ta’ kooperazzjoni, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja u l-programmi ta’ għajnuna bilaterali mill-Istati Membri tal-UE.

4.       Il-Kunsill issottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' rabtiet kummerċjali u ta’ investiment eqreb mal-ASEAN. Il-Kunsill laqa’ l-impenn mill-Kummissjoni li timpenja ruħha f’valutazzjoni konġunta mal-ASEAN dwar il-prospetti ta’ negozjati ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn reġjun u ieħor li jkun ta' suċċess, komprensiv, ambizzjuż u bilanċjat. Sadanittant, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-linja bilaterali ta' negozjati tal-FTA ambizzjużi, bilanċjati u komprensivi mal-ekonomiji maġġuri kollha tal-ASEAN. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi rabtiet kummerċjali, inkluż għall-benefiċċju tal-SMEs Ewropej, bi programmi ta’ appoġġ tal-UE iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu promossi politiki biex jittejjeb l-aċċess għal kreditu fi klima ta' kummerċ u investiment ġusta u trasparenti fir-reġjun tal-ASEAN. 

5.       Il-Kunsill fakkar l-importanza fundamentali tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-kuntatti bejn in-nies, bħala element essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN. Il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni tanġibbli ma’ atturi rilevanti tal-ASEAN li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, is-sitwazzjoni ta’ minoranzi vulnerabbli u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet jeħtieġu attenzjoni speċjali. 

6.       Il-Kunsill tenna l-interess tal-UE għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-ASEAN dwar it-trasport u l-avjazzjoni ċivili, inkluż fil-perspettiva ta’ ftehim dwar l-avjazzjoni ċivili bejn reġjun u ieħor. 

7.       Il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li jiġu allinjati l-pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ importanza globali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), li se jiġu adottati fis-Summit tan-NU f’Settembru 2015 fi New York. Il-Kunsill enfasizza wkoll li l-UE u l-ASEAN għandhom interess komuni fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni aktar effettiva bejn reġjun u ieħor dwar it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat eżitu ta' suċċess tal-21 Sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li għandha ssir f’Pariġi fi tmiem din is-sena. Il-Kunsill appella wkoll għall-iżvilupp ta’ djalogi ta’ politika u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar l-ambjent, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-ġestjoni tad-diżastri, ir-reżiljenza u tal-iżvilupp sostenibbli, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Brunei u abbażi tal-esperjenza tal-UE fl-indirizzar ta’ tali kwistjonijiet fuq skala kontinentali. Id-djalogu ta' politika għandu jindirizza sfidi ambjentali ewlenin ta' interess tal-UE inkluż: it-telfien tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, il-kummerċ illegali tal-injam u tal-organiżmi slavaġ, kif ukoll il-konsum mhux sostenibbli u x-xejriet ta' produzzjoni.

8.       Il-Kunsill tenna l-offerta tal-UE għall-kontribuzzjoni sostanzjali fl-oqsma relatati mal-politika u mas-sigurtà/difiża mmexxija mill-ASEAN, inkluż fis-Summit tal-Asja tal-Lvant. Il-Kunsill enfasizza l-valur ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN dwar is-sigurtà, filwaqt li jirrikonoxxi li għandna sfidi komuni li għandhom impatt globali inkluż is-sigurtà marittima u sfidi ta' sigurtà "mhux tradizzjonali", xprunati mill-interessi komuni u mill-kapaċitajiet ġodda fuq iż-żewġ naħat biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà b’mod komprensiv. Il-Kunsill faħħar l-impenn imsaħħaħ tal-UE fil-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), li rriżulta wkoll f’kopresidenzi ta' laqgħat ewlenin, fit-tlaqqigħ, mal-Brunei Darussalam tal-ewwel Sessjoni ta' Ħidma tal-ARF dwar id-Diplomazija Preventiva u l-Medjazzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ żewġ Djalogi ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-ASEAN dwar is-sigurtà marittima. L-UE ser ikollha rwol attiv ukoll fir-rigward tal-indirizzar ta' suġġetti importanti oħra, bħan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, ir-rispons tal-emerġenza, iċ-ċibersigurtà, l-emerġenzi tal-migrazzjoni u t-traffikar tad-droga u tal-bnedmin. 

9.       Il-Kunsill issottolinja li l-UE tikkondividi l-impenn tal-ASEAN sabiex tippreserva l-Asja tax-Xlokk bħala reġjun ħieles mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta’ qerda massiva kif imnaqqax fit-Trattat tal-Asja tax-Xlokk bħala Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari (traduzzjoni mhux uffiċjali) (SEANWFZ) u l-Karta tal-ASEAN. Il-Kunsill issottolinja wkoll l-importanza tal-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-eliminazzjoni tat-trasferimenti illeċiti tal-armi. Il-Kunsill laqa’ l-ħidma taċ-Ċentru Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN) f'Manila sponsorjat mill-UE fl-Asja tax-Xlokk, li jassisti fl-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ rispons u li jrawwem il-koordinazzjoni reġjonali.

10.       Il-Kunsill appella lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati hawn fuq u l-Komunikazzjoni Konġunta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, billi jibnu fuq l-attivitajiet tagħhom, inklużi inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni tal-ASEAN.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024