- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 20 ta' Lulju 2015 17:45
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran
1. Il-Kunsill jilqa' l-ftehim tal-14 ta' Lulju 2015 li ntlaħaq fi Vjenna bejn l-Iran u ċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka, bil-faċilitazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Estera u ta' Sigurtà, rigward Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (JCPOA). Fil-kuntest tal-isforzi diplomatiċi li ilhom isiru biex tinstab soluzzjoni komprensiva, dejjiema u paċifika għall-kwistjoni nukleari tal-Iran, dan huwa mument storiku.
2. Il-Kunsill jesprimi l-apprezzament tiegħu għar-rwol ta' koordinazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, li kien strumentali biex dawn in-negozjati jiġu konklużi b'suċċess u jirrikonoxxi s-sostenn tal-gvern Awstrijakk billi ospita ċ-ċiklu finali tat-taħditiet. Il-Kunsill jirrikonoxxi r-rwol li kellhom Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit sa mit-tnedija tan-negozjati f'Tehran fl-2003 bil-Ftehim ta' Tehran.
3. Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni sħiħa mill-Iran tal-impenji tiegħu taħt il-JCPOA, inkluż il-Pjan Direzzjonali maqbul mill-IAEA ser tikkontribwixxi biex tissawwar fiduċja internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran.
4. Il-Kunsill japprova l-JCPOA u jikkommetti ruħu li jżomm mat-termini tiegħu u jsegwi l-pjan ta' implimentazzjoni maqbul.
5. Il-Kunsill jappoġġa bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adottata b'mod unanimu fl-20 ta' Lulju 2015 li tapprova l-JCPOA u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu.
6. Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li n-naħat kollha issa jaħdmu lejn l-implimentazzjoni ta' dan il-JCPOA. Il-Kunsill jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tkompli bir-rwol ta' koordinazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-JCPOA. Il-Kunsill itenni li l-azzjonijiet u l-impenji tal-UE taħt il-JCPOA relatati mat-tneħħija tas-sanzjonijiet ser jitwettqu f'konformità mal-iskeda ta' żmien u l-modalitajiet speċifikati fil-JCPOA; u li t-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jidħlu fis-seħħ ladaraba l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika tkun ivverifikat li l-Iran ikun implimenta l-impenji nukleari relatati tiegħu kif stipulat fil-JCPOA. Il-Kunsill jinnota li d-dispożizzjonijiet taħt il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt maqbul f'Ġinevra fl-2013 ġew estiżi għal sitt xhur oħra, biex jiġi kopert il-perijodu sakemm l-IAEA tkun ivverifikat li l-Iran ikun ħa dawn l-azzjonijiet.
7. Il-Kunsill jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-IAEA fil-verifika tal-JCPOA u jappella lill-pajjiżi kollha biex jappoġġaw lill-IAEA fit-twettiq ta' dan il-kompitu importanti, inkluż permezz ta' mezzi finanzjarji.
8. Il-Kunsill jesprimi l-aspettattiva li dan l-iżvilupp pożittiv ser jiftaħ il-bieb għal titjib kostanti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iran, kif ukoll relazzjonijiet reġjonali u internazzjonali mtejba mal-Iran, u li dan ser jikkostitwixxi bażi għal reġjun aktar stabbli u sikur.
9. Fid-dawl tal-ftehim fi Vjenna, il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tesplora modi li bihom l-UE tista' tippromwovi b'mod attiv qafas reġjonali aktar kooperattiv u tirrapporta lura lill-Kunsill fix-xhur li ġejjin.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024