Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 20 ta' Lulju 2015 12:35

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Mali

1. L-iffirmar, fil-15 ta’ Mejju u l-20 ta’ Ġunju, mill-partijiet kollha tal-Ftehim ta’ Paċi tal-Mali huwa pass importanti fit-triq lejn il-paċi u l-istabbiltà fil-Mali u r-reġjun usa’ tas-Saħel. Il-Ftehim huwa pass kruċjali biex jitreġġgħu lura l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà, u b’hekk jgħin biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni, u terġa’ tinbena l-fiduċja reċiproka li ser tippromwovi r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. L-ewwel pass, madankollu, għandu jkun rispett assolut u dejjiemi tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied attwali. 

2. L-UE tilqa’ b'mod sħiħ il-Ftehim u tfaħħar lill-Alġerija, in-Nazzjonijiet Uniti, membri oħra tat-Tim ta’ medjazzjoni, il-Gvern tal-Mali u l-koalizzjonijiet ta’ gruppi armati għall-isforzi bla heda tagħhom biex jikkonkludu dawn in-negozjati b’suċċess. B’mod partikolari, il-Kunsill jilqa’ l-impenn tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għas-Saħel matul in-negozjati. Issa l-prijorità hija l-implimentazzjoni rapida u komprensiva tal-Ftehim. Proċess trasparenti huwa essenzjali, u l-partijiet kollha għandhom jonoraw l-impenji tagħhom jekk il-poplu tal-Mali jrid iġarrab benefiċċju tanġibbli ta' paċi. Dan jinkludi l-progress fil-governanza, l-istat tad-dritt, ir-riforma tas-setturi tal-ġustizzja u tas-sigurtà u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ dawk responsabbli għal abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tisħaq fuq l-importanza tal-bini ta’ paċi dejjiema u inklużiva u għalhekk tissottolinja l-ħtieġa li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu involuti b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni tal-ftehim. L-UE tissottolinja wkoll l-importanza partikolari tal-promozzjoni tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ bħala parti minn sforzi usa’ għall-bini tal-paċi. Ir-responsabbiltà ewlenija għall-kisba ta’ dawn l-impenji hija f’idejn il-partijiet kollha tal-Mali nfushom. L-UE tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha li tappoġġa l-proċess, flimkien ma’ membri oħra tat-Tim ta' medjazzjoni u l-komunità internazzjonali, bil-mezzi u l-istrumenti kollha adatti għad-dispożizzjoni tagħha u billi jkollha rwol attiv fil-mekkaniżmu ta’ segwitu.

3. Minkejja l-iffirmar mill-partijiet kollha, is-sitwazzjoni fil-post tibqa’ fraġli kif jixhdu l-attakki reċenti fuq il-forzi tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA). L-UE tikkundanna l-attakki terroristiċi kollha u tissottolinja l-importanza li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja, u tenfasizza li jeħtieġ li l-partijiet kollha jiżguraw l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, inkluż il-persunal tan-NU u l-ħaddiema umanitarji. Hija ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għall-MINUSMA li għandha rwol ewlieni, taħt il-mandat imġedded tagħha biex tappoġġa u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ paċi. Hija tenfasizza wkoll l-importanza ta’ koordinazzjoni kontinwa u mill-qrib bejn l-UE u n-NU.

4. Waqt li tfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015, l-UE tafferma mill-ġdid l-approċċ komprensiv tagħha biex jiġu ffaċilitati l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-pajjiż. Hija tenfasizza r-rwol kontinwu u importanti li għandhom il-Missjonijiet tal-PSDK tagħha EUTM Mali u EUCAP Sahel Mali fil-promozzjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà. Dan ix-xogħol essenzjali qed jibqa' jkollu rwol importanti biex jingħata kontribut għall-bini ta’ forzi armati tas-sigurtà nazzjonali inklużivi, effettivi u responsabbli. L-UE tissottolinja l-kontribut proattiv tagħha għall-irkupru tal-pajjiż permezz tal-programmazzjoni konġunta, inkluż l-istrumenti tal-Istati Membri tal-UE u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Mali taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi. 

5. L-UE tenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-iżgurar tas-sigurtà u l-prosperità tal-Mali. Dak li jiġri f’pajjiż wieħed ikollu impatt fuq ir-reġjun kollu u l-pajjiżi ġirien. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon il-bidu mir-Rappreżentant Għoli fis-17 ta’ Ġunju 2015 ta’ djalogu politiku mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G5 tas-Saħel u segretarju permanenti tal-G5 tas-Saħel. Il-Kunsill jistieden lir-RGħ, lir-RSUE u lill-Kummissjoni biex ifittxu l-aktar approċċ koerenti bejn dan id-djalogu u l-implimentazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għar-Reġjun tas-Saħel bl-erba' oqsma ta' prijorità tiegħu; il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni; il-ħolqien ta' kondizzjonijiet adatti għaż-żgħażagħ; il-migrazzjoni u l-mobbiltà; il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata transnazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi kollha tar-reġjun tas-Saħel u s-sħab internazzjonali tiegħu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024