- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 16 ta' Novembru 2015 11:30
Servizzi ta’ ħlas elettroniku: Il-Kunsill jadotta regoli aġġornati
Fis-16 ta' Novembru 2015, il-Kunsill adotta direttiva li għandha l-għan li tkompli tiżviluppa suq fl-UE kollha għall-ħlas elettroniku.
Id-direttiva tinkorpora u tirrevoka d-direttiva 2007/64/KE, li pprovdiet il-bażi legali għall-ħolqien ta’ suq uniku fl-UE kollha għall-ħlas elettroniku.
Id-direttiva riveduta tadatta r-regoli biex tkopri servizzi ta’ ħlas emerġenti u innovattivi, inkluż ħlas permezz tal-internet u ċ-ċellulari. Hija għandha l-għan li tiżgura ambjent aktar sigur għall-ħlas, b’mod partikolari għal min juża mezzi remoti.
Bidliet fil-kummerċ elettroniku
Mill-adozzjoni tad-direttiva oriġinali dwar servizzi ta’ ħlas fl-2007 'l hawn, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku evolvew metodi innovattivi għall-bidu tal-ħlas. Normalment dawn jifformaw "pont" ta' software bejn is-sit web tan-negozjant u l-pjattaforma bankarja online tal-bank ta' min iħallas sabiex jinbdew ħlasijiet permezz tal-internet abbażi ta' trasferiment ta' kreditu. Dawn is-servizzi issa huma koperti mid-direttiva. Huma jippermettu lill-fornitur tas-servizz tal-bidu ta' ħlas (li qatt ma jkun fil-pussess tal-fondi tal-utent) jipprovdi serħan tal-moħħ lill-benefiċjarju li l-fondi meħtieġa għal tranżazzjoni speċifika ta' ħlas ikunu disponibbli fil-kont tal-konsumatur u li l-ħlas ikun inbeda.
Ġiet stabbilita wkoll sistema regolatorja li tkopri l-attivitajiet tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet. Dawn is-servizzi joffru lill-utent tas-servizz ta’ ħlas, pereżempju, informazzjoni aggregata online dwar kontijiet ta' ħlas miżmuma għand fornituri oħrajn ta' servizzi ta' ħlas. Dan jippermetti lill-utent tas-servizz tal-ħlas li jkollu stampa globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu fi kwalunkwe mument, fi ħdan ambjent sigur.
Ħlas sigur permezz tal-internet
Fl-istess ħin, id-direttiva tippromwovi miżuri ta’ sigurtà aktar b'saħħithom għall-ħlas permezz tal-internet u għall-użu tas-servizzi pprovduti minn atturi ġodda fis-suq. Hija ser tiżgura l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-klijenti biex tidentifika lill-klijent għal kull tranżazzjoni. Is-sistema l-ġdida u msaħħa ta' superviżjoni ser iżżid aktar il-livell ta’ sigurtà u l-ħarsien tal-konsumatur f’dan il-qasam.
Skadenza għall-istati membri
Id-direttiva ġiet adottata f’laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, mingħajr diskussjoni. L-istati membri ser ikollhom sentejn biex jittrasponu d-direttiva fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom.
Intlaħaq qbil dwar it-test mal-Parlament Ewropew fil-5 ta’ Mejju 2015. Konsegwentement, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-8 ta' Ottubru.
Kuntatti għall-istampa
-
Azadeh Sharafshahi Uffiċċjal tal-istampa
- +32 2 281 31 95
- +32 475 69 18 65
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024