- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Novembru 2015 13:50
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
1. L-Unjoni Ewropea (UE) tibqa' determinata li takkumpanja t-Transizzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RCA) lejn it-tmiem tagħha b'elezzjonijiet kredibbli u trasparenti. L-UE tikkundanna l-vjolenza u t-tentattivi ta' destabbilizzazzjoni reċenti li għandhom l-għan li jxekklu t-treġġigħ lura tal-ordni kostituzzjonali u li titkebbes il-mibegħda komunitarja. M'għandha tiġi ttollerata ebda parti li tirrifjuta li tikkonforma mal-ftehim dwar id-diżarm li ġie ffirmat fl-10 ta' Mejju 2015, mal-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied u l-vjolenza ffirmat fit-23 ta' Lulju 2014 fi Brazzaville, kif ukoll mal-impenji tal-gruppi politiko-militari li jieħdu sehem fil-Forum ta' Bangui biex jitwaqqfu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, iffirmati fil-5 ta' Mejju 2015. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li tittejjeb il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u li jitkomplew, mingħajr dewmien, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-impunità. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-qafas tal-Forum ta' Bangui jibqgħu kruċjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà, il-paċi, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali.
2. L-UE tilqa’ t-tħabbira tad-9 ta’ Novembru tal-iskeda kronoloġika elettorali kif ukoll l-attendenza għal-laqgħat tal-10 ta’ Novembru 2015 tal-elettorat għar-referendum u l-elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi mill-awtoritajiet ta' Transizzjoni. Ir-rata għolja ta' reġistrazzjoni tal-elettorat fir-RCA hija xhieda tar-rieda tal-poplu li jieħu sehem fl-elezzjonijiet. Huwa importanti li jiġu mobilizzati l-isforzi interni u esterni kollha biex qabel l-aħħar tas-sena 2015 jiġi organizzat ir-referendum kostituzzjonali u l-ewwel ċiklu ta' elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi. Huwa ta' importanza partikolari li safejn ikun possibbli ċittadini Ċentru-Afrikani refuġjati fil-pajjiżi ġirien ikunu jistgħu jirreġistraw ruħhom. Huwa wkoll importanti li jitkomplew l-isforzi għall-pubblikazzjoni rapida ta' lista elettorali definittiva, kredibbli u inklużiva sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni nazzjonali tar-RCA. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) u tal-pajjiżi fir-reġjun involuti biex ir-refuġjati Ċentru-Afrikani jkunu jistgħu jivvutaw.
3. L-UE tistieden lill-Medjatur Internazzjonali, lill-President tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS) u lill-pajjiżi tas-subreġjun biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-iskeda kronoloġika l-ġdida tal-elezzjonijiet approvata mill-partijiet Ċentru-Afrikani kkonċernati u biex, kemm jista' jkun malajr, japprovaw l-estensjoni teknika tal-perijodu ta' transizzjoni biex tiġi aġġustata skont l-iskeda kronoloġika l-ġdida. L-UE qed tkompli tanalizza l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jintbagħtu esperti elettorali waqt l-iskrutinju li jmiss fir-RCA biex jitkomplew l-isforzi li qed isiru, f'ambjent ta' sigurtà adatt permezz tal-appoġġ tal-forzi internazzjonali. Barra minn hekk, l-UE, li tagħti l-akbar kontribut għall-finanzjament tal-proċess elettorali, tilqa' l-wegħdiet ta' kontribut espressi minn diversi Stati u tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tirrispetta l-impenji tagħha malajr.
4. L-UE tilqa' l-azzjoni tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA) u l-appoġġ tal-operazzjoni Sangaris li jibqgħu indispensabbli biex jiġi żgurat ambjent sigur, speċjalment waqt l-elezzjonijiet, sabiex il-popolazzjoni kollha tkun tista' tieħu sehem. Minbarra l-elezzjonijiet, l-azzjoni tal-MINUSCA b'appoġġ għal stabbilizzazzjoni dejjiema tar-RCA u r-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) hija essenzjali, inkluż bil-progress fil-proċess tad-DDR, u għandha ssir b'rabta mal-komunità internazzjonali.
5. Biex tiġi żgurata stabilizzazzjoni dejjiema tal-pajjiż, l-awtoritajiet ta' Transizzjoni għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-impunità, bl-appoġġ tal-MINUSCA u tal-komunità internazzjonali. Il-ġustizzja transizzjonali, kif ukoll ir-rikostruzzjoni tal-katina penali u penitenzjarja, huma essenzjali biex jitwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-vjolenza sesswali u dik ibbażati fuq is-sessi. F'dan il-kuntest, l-UE tappella lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli għall-prevenzjoni ta' atti ta' vjolenza bħal dawn u ttenni l-importanza li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
6. F'dan il-kuntest politiku u ta' sigurtà diffiċli, il-Kunsill jilqa' l-ħidma tal-missjoni EUMAM b'appoġġ għar-ristrutturazzjoni tal-forzi armati Ċentru-Afrikani. Il-Kunsill jifraħ bit-tnedija reċenti ta' formazzjonijiet nonoperattivi, li hija pass ġdid fl-appoġġ għar-ristrutturazzjoni tal-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FAĊA). F'din l-estensjoni, il-Kunsill iqis li jeħtieġ li jiġi approfondit l-appoġġ lill-FAĊA u li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet taċ-Ċentru-Afrikani, b'appoġġ lin-Nazzjonijiet Uniti li rċevew il-mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà biex jappoġġaw ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RCA. Huwa f'dan il-kuntest li l-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tagħti bidu għal ħidma ta' pjanifikazzjoni bil-ħsieb li, fil-bidu tal-2016, jiġi ppreżentat kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet li jiddeskrivi proċess ta' evoluzzjoni tal-EUMAM lejn missjoni tal-Kunsill strateġiku u ta' formazzjonijiet operattivi, mnedija wara li l-awtoritajiet eletti b'mod demokratiku jkunu daħlu fis-setgħa u fi żmien utli qabel ma jintemm il-mandat tal-EUMAM. Dan, f'koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u b'mod koerenti mal-proċess li għaddej ta' riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Madankollu, il-Kunsill jissottolinja l-importanza ta' ħidma intensiva tal-missjoni EUMAM RCA mal-MINUSCA u l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani rigward l-atti ta' vjolenza li seħħew fi tmiem Settembru.
7. Fil-qafas tal-approċċ globali tagħha, l-UE, li s'issa tat appoġġ ta' madwar EUR 238 miljun biex tappoġġa l-azzjonijiet prinċipali tal-gvern ta' Transizzjoni, ittenni l-impenn tagħha favur it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-popolazzjoni Ċentru-Afrikana permezz tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju Bêkou. Hija tappella lil sħab oħra biex jingħaqdu f'dawn l-isforzi, b'mod partikolari b'appoġġ għall-baġit nazzjonali, sabiex tiżdied il-kapaċità tas-settur pubbliku li jagħti lill-popolazzjoni tiegħu s-servizzi essenzjali, fosthom is-saħħa u l-edukazzjoni, u li jiżgura s-sostenibbiltà tal-Istat. L-UE tmexxi 'l quddiem id-djalogu mal-awtoritajiet Ċentru-Afrikani bil-ħsieb li tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.
8. L-UE tkompli l-isforz umanitarju tagħha favur kull min qed ibati mill-konsegwenzi tal-kriżi, kemm fir-RCA kif ukoll fil-pajjiżi ġirien. Hija tfaħħar lill-organizzazzjonijiet umanitarji u ta' żvilupp għall-ħidma mwettqa f'kondizzjonijiet tas-sigurtà diffiċli, kif urew l-aħħar avvenimenti f'Bangui. L-UE tappella lill-Gvern Ċentru-Afrikan u lill-forzi internazzjonali preżenti biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex il-persunal ta' dawn l-organizzazzjonijiet ikun bla periklu biex b'hekk dawn jistgħu jerġgħu jiġu insedjati malajr. Huwa fil-fatt kruċjali li jiġi ggarantit lil dawn l-organizzazzjonijiet umanitarji u ta' żvilupp li jinsabu fir-RCA aċċess bla xkiel u sigur għall-popolazzjonijiet fil-bżonn. L-UE tappella lill-partijiet fil-konflitt biex iwaqqfu u jevitaw ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-gruppi armati u biex ikomplu jidentifikaw lil dawn it-tfal, jilliberawhom u jerġgħu jintegraw lit-tfal tagħhom fil-ħajja ċivili. L-UE ttenni l-importanza li jiġu rispettati l-obbligi marbuta mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024