- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 12 ta' Frar 2016 12:55
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu
Il-Kunsill:
1. IFAKKAR li l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Diċembru 2015 ikkonkluda li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu aktar azzjoni rapida kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fl-isferi kollha identifikati mill-Kunsill tal-20 ta’ Novembru[1];
2. JIEĦU NOTA tal-ħidma li għaddejja tal-Kunsill u tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Europol, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), il-Forum Globali kontra t-Terroriżmu, il-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL u korpi internazzjonali oħra fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;
3. JILQA’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tat-2 ta’ Frar 2016 [2], li jieħu in konsiderazzjoni t-tweġibiet tal-Istati Membri għal kwestjonarju tal-Kummissjoni u li fih azzjonijiet u inizjattivi kemm leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi, li għandhom jiġu implimentati b’rispett sħiħ għat-Trattati;
4. JENFASIZZA l-importanza li jinkiseb progress rapidu dwar l-azzjonijiet leġislattivi identifikati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, imma mhux limitati għal:
- il-qasam tal-muniti virtwali,
- it-tisħiħ tal-aċċess għall-informazzjoni, bħall-aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet tal-bank u tal-ħlas, mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF),
- miżuri adatti dwar strumenti mħallsa minn qabel, u
- miżuri kontra movimenti illeċiti ta’ flus kontanti;
JAPPELLA għalhekk lill-Kummissjoni biex tippreżenta emendi mmirati, ibbażati fuq analiżi tajba, għar-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD)[3] u jekk neċessarju għat-tieni Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament[4] kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard mit-tieni kwart tal-2016, u għar-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Flus Kontanti[5] sa mhux aktar tard mir-raba’ kwart tal-2016;
5. IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr il-pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus (AML)[6], bil-għan tal-implimentazzjoni qabel tmiem l-2016, JAQBEL LI regolarment jieħu kont tal-progress fil-laqgħat tiegħu u JISSOTTOLINJA li l-emendi mmirati għar-raba’ AMLD ma għandhomx jinterferixxu mat-traspożizzjoni attwali tagħha;
6. JIMPENJA RUĦU biex jintensifika l-ħidma fuq aktar titjib tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’:
- l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward l-iskambju ta’ informazzjoni bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni effettiva u konsistenti tad-dispożizzjonijiet rispettivi tar-raba’ AMLD matul il-ħidma li għaddejja dwar it-traspożizzjoni tagħha;
- l-inkoraġġiment lill-UIF biex iħaffu l-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni tagħhom, u, skont ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju, JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri xierqa biex jingħeleb kull ostaklu għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi;
JILQA’, f’dan il-kuntest, l-impenn tal-Kummissjoni permezz tal-Grupp Egmont tal-UIF u l-FATF;
7. JENFASIZZA wkoll l-importanza li jsir progress rapidu fil-qasam ta’ azzjonijiet mhux leġislattivi identifikati mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, bħall-implimentazzjoni aċċellerata u effettiva tal-miżuri ta’ ffriżar tan-Nazzjonijiet Uniti u l-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2016;
8. JAPPELLA għall-istabbiliment immedjat bl-assistenza tas-SEAE/il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2016, ta’ pjattaforma tal-UE, fejn possibbli bl-użu ta’ infrastruttura u għodod ta’ informazzjoni eżistenti, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu fuq bażi volontarja u b'mod pubbliku l-informazzjoni disponibbli dwar persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom Stati Membri individwali jkunu imponew iffriżar tal-assi relatat mat-terroriżmu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-KSNU;
9. JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali taħt ir-raba'AMLD tipprijoritizza r-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jidhru operazzjonalment rilevanti filwaqt li tieħu kont tal-ħidma u l-informazzjoni rilevanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi tal-istabbiliment ta’ standards fil-qasam tal-AML/CFT bħall-FATF, u JAPPELLA lill-Kummissjoni biex taqsam mal-Istati Membri s-sejbiet preliminari rilevanti ta’ din il-valutazzjoni fuq bażi regolari, u mill-inqas kull sitt xhur, minn Settembru 2016 u qabel l-iskadenza tas-26 ta’ Ġunju 2017;
10. IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri biex iwettqu l-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju, filwaqt li jipprijoritizzaw ir-riskji ta’ finanzjament tat-terroriżmu operazzjonalment rilevanti, b'kont meħud tal-ħidma u l-informazzjoni rilevanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi tal-istabbiliment ta’ standards fil-qasam tal-AML/CFT, bħall-FATF, u biex jaqsmu s-sejbiet tagħhom f’dan ir-rigward qabel tmiem l-2016;
11. JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tesplora l-ħtieġa għal restrizzjonijiet adatti fuq ħlasijiet fi flus kontanti li jaqbżu ċerti limiti u biex flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew tikkunsidra miżuri adatti fir-rigward ta’ karti tal-flus f'denominazzjoni kbira, b'mod partikolari l-karta tal-flus tal-EUR 500, b’kont meħud tal-analiżi mwettqa mill-Europol, u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2016;
12. IFAKKAR fl-importanza li tissaħħaħ b’mod urġenti l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ oġġetti kulturali, u JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġislattivi dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;
13. JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, sa minn Ġunju u wara dan, mill-inqas kull sitt xhur.
[1] Dok. 28/15
[2] Dok. 5782/16 + ADD1
[3] Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu
[4] Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern
[5] Ir-Regolament 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità
[6] Ir-raba’ AMLD u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024