- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Marzu 2016 21:30
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Kompetittività u dwar il-Klima u l-Enerġija
I. IMPJIEGI, TKABBIR U KOMPETITTIVITÀ
1. Sabiex id-diskussjonijiet tal-Kunsill jiġu orjentati fuq is-Semestru Ewropew 2016, il-Kunsill Ewropew approva l-oqsma ta' prijorità tal-politika tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: spinta ġdida lill-investiment, it-tiftix ta' riformi strutturali biex nimmodernizzaw l-ekonomiji tagħna, u t-twettiq ta' politiki fiskali responsabbli. L-Istati Membri ser jirriflettu dawn il-prijoritajiet fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza li jmiss tagħhom. Dawn il-politiki ser jikkontribwixxu biex l-irkupru attwali jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u biex jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kunsill Ewropew jinnota l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet soċjali u jenfasizza l-importanza tal-funzjonament tajjeb tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.
2. Fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju, il-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-progress li nkiseb fil-ħidma lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ser jadotta wkoll aġenda għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tas-Suq Uniku, inkluż it-twettiq tal-istrateġiji tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku, is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bil-ħsieb li jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal mhux użat tiegħu ta' tkabbir u produttività
3. Fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli tas-settur tal-azzar Ewropew, f'kuntest ta' eċċess ta' kapaċità fil-livell dinji, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill biex jeżamina malajr il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bil-għan li tittieħed azzjoni b'saħħitha b'rispons għal din l-isfida
4. Il-Kunsill Ewropew jinnota s-sitwazzjoni tal-bdiewa, b'mod partikolari fis-settur tal-prodotti tal-ħalib u dak tal-majjali, li huma affettwati serjament mill-waqgħa fil-prezzijiet. Jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi malajr b'reazzjoni għall-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill (Agrikoltura) tal-14 ta' Marzu. Ser isegwi mill-qrib l-evoluzzjoni ta' dan is-settur ta' tant importanza għall-Ewropa
5. Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tippubblika dalwaqt komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT. Huwa jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi proposti għal aktar flessibbiltà għall-Istati Membri fir-rigward ta' rati mnaqqsa tal-VAT, li jipprovdu l-possibbiltà lill-Istati Membru sabiex japplikaw rata żero ta' VAT għall-prodotti sanitarji.
II. KLIMA U ENERĠIJ
6. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-pakkett tas-sigurtà tal-enerġija kif ukoll il-Komunikazzjoni "Wara Pariġi". Huwa jħeġġeġ lil-leġislaturi jkomplu bil-ħidma fuq il-proposti sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE bħala kwistjoni ta' prijorità abbażi tal-konklużjonijiet preċedenti tiegħu u l-istrateġiji rilevanti approvati mill-Kunsill Ewropew. Ifakkar ukoll fl-importanza ta' suq tal-enerġija li jiffunzjona b'mod sħiħ u li jkun interkonness. Abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-Klima, huwa jissottolinja l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra lokalment u li żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika kif maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2014. L-adattament tal-leġislazzjoni sabiex jiġi implimentat dan il-qafas għadu prijorità. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr il-proposti rilevanti pendenti kollha għal dan l-għan sabiex il-proċess leġislattiv jibda malajr. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess l-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi fi New York fit-22 ta' April u jissottolinja l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi kemm jista' jkun malajr u fil-ħin sabiex ikunu Parti għalih sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025